Skip to content

Relazzjonijiet UE-Afrika

Is-sħubija bejn l-UE u l-Afrika tiffoka fuq is-solidarjetà, is-sigurtà, il-paċi u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u sostnut u l-prosperità.

Il-promozzjoni tal-paċi u l-prosperità

Fi żmien ta' volatilità ġeopolitika, is-sħubija tal-Unjoni Ewropea u tal-Unjoni Afrikana hija pilastru ta' stabbiltà u valuri kondiviżi. Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana jippromwovu futur paċifiku u għani abbażi ta' kooperazzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli.

Fl-2025, l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana ċċelebraw 25 sena ta' sħubija. Matul l-aħħar kwart tas-seklu, is-sħubija UE-UA evolviet f'alleanza politika, ekonomika u ta' sigurtà komprensiva.

Is-sħubija hija prijorità strateġika għall-UE. L-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Afrika, l-akbar investitur, u s-sieħeb ewlieni għall-paċi u s-sigurtà, li jappoġġa l-istabbiltà reġjonali u t-tkabbir inklużiv.

B'popolazzjoni ta' aktar minn 1.4 biljun persuna, l-Afrika tospita wħud mill-aktar ekonomiji li qed jikbru malajr fid-dinja u l-akbar popolazzjoni taż-żgħażagħ.

Summits bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana

Is-summits bejn l-UE u l-UA jsiru fil-prinċipju kull tliet snin u jlaqqgħu flimkien kapijiet ta' stat jew ta' gvern biex jindirizzaw sfidi komuni u jistabbilixxu għanijiet kondiviżi. Is-summits isiru b'mod alternat fl-Afrika u fl-Ewropa.

Fis-seba' summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana f'Novembru 2025, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u tal-istati membri tal-Unjoni Afrikana ddiskutew kifisaħħu l-kooperazzjoni:

Logo tal-25 sena ta' sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana.

lejn futur għani u sostenibbli

fl-oqsma tal-paċi, is-sigurtà u l-governanza

f'fora multilaterali

fir-rigward tal-migrazzjoni u l-mobbiltà

Laqgħat formali oħra bejn il-pajjiżi Afrikani u l-UE

Is-sħubija bejn l-UE u l-Afrika tiġi żviluppata wkoll permezz ta' djalogi formali:

  • laqgħat ministerjali, li jsiru regolarment, bejn il-ministri għall-affarijiet barranin tal-pajjiżi Afrikani u tal-UE u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tal-UE
  • laqgħat annwali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana
  • laqgħat regolari bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament Pan-Afrikan

Oqsma ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika

Kummerċ u investiment

L-UE nnegozjat ftehimiet kummerċjali preferenzjali ma' 19-il pajjiż Afrikan, jiġifieri:

  • sitt ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE) ma' 15-il pajjiż fl-Afrika sub-Saħarjana
  • erba' ftehimiet ta' assoċjazzjoni (AAs) ma' pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq

Barra minn hekk, 35 pajjiż Afrikan jibbenefikaw mill-arranġament tal-UE "kollox minbarra armi", tlieta mill-Iskema Ġeneralizzata standard ta' Preferenzi (SĠP) u wieħed mill-SĠP+.

Collage ta' disinni ġeometriċi ħodor u blu bi stilel, raġġi u rettangoli mrikkbin fuq xulxin, li jirrappreżentaw il-bnadar tal-UE u tal-UA. Il-collage fih ukoll kontenituri li jissimbolizzaw ir-relazzjonijiet kummerċjali.
Kummerċ UE-Afrika: fatti u ċifri

Kummerċ UE-Afrika: fatti u ċifri

Global Gateway

L-Afrika tinsab fil-qalba tal-Global Gateway, l-istrateġija tal-UE biex jinbnew konnessjonijiet sostenibbli u ta' standard għoli li jkunu ta' benefiċċju għan-nies u għall-pjaneta.

Mill-264 proġett ewlieni tal-Global Gateway, 138 minnhom jinsabu fl-Afrika.

Il-pakkett ta' Investiment Afrika-Ewropa, imniedi taħt il-Global Gateway, ser jimmobilizza sa €150 biljun f'investimenti pubbliċi u privati biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli madwar il-kontinent.

Il-paċi u s-sigurtà

Missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari

L-UE nediet diversi missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari fl-Afrika, bħala parti mill-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK).

Bħalissa hemm skjerati missjonijiet tal-UE fi:

  • ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
  • il-Libja
  • il-Mali
  • il-Mozambique
  • is-Somalja

L-UE nediet ukoll ċellola ta' konsulenza u koordinazzjoni reġjonali għas-Saħel, inizjattiva ta' sigurtà u difiża b'appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea, kif ukoll tliet operazzjonijiet navali li joperaw qrib l-Afrika jew b'rabta ma' kriżijiet li jseħħu fl-Afrika.

Faċilità Ewropea għall-Paċi

L-UE tappoġġa wkoll il-pajjiżi Afrikani permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), stabbilita f'Marzu 2021. Il-faċilità għandha l-għan li tgħin fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fil-konsolidazzjoni u fil-preservazzjoni tal-paċi u fit-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali.

