Skip to content

Ftehim ta' wara Cotonou

Il-Ftehim ta' wara Cotonou huwa l-qafas globali għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

Fil-15 ta' Novembru, wara l-iffirmar il-ftehim ta' wara Cotonou sar il-Ftehim ta' Samoa.

Il-Ftehim ta' Samoa huwa l-qafas globali għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

Ftehim ta' Sħubija UE-OSAKP ġdid

Il-ftehim ta' sħubija l-ġdid huwa ser iservi bħala l-qafas legali l-ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE ma' 79 pajjiż. Dan jinkludi 47 pajjiż Afrikan, 16-il pajjiż tal-Karibew u 15-il pajjiż tal-Paċifiku, u r-Repubblika tal-Maldivi.

Il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE u tal-pajjiżi AKP biex jindirizzaw l-isfidi globali flimkien.

Jistabbilixxi prinċipji komuni u jkopri s-sitt oqsma ta' prijorità li ġejjin:

  • demokrazija u drittijiet tal-bniedem
  • tkabbir ekonomiku u żvilupp sostenibbli
  • tibdil fil-klima
  • żvilupp tal-bniedem u soċjali
  • paċi u sigurtà
  • migrazzjoni u mobbiltà

Il-ftehim ser jinkludi pedamentkomuni fil-livell tal-AKP flimkien ma' protokolli reġjonali għall-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku b'enfasi fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni.

Fl-20 ta' Lulju 2023, il-Kunsill approva l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija, bħala l-qafas legali ġdid għall-għoxrin sena li jmiss, li jieħu post il-Ftehim ta' Cotonou.

Il-ftehim il-ġdid ser jiġi ffirmat uffiċjalment fix-xhur ta' wara mill-UE u l-istati membri tagħha u l-membri tal-OSAKP. L-applikazzjoni proviżorja tiegħu tibda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-iffirmar.

Il-Ftehim ta' Cotonou

Il-qafas ta' sħubija attwali, il-Ftehim ta' Cotonou, ġie adottat fl-2000 biex jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta' Lomé tal-1975. Ġie konkluż għal perjodu ta' 20 sena.

Il-Ftehim ta' Cotonou inizjalment kellu jiskadi fi Frar 2020. Id-dispożizzjonijiet tiegħu ġew estiżi sat-30 ta' Novembru 2021, sakemm il-ftehim ta' sħubija l-ġdid bejn l-UE u l-pajjiżi AKP ma jiġix applikat proviżorjament jew jidħol fis-seħħ qabel dik id-data.

Il-Ftehim ta' Cotonou għandu l-għan li jnaqqas u eventwalment jeqred il-faqar u li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija.

Huwa bbażat fuq tliet pilastri:

  • kooperazzjoni għall-iżvilupp
  • kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali
  • dimensjoni politika
Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (Infografika)

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (Infografika)

Istituzzjonijiet konġunti (Ftehim ta' Cotonou)

Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE huwa l-istituzzjoni suprema tas-sħubija AKP-UE. Dan jiltaqa' darba fis-sena, b'mod alternat fi Brussell u f'pajjiż AKP, u huwa magħmul minn:

  • membri tal-Kunsill tal-UE
  • membru tal-Kummissjoni
  • membru tal-gvern ta' kull Stat AKP

Il-kumitat tal-ambaxxaturi AKP-UE jassisti lill-Kunsill tal-Ministri u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Cotonou.

Il-kumitat ta' kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp AKP-UE jeżamina l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp u jissorvelja l-progress.

Il-kumitat ministerjali konġunt tal-kummerċ AKP-UE jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-kummerċ ta' interess għall-istati AKP kollha. Huwa jissorvelja n-negozjati u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika. Jeżamina wkoll l-impatt tan-negozjati kummerċjali multilaterali fuq il-kummerċ AKP-UE u l-iżvilupp tal-ekonomiji AKP.

L-assemblea parlamentari konġunta AKP-UE hija korp konsultattiv magħmul minn numru indaqs ta' rappreżentanti tal-UE u tal-AKP. L-assemblea tippromwovi proċessi demokratiċi u tiffaċilita fehim aħjar bejn il-popli tal-UE u dawk tal-istati AKP. Barra minn hekk, hija tiddiskuti kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp u s-sħubija AKP-UE, inkluż il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika.

Oqsma ta' attività attwali

1. Żvilupp

L-UE tappoġġa programmi u inizjattivi li jgawdu minnhom għadd ta' pajjiżi mill-grupp ta' stati AKP. Għandha wkoll programmi għal aktar tkabbir ekonomiku u żvilupp reġjonali għal reġjuni speċifiċi fi ħdan l-AKP.

Taħt il-baġit fit-tul il-ġdid tal-UE 2021-2027, l-UE tiffinanzja l-biċċa l-kbira tal-programmi ta' żvilupp tagħha għall-pajjiżi sħab tal-AKP permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI). NDICI ser jingħata pakkett finanzjarju totali ta' madwar €79.5 biljun (fi prezzijiet attwali). Il-fond Ewropew għall-iżvilupp (FEŻ), li kien iffinanzjat minn kontribuzzjonijiet diretti mill-istati membri, jieqaf jeżisti mill-2021.

