"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 12 ta' Diċembru 2022

Riżultati ewlenin

L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin qasam il-fehmiet tiegħu dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Qabel id-diskussjoni tal-Kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Dmytro Kuleba, indirizza fil-qosor lill-ministri tal-UE permezz ta' vidjokonferenza, u infurmahom dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-prijoritajiet attwali tal-Ukrajna.

Il-ministri ddiskutew l-aħħar żviluppi, b'mod partikolari l-attakki sistematiċi fuq persuni ċivili u l-użu attwali tax-xitwa bħala arma mir-Russja.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
"F'Odesa waħedha, 1.5 miljun persuna jinsabu mingħajr elettriku wara attakki bid-droni mir-Russja. F'Odesa, it-temperatura hija ta' madwar 0 gradi Celsius. Huwa ċar li Putin qed jipprova jġiegħel lill-Ukrajna ċċedi billi jiffiriżaha filwaqt li deliberatament iċaħħad miljuni ta' Ukreni mill-ilma, l-elettriku u t-tisħin. Dawn jistgħu jissejħu delitti kontra l-umanità, dawn huma delitti tal-gwerra. [...] Ċertament il-qlubija tal-poplu Ukren jistħoqqlu rispett, iżda aktar milli rispett u tifħir dak li jeħtieġ dan il-poplu huwa appoġġ.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Kunsill iddiskuta kif jista' jassisti lill-Ukrajna fit-tiswija tas-sistema tal-enerġija tagħha u jżid l-esportazzjoni tal-elettriku tal-UE lejn l-Ukrajna, u l-ħidma tal-UE biex tiżgura li tintrefa' r-responsabbiltà għad-delitti Russi mwettqa matul il-gwerra fl-Ukrajna.

Il-Kunsill iddiskuta l-ħidma li għaddejja fuq id-disa' pakkett ta' sanzjonijiet kontra l-Kremlin talli eskala l-aggressjoni tiegħu kontra l-Ukrajna.

L-Iran

Il-Kunsill Affarijiet Barranin qasam il-fehmiet tiegħu dwar l-Iran, fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-pajjiż u barra minnu.

Il-Kunsill ikkundanna r-ripressjoni inaċċettabbli tal-protesti li għaddejjin u s-sitwazzjoni li qed tiggrava tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-kooperazzjoni militari tal-Iran mar-Russja, inkluż il-kunsinna ta' droni użati mir-Russja fil-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. Il-ministri ffukaw ukoll fuq il-prospetti ta' tiġdid tal-PAKK (Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt), u s-sigurtà reġjonali. Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet.

Il-Kunsill adotta aktar sanzjonijiet kontra l-Iran għal ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u għall-għajnuna li l-Iran ipprovda lir-Russja fl-aggressjoni tiegħu kontra l-poplu Ukren.

Fl-aħħar nett, ir-Rappreżentant Għoli aġġorna lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-PAKK.

Żgur tifhmu li l-PAKK jinsab f'sitwazzjoni diffiċli ħafna. Iżda naħseb li ma għandniex opzjoni aħjar mill-PAKK biex niżguraw li l-Iran ma jiżviluppax arma nukleari. Dan jibqa' fl-interess tagħna stess, u huwa għalhekk li għadni nemmen li rridu nisseparaw is-sanzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-forniment tal-armi lir-Russja mill-programm nukleari. Minkejja l-fatt li l-ftehim nukleari għadu staġnat u l-eskalazzjoni tal-programm nukleari tal-Iran hija ta' tħassib kbir, irridu nkomplu nimpenjaw ruħna kemm jista' jkun biex nippruvaw nerġgħu nagħtu ħajja lil dan il-ftehim. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Ġrajjiet kurrenti

Il-Kunsill irrieżamina l-Kapaċità ta' Monitoraġġ tal-UE għall-Armenja li ser ittemm l-attivitajiet tagħha fid-19 ta' Diċembru. Sabiex tinżamm il-kredibbiltà tal-UE bħala faċilitatur tad-djalogu bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, mill-20 ta' Diċembru ser jintbagħat tim fl-Armenja biex jikkontribwixxi għall-ippjanar ta' missjoni ċivili possibbli li għandha titnieda, f'każ ta' ftehim, fl-2023.

Il-Kunsill imbagħad iddiskuta s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora bejn il-Kosovo* u s-Serbja, fejn l-aħħar inċidenti jikkonfermaw li r-relazzjonijiet bilaterali qabdu t-triq inkwetanti għan-niżla, u qabel dwar passi possibbli biex jiġu evitati t-tensjonijiet fit-Tramuntana tal-Kosovo.

Minn Awwissu 'l hawn qed nesperjenzaw ċiklu vizzjuż ta' konfrontazzjonijiet, provokazzjonijiet u reazzjonijiet li eskalaw f'dawn l-aħħar ftit jiem li wasslu għal inċidenti serji ta' sigurtà, inkluż attakk kontra l-missjoni tagħna tal-EULEX u fuq il-pulizija tal-Kosovo. M'aħniex lesti naċċettaw barrikati li jimblukkaw it-toroq u persuni armati jduru t-toroq minn sħab li jaspiraw għal futur Ewropew. Din is-sitwazzjoni trid tieqaf. Il-barrikati jridu jitneħħew u trid terġa' tiġi restawrata l-kalma. Il-Kunsill appella b'mod ċar liż-żewġ naħat biex iżommu lura minn vjolenza u azzjonijiet provokattivi. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Ir-Rappreżentant Għoli ssuġġerixxa lill-ministri biex jibagħtu rinforzi addizzjonali lill-missjoni EULEX, u talab lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħra tal-Balkani tal-Punent, Miroslav Lajčák, biex jivvjaġġa lejn ir-reġjun qabel il-Kunsill Ewropew sabiex jivvaluta s-sitwazzjoni u jinforma lill-Mexxejja tal-UE.

Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Il-Kunsill qasam il-fehmiet tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, il-viċinat tan-Nofsinhar, id-drittijiet tal-bniedem, it-Tuneżija, u l-Global Gateway.

Konklużjonijiet u deċiżjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-Iran, il-Jemen, u l-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK.

Il-Kunsill qabel li jiżdied il-limitu massimu finanzjarju tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi b'€2 biljun fl-2023. Huwa qabel ukoll li, f'każ ta' bżonn, il-limitu massimu jista' jiżdied bi €3.5 biljun addizzjonali sal-2027.

Il-Kunsill stabbilixxa missjoni ta' sħubija militari għan-Niġer, bi tweġiba għat-talba mill-gvern tan-Niġer, biex jissottolinja l-impenn tal-UE għall-istabbiltà tar-reġjun tas-Saħel.

Il-Kunsill impona miżuri restrittivi fuq ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea fid-dawl tal-iżvilupp kontinwu ta' missili ballistiċi bi ksur tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Il-Kunsill tawwal il-mandati ta' EUCAP Somalia, il-missjoni tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili tal-UE, ta' EUTM Somalia, il-missjoni ta' taħriġ militari tal-UE, u tal-Operazzjoni ATALANTA tal-Forza Navali mmexxija mill-UE, waħda mill-operazzjonijiet militari marittimi eżekuttivi tal-UE, sal-31 ta' Diċembru 2024.

Punti ''A''

- Miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

Il-miżuri restrittivi tal-UE kontra individwi u entitajiet responsabbli mit-theddid għall-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali, jew li ostakolaw jew imminaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali ġew imġedda sal-14 ta' Diċembru 2023.

Punti A oħra

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025