- Summit Internazzjonali
Summit UE-Ċina, 09/04/2019, 9 ta' April 2019
Riżultati ewlenin
L-UE u ċ-Ċina ħadu l-impenn li jkomplu jsaħħu s-sħubija strateġika UE-Ċina fil-21 summit bejn l-UE u ċ-Ċina.
Iż-żewġ naħat qablu dwar dikjarazzjoni konġunta li tistabbilixxi d-direzzjoni għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina fis-snin li ġejjin:
"In-negozjati kienu diffiċli, iżda fl-aħħar taw il-frott. Irnexxielna naqblu fuq dikjarazzjoni konġunta, li tagħti d-direzzjoni għas-sħubija tagħna bbażata fuq ir-reċiproċità. Dan kien l-isforz komuni ta' bejnietna u huwa suċċess komuni għalina." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit bejn l-UE u ċ-Ċina
Il-mexxejja esprimew l-appoġġ konġunt tagħhom għall-multilateraliżmu u l-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli. Huma affermaw mill-ġdid l-impenn konġunt tagħhom biex jirriformaw l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-UE u ċ-Ċina qablu li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw is-sussidji industrijali.
Iddiskutew ukoll il-kwistjonijiet ta' politika barranija u ta' sigurtà fil-viċinati rispettivi tagħhom.
Il-President Donald Tusk u l-President Jean-Claude Juncker irrappreżentaw lill-UE fis-summit. Il-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang irrappreżenta liċ-Ċina.
Kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina
L-UE u ċ-Ċina ħadu l-impenn li japprofondixxu s-sħubija strateġika UE-Ċina. Sas-summit li jmiss, ser jadottaw aġenda ġdida ta' kooperazzjoni li tmur lil hinn mill-2020.
L-UE u ċ-Ċina ħadu l-impenn li jibnu r-relazzjoni ekonomika tagħhom fuq it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-kompetizzjoni leali. Iż-żewġ naħat tennew ir-rieda tagħhom li jipprovdu lil xulxin b'aċċess għas-suq usa' u aktar iffaċilitat u nondiskriminatorju.
Is-summit kien ukoll opportunità għal diskussjoni dwar il-kooperazzjoni fid-drittijiet tal-bniedem. L-UE u ċ-Ċina laqgħu b'sodisfazzjon iż-żamma fiċ-Ċina tad-djalogu tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-1-2 ta' April.
"Enfasizzajt il-ħtieġa li jinżamm id-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Erġajt esprimejt it-tħassib serju tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u qajjimt għadd ta' każijiet individwali." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit bejn l-UE u ċ-Ċina
Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-importanza tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Iż-żewġ naħat qablu li jintensifikaw il-kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi. L-UE u ċ-Ċina qablu wkoll li jikkooperaw fi kwistjonijiet ambjentali oħra, bħat-telf tal-bijodiversità jew it-tniġġis tal-baħar.
Minbarra d-dikjarazzjoni konġunta, il-partijiet iffirmaw ukoll:
- memorandum ta' qbil dwar djalogu fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u l-eżami tal-kompetizzjoni leali
- ftehim dwar it-termini ta' referenza tad-djalogu dwar il-politika tal-kompetizzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina
- dikjarazzjoni konġunta dwar l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-enerġija
Kummerċ
Il-mexxejja tal-UE u taċ-Ċina esprimew l-impenn qawwi tagħhom favur is-sistema tal-kummerċ ibbażata fuq ir-regoli bl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fil-qalba tagħha.
Iż-żewġ naħat qablu li jikkooperaw dwar ir-riforma tad-WTO u li jgħinuha tegħleb l-isfidi l-ġodda fil-kummerċ. Għal dan l-għan, l-UE u ċ-Ċina ser jintensifikaw id-diskussjonijiet biex isaħħu r-regoli internazzjonali dwar is-sussidji industrijali.
"Kemm iċ-Ċina kif ukoll l-Ewropa għandhom interess ekonomiku qawwi fiż-żamma ta' flussi kummerċjali sinifikanti, li huma possibbli bis-saħħa tas-sistema ta' kummerċ ibbażata fuq ir-regoli. Madankollu, biex din is-sistema tibqa' topera, teħtieġ li tiġi aġġornata minnufih. Għall-UE, dan ifisser riforma serja tad-WTO li tkopri s-sussidji industrijali, bħala prijorità." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit bejn l-UE u ċ-Ċina
Il-mexxejja affermaw mill-ġdid ukoll l-appoġġ tagħhom għall-G20, il-forum ewlieni għall-kooperazzjoni ekonomika. Iż-żewġ naħat qablu li ma għandux ikun hemm trasferiment furzat tat-teknoloġija.
Dwar il-kwistjoni tal-kapaċità żejda tal-azzar, il-mexxejja qablu li jżommu l-komunikazzjoni fil-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar.
Barra minn hekk, l-UE u ċ-Ċina ser ikomplu joħolqu sinerġiji bejn l-inizjattiva "Belt and Road" taċ-Ċina u l-inizjattivi tal-UE bil-ħsieb li tittejjeb il-konnettività bejn l-Ewropa u l-Asja.
Politika barranija u ta’ sigurtà
Fis-summit, l-UE u ċ-Ċina ddiskutew kwistjonijiet ta' sigurtà barranija.
Dwar l-Iran, huma affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni tal-ftehim dwar in-nukleari (JCPOA).
Rigward il-peniżola Koreana, iż-żewġ naħat jappoġġaw id-djalogu bejn ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (DPRK) u l-Istati Uniti għal soluzzjoni paċifika. Huma appellaw għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mill-partijiet kollha.
L-UE u ċ-Ċina qablu li jaħdmu flimkien u jikkoordinaw dwar il-proċess ta' paċi li qed jevolvi fl-Afganistan.
Qegħdin ukoll isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Venezwela. Iż-żewġ naħat qablu li jaħdmu ma' partijiet oħra biex il-kriżi tissolva b'mod paċifiku u demokratiku.
Fir-rigward tal-Ukrajna, il-mexxejja appellaw għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk.
Kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina: fatti u ċifri (Infografika)
Informazzjoni ġenerali
Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-UE kellhom diskussjoni strateġika dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina biex iħejju għas-summit:
''L-għan tagħna huwa li niffokaw fuq il-kisba ta' relazzjoni bilanċjata, li tiżgura kompetizzjoni leali u aċċess ugwali għas-suq. F'dan il-kuntest, nittamaw li nikkonvinċu liċ-Ċina biex tinkludi s-sussidji industrijali bħala element kruċjali tar-riforma tad-WTO.'' Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, 22/03/2019
Qabel is-summit, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ħarġu komunikazzjoni konġunta li tenfasizza li la l-UE u lanqas xi stat membru tagħha ma jistgħu jiksbu b'mod effettiv il-miri tagħhom maċ-Ċina mingħajr għaqda sħiħa.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Jüri Laas Uffiċjal tal-istampa
- +32 2 281 55 23
- +32 470 95 75 61
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025