2. Kummerċ

L-UE nnegozjat sensiela ta' ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE) mad-79 pajjiż AKP. Dawn il-ftehimiet għandhom l-għan li joħolqu sħubija ta' kummerċ u żvilupp kondiviżi sostnuta b'appoġġ għall-iżvilupp.

Il-Kunsill jipprovdi lill-Kummissjoni l-mandat biex tinnegozja dawn il-ftehimiet u jrid jiffirma l-ftehim finali ladarba jiġi ffinalizzat.

FSE ma' pajjiżi Afrikani

Negozjati dwar il-FSE reġjonali mas-16-il stat tal-Afrika tal-Punent, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent (WAEMU) ġew konklużi f'Lulju 2014. Bħalissa jinsab għaddej il-proċess tal-iffirmar. Sal-adozzjoni tal-FSE reġjonali sħiħ mal-Afrika tal-Punent, il-ftehimiet "interim" ta' sħubija ekonomika mal-Kosta tal-Avorju u l-Ghana daħlu f'applikazzjoni proviżorja fit-3 ta' Settembru 2016 u fil-15 ta' Diċembru 2016 rispettivament.

F'Lulju 2014 ġew konklużi wkoll b'suċċess negozjati ma' pajjiżi fil-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika. Il-ftehim ġie ffirmat fl-10 ta' Ġunju 2016 f'Kasane, il-Botswana. Dan beda japplika b'mod proviżorju fl-10 ta' Ottubru 2016.

F'Ottubru 2014 ġew konklużi b'suċċess negozjati mal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant. Bħalissa jinsab għaddej il-proċess tal-iffirmar.

Il-Kamerun kien l-uniku pajjiż fir-reġjun li ffirma l-FSE bejn l-UE u l-Afrika Ċentrali fil-15 ta' Jannar 2009. Fl-4 ta' Awwissu 2014 il-ftehim beda japplika b'mod proviżorju.

Fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, Mauritius, is-Seychelles, iż-Żimbabwe u l-Madagascar iffirmaw FSE fl-2009. Il-ftehim beda jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-14 ta' Mejju 2012.

FSE fir-reġjun tal-Karibew

F'Ottubru 2008, l-UE ffirmat FSE mal-Forum tal-Karibew (CARIFORUM), grupp ta' 15-il stat tal-Karibew. Il-FSE tal-CARIFORUM-UE beda jiġi applikat b'mod proviżorju mid-29 ta' Diċembru 2008.

FSE fir-reġjun tal-Paċifiku

Il-FSE interim bejn l-UE u l-istati AKP tal-Paċifiku ġie ffirmat minn Papua New Guinea f'Lulju 2009 u minn Fiġi f'Diċembru 2009. Papua New Guinea rratifikatu f'Mejju 2011. F'Lulju 2014, Fiġi ddeċieda li jibda japplika l-ftehim b'mod proviżorju. Mill-14-il pajjiż tal-Paċifiku, Papua New Guinea u Fiġi jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku. Samoa aderixxiet mal-FSE fil-21 ta' Diċembru 2018 u l-Gżejjer Solomon fis-17 ta' Mejju 2020.

3. Migrazzjoni

Il-migrazzjoni hija aspett importanti tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-AKP. Il-qafas għall-kooperazzjoni f'dan il-qasam huwa stabbilit fl-artikolu 13 tal-Ftehim ta' Cotonou.

Dan l-artikolu jinkludi paragrafi dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet f'pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, il-migrazzjoni legali u r-ritorn ta' immigranti illegali.

F'Novembru 2015, l-UE u l-mexxejja Afrikani tal-pajjiżi l-aktar ikkonċernati kellhom summit biex isaħħu l-kooperazzjoni politika fil-qasam tal-migrazzjoni. Huma qablu dwar pjan ta' azzjoni, inkluż 16-il azzjoni konkreta. Barra minn hekk, il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika kien ukoll imniedi waqt is-summit.

Reazzjoni għal pressjonijiet migratorji

Il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew qed jaħdmu biex jistabbilixxu politika komprensiva Ewropea dwar il-migrazzjoni

4. Proċedura ta' konsultazzjoni (artikolu 96)

Il-Ftehim ta' Cotonou jistabbilixxi proċedura li tista' tintuża f'każijiet fejn waħda mill-partijiet ma tirrispettax l-elementi essenzjali tas-sħubija. Dawn jinkludu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt.

L-għan ta' din il-proċedura hu li r-relazzjonijiet bejn is-sħab jiġu lura għan-normal. Jekk ma jintlaħaq ebda ftehim, il-parti li bdiet il-proċess tista' tieħu miżuri fir-rigward ta' proġetti ta' kooperazzjoni u għajnuna għall-iżvilupp.

Min-naħa tal-UE, il-Kunsill jista' jniedi dan il-proċess permezz ta' stedina għal konsultazzjonijiet. Huwa jmexxi l-konsultazzjonijiet u jadotta d-deċiżjoni li tikkonkludihom.