Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 20 ta' Frar 2023

Riżultati prinċipali

Il-Kunsill Affarijiet Barranin beda b'minuta silenzju biex jagħti ġieħ lil aktar minn 40,000 vittma tat-terremoti devastanti fit-Turkija u s-Sirja.

L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin qasam il-fehmiet tiegħu dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, kważi sena wara li r-Russja nediet l-invażjoni mhux provokata, illegali u fuq skala sħiħa tagħha.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Irridu nkomplu bl-appoġġ b'saħħtu u sod tagħna lill-Ukrajna, sakemm din tipprevali u tirbaħ. Għalhekk, kull minuta tgħodd. Il-ħeffa ssarraf f'ħajjiet.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri ddiskutew l-appoġġ militari lill-Ukrajna permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u attivitajiet ta' taħriġ bħala parti mill-missjoni ta' assistenza militari tal-UE b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine).


Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-ħtiġijiet urġenti u sinifikanti tal-Ukrajna f'termini ta' munizzjon. F'dan ir-rigward, id-diskussjoni ffukat fuq kif jiġu intensifikati l-isforzi konġunti tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' akkwist possibbli fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet. Is-suġġett x'aktarx li ser jiġi indirizzat mill-ministri għad-difiża tal-UE fil-laqgħa informali tagħhom li jmiss fl-Iżvezja.

Il-ministri qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar il-ħidma li għaddejja biex jiġi adottat l-10 pakkett ta' sanzjonijiet kontra dawk li huma strumentali fit-tkomplija tal-gwerra ta' aggressjoni Russa, il-kwistjoni tar-responsabbiltà sħiħa għad-delitti Russi inkluż id-delitt ta' aggressjoni, u s-sensibilizzazzjoni diplomatika mas-sħab tal-G7 u fin-NU bil-ħsieb li jiġi żgurat appoġġ wiesa' għall-abbozz ta' riżoluzzjoni dwar il-prinċipji tal-Karta tan-NU li fuqhom tissejjes paċi komprensiva, ġusta u dejjiema, li għandha ssir votazzjoni dwarha fl-Assemblea Ġenerali tan-NU.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill indirizza wkoll l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali, li tiskadi f'nofs Marzu. Il-ministri qablu li għandha ssir pressjoni fuq ir-Russja biex tiġi permessa l-estensjoni tagħha u jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjonijiet agrikoli. L-UE qed tikkontribwixxi permezz tal-korsiji ta' solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna, li ffaċilitaw l-esportazzjoni ta' 51 miljun tunnellata ta' prodotti mill-Ukrajna lejn il-bqija tad-dinja, u huma kruċjali biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet dinjija tal-ikel.

Skambju informali ma' Nicu Popescu

Il-ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE kellhom skambju informali waqt l-ikla ta' nofsinhar mal-Viċi Prim Ministru, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova, Nicu Popescu dwar l-impatt tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fuq ir-Repubblika tal-Moldova, inkluż il-ksur ripetut l-aktar reċenti tal-ispazju tal-ajru tal-Moldova, u l-użu tal-provvisti tal-enerġija bħala arma mir-Russja.

Il-ministri kkonfermaw l-appoġġ tal-UE għall-Moldova fit-triq Ewropea tagħha u r-rieda li tassisti fit-tisħiħ tar-reżiljenza u s-sigurtà tal-Moldova.

F'dan ir-rigward, il-Moldova esprimiet ix-xewqa li tibbenefika minn missjoni tal-UE fil-qasam tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, u l-Kunsill ser jesplora din il-possibbiltà.

L-Afganistan

Il-Kunsill qasam il-fehmiet tiegħu dwar l-Afganistan, wara skambju informali permezz ta' vidjokonferenza mad-Deputat Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Amina Mohammed.

Il-ministri ddiskutew l-aktar żviluppi reċenti fuq il-post, u b'mod partikolari l-editt li jipprojbixxi lin-nisa milli jaħdmu għall-NGOs u l-impatt negattiv tiegħu fuq it-twassil tal-għajnuna umanitarja.

Il-ministri qablu li l-assistenza tal-UE għall-ħtiġijiet umanitarji u bażiċi u għajxien ser tkompli, sakemm din tkun tista' titwassal b'mod mhux diskriminatorju, u f'konformità mal-prinċipji maqbula mill-komunità internazzjonali ta' donaturi umanitarji. Din is-sitwazzjoni ser tiġi mmonitorjata mill-qrib u deċiża fuq bażi ta' każ b'każ matul perjodu ta' prova ta' sitt xhur.

Diplomazija dwar il-klima u l-enerġija

Il-Kunsill iddiskuta d-diplomazija dwar il-klima u l-enerġija fil-preżenza tal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans.

Id-diskussjoni enfasizzat il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u li jiġu rduppjati l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-COP28 li jmiss tagħti riżultati ambizzjużi. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa urġenti li jiżdied il-finanzjament għall-klima lil hinn mil-livell tad-donaturi tradizzjonali, u jinsisti għal riforma urġenti tal-banek multilaterali għall-iżvilupp.

It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali għandhom implikazzjonijiet serji għall-paċi u s-sigurtà dinjija u r-riskji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima jridu jiġu integrati b'mod sistematiku fil-politiki barranin u ta' sigurtà tal-UE. Dalwaqt ser tiġi ppreżentata komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet.

Ġrajjiet kurrenti

Illum il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq 32 individwu u żewġ entitajiet addizzjonali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025