L-EPF hija magħmula minn żewġ pilastri ta' finanzjament: pilastru tal-operazzjonijiet u pilastru tal-miżuri ta' assistenza. Il-pilastru tal-operazzjonijiet jiffinanzja l-kostijiet komuni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK.

Il-pilastru tal-miżuri ta' assistenza jiffinanzja azzjoni minn pajjiżi u organizzazzjonijiet mhux tal-UE li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet militari u ta' difiża u jappoġġaw l-aspetti militari tal-operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi. Il-Kunsill adotta miżuri ta' assistenza għal għadd ta' pajjiżi Afrikani, inkluż il-Benin, , il-Ghana, il-Kamerun, il-Kenja, il-Kosta tal-Avorju, il-Mali, il-Mauritania, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Repubblika tal-Kongo, ir-Rwanda u s-Somalja.

Ġlieda kontra t-terroriżmu

L-UE tappoġġa inizjattivi u attivitajiet kontra t-terroriżmu fil-kontinent Afrikan.

Fis-16 ta' Diċembru 2024, il-Kunsill approva konklużjonijiet li għandhom l-għan li jsaħħu l-isforzi biex jiġu indirizzati t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, li jappellaw għal aktar involviment tal-UE ma' inizjattivi kontra t-terroriżmu mmexxija mill-Afrika. Il-Kunsill issottolinja wkoll l-importanza li jintużaw is-sħubija tal-UE u l-pożizzjoni attwali bħala kopresident tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu (GCTF) biex jiġu appoġġati l-pajjiżi Afrikani fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.

L-UE kkopresediet il-GCTF minn Settembru 2022, l-ewwel mal-Marokk u minn Marzu 2023 mal-Eġittu. Il-GCTF huwa pjattaforma multilaterali informali biex jissaħħu l-isforzi internazzjonali f'approċċ strateġiku u fit-tul għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti.

L-UE hija waħda mill-akbar fornituri ta' programmi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet kontra t-terroriżmu uprogrammioħra li għandhom l-għan li jipprevjenu l-estremiżmu vjolenti fl-Afrika. Sa Jannar 2024, madwar €559 miljun kienu ġew investiti f'dawn il-programmi, b'aktar minn 70% tal-fondi jmorru għal proġetti fil-pajjiżi Afrikani.

Barra minn hekk, l-esperti tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu/is-sigurtà skjerati f'diversi delegazzjonijiet tal-UE fil-kontinent Afrikan għandhom rwol kruċjali fil-kollegament mal-gvernijiet ospitanti, l-organizzazzjonijiet reġjonali u s-soċjetà ċivili.

Afrika ħielsa mill-mini

Il-mini kontra l-persunal għadhom ta' theddida serja għaċ-ċivili u jfixklu l-iżvilupp f'ħafna partijiet tad-dinja, inkluż l-Afrika. Il-Konvenzjoni fuq il-projbizzjoni tal-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom (magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta' Ottawa), li daħlet fis-seħħ f'Marzu 1999, u tikkostitwixxi l-qafas internazzjonali biex jintemmu t-tbatija u l-vittmi kkawżati minn mini kontra l-persunal.

Mill-2026, 161 stat huma parti għall-konvenzjoni, inkluż il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-Afrika. Madankollu, diversi stati Afrikani għad għandhom obbligi skont l-Artikolu 5 tal-konvenzjoni biex ineħħu żoni bil-mini taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.

L-UE ilha tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi dinjija biex jiġu eliminati l-mini kontra l-persunal u jiġu indirizzati l-konsegwenzi umanitarji tagħhom. L-UE hija fost id-donaturi dinjija ewlenin fil-qasam tal-azzjoni kontra l-mini.

Fis-16 ta' Marzu 2026, il-Kunsill adotta deċiżjoni b'appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Afrikani lejn kontinent ħieles mill-mini. B'dik id-deċiżjoni, l-UE ser tappoġġa lill-pajjiżi Afrikani affettwati minn mini kontra l-persunal permezz ta' proġett li jiswa €3 miljun, implimentat mill-Istitut tan-NU għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR).

Klima u ambjent

Filwaqt li l-pajjiżi Afrikani huma fost dawk l-aktar milquta mill-kriżi klimatika, huma wkoll atturi ewlenin biex jipprovdu soluzzjonijiet sostenibbli.

Il-prossimità ġeografika u r-rabtiet ekonomiċi estensivi bejn l-UE u l-Afrika jipprovdu pedamenti sodi biex naħdmu flimkien biex nindirizzaw il-kriżi klimatika u nippromwovu t-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-azzjoni klimatika tieħu diversi forom, inkluż:

  • il-pakkett ta' investiment tal-Global Gateway, li jagħti spinta lill-inizjattivi għal infrastruttura sostenibbli u ekoloġika fil-pajjiżi Afrikani
  • sħubijiet bilaterali u multilaterali dwar kwistjonijiet bħat-tisġir, l-idroġenu ekoloġiku, id-dekarbonizzazzjoni u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima

Migrazzjoni

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati f'dawn l-aħħar snin dwar id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni jservu bħala linji gwida għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-istati membri tal-UE f'dan il-qasam.

