"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 23 ta' Jannar 2023

Riżultati ewlenin

L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Qabel id-diskussjoni tal-Kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Dmytro Kuleba, għamel indirizz qasir lill-ministri tal-UE permezz ta' vidjokonferenza, u infurmahom dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-prijoritajiet attwali tal-Ukrajna. Il-ministri assigurawh li l-isforz kollettiv tal-UE ser ikompli sakemm ikun hemm bżonn.

Il-Kunsill iddiskuta s-Summit bejn l-UE u l-Ukrajna, li għandu jsir fit-3 ta' Frar, u ser ikun l-ewwel summit mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, u mal-Ukrajna bħala pajjiż kandidat. Il-ministri mbagħad iddiskutew aktar appoġġ militari tal-UE għall-Ukrajna.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Illum ilħaqna ftehim politiku għas-seba' segment ta' appoġġ militari b'€500 miljun addizzjonali, u miżura ta' assistenza addizzjonali b'valur ta' €45 miljun għall-forzi Ukreni li qed jiġu mħarrġa mill-missjoni ta' taħriġ militari tagħna EUMAM Ukraine. B'dan, l-appoġġ militari totali skont il-Faċilità Ewropea għall-Paċi jilħaq €3.6 biljun.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri esprimew appoġġ għall-inizjattiva tal-Ukrajna għal paċi ġusta, filwaqt li enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat l-aktar appoġġ globali wiesa' possibbli għall-inizjattiva, u jinsistu fuq l-elementi ewlenin tagħha: l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u d-dritt inerenti tal-Ukrajna għall-awtodifiża kontra l-aggressjoni tar-Russja.

Fl-aħħar nett, il-ministri ddiskutew l-għażliet għal mekkaniżmu ta' responsabbiltà. L-UE tappoġġa l-ħidma li għaddejja bħalissa fin-Nazzjonijiet Uniti dwar din il-kwistjoni, inkluż fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u tenfasizza l-importanza li jinżamm ir-rwol kritiku tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-ġustizzja kriminali internazzjonali.

Il-ministri esprimew appoġġ qawwi għall-istabbiliment ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Internazzjonali f'The Hague bħala l-ewwel pass.

Skambju informali mal-Prim Ministru tal-Palestina Mohammad Shtayyeh

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE qasmu b'mod informali l-fehmiet tagħhom mal-Prim Ministru tal-Palestina Mohammad Shtayyeh dwar is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bilaterali u modi possibbli biex dawn jissaħħu aktar, b'ħidma fil-livell ministerjali.

Il-Prim Ministru Shtayyeh informa lill-ministri dwar is-sitwazzjoni fuq il-post, u t-tensjonijiet li hemm bħalissa. Il-ministri kkonfermaw l-appoġġ tal-UE għall-protezzjoni tal-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, u ddiskutew l-importanza ta' skeda ta' żmien ċara biex isiru elezzjonijiet nazzjonali Palestinjani u jsir progress bil-pjan ta' riforma Palestinjan.

Is-Saħel u l-pajjiżi kostali tal-Afrika tal-Punent

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar is-Saħel u l-pajjiżi kostali tal-Afrika tal-Punent, u kkonferma li dan ir-reġjun jibqa' prijorità għall-UE minkejja s-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà li sejra għall-agħar.

Wara d-deċiżjoni li tiġi stabbilita Missjoni ta' Sħubija Militari ġdida fin-Niġer, li għandha titnieda fi Frar 2023, il-Kunsill qabel li jiżviluppa Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi sabiex joffri lill-istati kostali fil-Golf tal-Guinea impenn konkret u taħriġ u appoġġ immirati. L-UE ser tibgħat ukoll Konsulenti Militari fid-Delegazzjonijiet tal-UE biex jiggwidaw dan l-isforz.

Ġrajjiet kurrenti

Il-Kunsill ikkundanna r-repressjoni brutali tal-protesti u l-eżekuzzjonijiet li qed iseħħu fl-Iran, u esprima appoġġ kontinwu għad-dritt tal-Iranjani li jipprotestaw għad-difiża tad-drittijiet fundamentali tal-individwu tagħhom. Il-Kunsill imbagħad żied 18-il individwu u 19-il entità mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi fil-kuntest tar-reġim eżistenti ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. Dawn jinkludu personalitajiet ta' livell għoli tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana, il-media u l-persunal politiku.

Il-Kunsill stabbilixxa missjoni ċivili ġdida lesta minn kollox fl-Armenja (EUMA Armenia), li ser ikollha sa 100 membru tal-persunal biex josservaw u jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni fuq il-post, u b'hekk tikkontribwixxi għas-sigurtà tan-nies u t-tisħiħ tal-fiduċja bejn l-awtoritajiet Armeni u Ażerbajġani.

Il-ministri mbagħad iddiskutew l-iżviluppi terribbli fl-Afganistan b'restrizzjonijiet addizzjonali imposti fuq in-nisa u l-bniet Afgani. Il-Kunsill qed jivvaluta l-implikazzjonijiet ta' dawn l-iżviluppi, inkluż permezz ta' mekkaniżmi eżistenti jew addizzjonali biex it-Taliban jinżammu responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom.

Fl-aħħar nett, ir-Rappreżentant Għoli għarraf lill-Kunsill dwar id-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo*, u b'mod partikolari l-missjoni fil-Kosovo* u s-Serbja tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħra tal-Balkani tal-Punent, flimkien mal-Viċi Assistent Segretarju tal-Istati Uniti, u l-Konsulenti dwar il-Politika Barranija tal-mexxejja ta' Franza, il-Ġermanja u l-Italja, bl-għan li jitkomplew id-diskussjonijiet dwar il-proposta dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet.

Il-Kunsill kellu wkoll skambju ta' fehmiet dwar il-Venezwela, il-Montenegro u l-Etjopja.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.


*Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Marzu 2025