Element kruċjali huwa l-approċċ komprensiv għall-migrazzjoni u l-ażil, li jiffoka fuq diversi oqsma ewlenin, inkluż:

  • il-protezzjoni tal-migranti vulnerabbli, il-persuni li jfittxu ażil u r-refuġjati
  • il-migrazzjoni legali u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol
  • l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari
  • il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin

Dan jinkludi wkoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-fruntieri tal-pajjiżi sħab, minbarra r-ritorn ta' migranti b'soġġorn irregolari mill-UE lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, kif ukoll appoġġ għar-ritorni volontarji u r-riintegrazzjoni sostenibbli tal-persuni rimpatrijati fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom.

Fond fiduċjarju ta' emerġenza tal-UE għall-Afrika

L-UE stabbiliet il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF għall-Afrika) f'Novembru 2015 biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-ispostament furzat u l-migrazzjoni irregolari u biex jikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni. Il-mandat tiegħu skada fl-2021 iżda l-proġetti baqgħu għaddejjin sa tmiem l-2025.

L-EUTF għall-Afrika kellu baġit ta' €5 biljun u ġie implimentat minn diversi atturi, li jvarjaw minn aġenziji tal-istati membri tal-UE għal aġenziji tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, kif ukoll NGOs lokali.

Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali tal-UE

Fl-14 ta' Ġunju 2021, ġie adottat l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali - Global Europe (NDICI-GE) tal-UE b'baġit ta' €79.5 biljun, li minnhom 10% huma allokati għal azzjoni relatata mal-migrazzjoni għall-perjodu 2021-2027.

Global Europe tkopri aktar minn 70% tal-finanzjament tar-relazzjonijiet esterni tal-UE. Huwa bbażat fuq tliet pilastri: programmi ġeografiċi, programmi tematiċi u azzjonijiet ta' rispons rapidu.

Strateġiji reġjonali

Qarn tal-Afrika

Fl-2021, il-Kunsill approva konklużjonijiet li jistabbilixxu strateġija ġdida għall-Qarn tal-Afrika. L-istrateġija l-ġdida tiffoka fuq l-approfondiment tas-sħubija strateġika, it-tnaqqis tal-instabbiltà u l-promozzjoni tad-demokrazija u t-tkabbir sostenibbli.

Fis-snin preċedenti, l-UE adottat:

  • pjan ta' azzjoni reġjonali għall-Qarn tal-Afrika (2015-2020)
  • qafas strateġiku għall-Qarn tal-Afrika (2011)

L-UE għandha rappreżentant speċjali (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika.

Il-Lagi l-Kbar

Fi Frar 2023, il-Kunsill approva konklużjonijiet li jistabbilixxu l-impenn imġedded fit-tul tal-UE fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar.



L-objettiv u l-prijorità ġenerali tal-UE huma li tippromwovi l-paċi, id-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar billi tgħin biex il-kawżi fundamentali tal-insigurtà u l-instabbiltà jinbidlu f'opportunitajiet kondiviżi. L-UE toffri appoġġ lill-pajjiżi fir-reġjun, fl-isforzi tagħhom biex jimxu minn:

  • tensjonijiet għal fiduċja, sigurtà u stabbiltà
  • traffikar ta' riżorsi naturali għal kummerċ u żvilupp sostenibbli
  • kompetizzjoni għal kooperazzjoni u integrazzjoni

L-UE għandha rappreżentant speċjali (RSUE) għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar.

Is-Saħel

F'April 2021, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-istrateġija integrata tal-UE fir-reġjun tas-Saħel. L-istrateġija l-ġdida għandha l-għan li żżid is-sħubija solida u fit-tul u tistabbilixxi l-qafas għall-politiki u l-azzjoni fir-reġjun.

Minħabba n-nuqqas ta' sigurtà u l-instabbiltà politika li qed tikber fir-reġjun, qed issir ħidma biex jiġi żviluppat approċċ ġdid tal-UE.

L-UE għandha rappreżentant speċjali (RSUE) għar-reġjun tas-Saħel.

Ftehim ta' Samoa

Il-Ftehim ta' Samoa huwa l-qafas legali ġenerali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-istati membri tagħha u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), jiġifieri 77 pajjiż, inkluż 47 pajjiż Afrikan.

Il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni politika permezz ta' prijoritajiet u għanijiet kondiviżi fuq perjodu ta' 20 sena. Dan jinkludi pedament komuni fil-livell tal-OSAKP flimkien ma' tliet protokolli reġjonali għall-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku li jiffokaw fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni.

Ara wkoll

Il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku

Il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku

Globu bl-UE enfasizzata bil-blu u l-Afrika t'Isfel bl-aħmar.
Kummerċ bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel

Kummerċ bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel

Sudan

Sudan

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Marzu 2026