Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Ukrajna, Kiev, l-Ukrajna, 08/07/2019, 8 ta' Lulju 2019

Riżultati ewlenin

Fil-21 summit bejn l-UE u l-Ukrajna fi Kiev, il-mexxejja affermaw mill-ġdid is-saħħa tar-rabtiet politiċi u ekonomiċi bejn l-UE u l-Ukrajna.

Huma ddiskutew l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni u t-triq 'il quddiem għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna.

"Is-sħubija tagħna hija msejsa fuq il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li huwa l-aktar ftehim komprensiv li l-UE għandha ma' kwalunkwe pajjiż. Dan jipprovdi l-qafas għall-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika kontinwi tagħna. Illum iddiskutejna kif nużaw il-potenzjal tiegħu b'mod sħiħ għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji tagħna." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit

Il-President Donald Tusk irrappreżenta lill-UE fis-summit flimkien mal-President Jean-Claude Juncker. Il-President Volodymyr Zelenskyy irrappreżenta lill-Ukrajna.

Huma adottaw dikjarazzjoni konġunta fi tmiem is-summit:

Donald Tusk qal li s-summit ippermetta li "s-sħubija u l-ħbiberija bejn l-Ukrajna u l-UE jkomplu jitjiebu"

Il-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol

Fis-summit, l-UE tenniet l-appoġġ kontinwu tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk.

"Aħna ma nirrikonoxxux u m'aħniex ser nirrikonoxxu l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mir-Russja. Ftit jiem ilu, l-UE għadha kif estendiet b'mod unanimu s-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja għal sitt xhur oħra. Is-sanzjonijiet ser jibqgħu fis-seħħ sa ma l-ftehimiet ta' Minsk jiġu implimentati għalkollox." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit

Il-mexxejja appellaw lir-Russja biex teħles lill-baħħara Ukreni maqbuda u biex tiżgura passaġġ bla xkiel u ħieles lejn u mill-Baħar ta' Azov, skont il-liġi internazzjonali.

L-UE ntrabtet li żżid l-appoġġ tagħha għar-reġjun tal-Baħar ta' Azov b'miżuri ġodda li jiswew €10 miljun. L-appoġġ ser jiffoka fuq id-diversifikazzjoni ekonomika lokali u n-negozji ż-żgħar, is-soċjetà ċivili lokali u l-involviment taċ-ċittadini fit-teħid ta' deċiżjonijiet, it-titjib tas-sigurtà tal-komunità u s-sikurezza pubblika.

L-UE u l-Ukrajna kkundannaw ukoll il-miżuri tar-Russja li jagħtu dritt liċ-ċittadini Ukreni taż-żoni li bħalissa mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern li japplikaw għaċ-ċittadinanza Russa b'mod simplifikat.

Il-President Tusk tenna l-appell tiegħu biex jinħeles Oleh Sentsov, id-direttur tal-films u l-kittieb Ukren li ntbagħat il-ħabs illegalment, u dawk kollha li huma miżmuma illegalment fil-Krimea u r-Russja.

Qabel is-summit, fis-7 ta' Lulju, Donald Tusk mar mal-President Zelenskyy lejn Stanytsia Luhanska, punt ta' qsim għaż-żoni li mhumiex ikkontrollati mill-gvern fil-lvant tal-Ukrajna.

"Rajt il-qagħda kritika li fiha jgħixu n-nies milqutin mill-kunflitt. L-UE tkompli tappoġġa l-isforzi biex tittaffa t-tbatija li rajt, id f'id mal-OSKE, l-aġenziji tan-NU kif ukoll NGOs internazzjonali. L-UE tinsab lesta wkoll li tappoġġa r-rikostruzzjoni, ladarba jkunu ġew implimentati l-ftehimiet ta' Minsk." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit

Implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni

Il-mexxejja tal-UE u dawk Ukreni ddiskutew il-passi li jmiss fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni u ż-żona ta' kummerċ ħieles tiegħu.

Il-mexxejja saħqu dwar is-suċċess tal-ftehim, li ta spinta lill-kummerċ bilaterali b'madwar 50% minn Jannar 2016.

Is-summit kien ukoll opportunità li jiġi enfasizzat is-suċċess tar-reġim ta' vvjaġġar mingħajr viża. Iċ-ċittadini Ukreni għamlu kważi tliet miljun żjara mingħajr viża fl-UE sa issa.

Hekk kif niċċelebraw l-għaxar anniversarju tas-Sħubija tal-Lvant, il-mexxejja saħqu dwar l-impenn tagħhom li jwessgħu l-kooperazzjoni u jtejbu l-konnettività bejn l-Ukrajna, l-UE u pajjiżi sħab oħrajn.

Il-President Tusk qiegħed jivvjaġġa lejn ir-reġjun tal-Kawkasu biex jattendi s-16-il konferenza internazzjonali dwar l-għaxar anniversarju tas-Sħubija tal-Lvant f'Batumi, il-Georgia.

Proċess ta' riforma tal-Ukrajna

Il-mexxejja għarfu l-progress sostanzjali li sar mill-Ukrajna fil-proċess ta' riforma tagħha. "Qbilna dwar l-importanza li nħaffu dawn l-isforzi, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni", qalu.

Iż-żewġ naħat qablu dwar il-bżonn li jitlestew ir-riformi tas-suq tal-gass u l-elettriku, bil-ħsieb ta' integrazzjoni progressiva mas-suq tal-enerġija tal-UE.

Fil-marġini tas-summit, il-Kummissjoni adottat pakkett ġdid ta' miżuri, b'valur ta' €109 miljuni, biex tkompli tappoġġa l-proċess ta' riforma tal-Ukrajna.

L-UE u l-Ukrajna eqreb lejn xulxin

Il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, li jorbot iż-żewġ partijiet eqreb xulxin, daħal fis-seħħ fl-2017. Huwa jippromwovi:

  • rabtiet politiċi aktar fil-fond
  • relazzjonijiet ekonomiċi aktar b'saħħithom
  • ir-rispett għall-valuri komuni

Iż-żona ta' kummerċ ħieles hija l-aspett ekonomiku tal-ftehim ta' assoċjazzjoni. Din toffri qafas għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija u r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Ukrajna.

Il-ftehim ta riżultati pożittivi għall-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna u għall-ekonomija tal-pajjiż: il-kummerċ bilaterali żdied b'49% minn Jannar 2016.

Russja

L-UE appoġġat b'mod konsistenti u esprimiet ripetutament l-impenn tagħha lejn is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

L-UE imponiet tipi differenti ta' sanzjonijiet wara azzjonijiet kontra l-integrità territorjali tal-Ukrajna:

  • miżuri diplomatiċi
  • miżuri restrittivi individwali (iffriżar tal-assi u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar)
  • restrizzjonijiet fuq ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Krimea u Sevastopol
  • sanzjonijiet ekonomiċi
  • restrizzjonijiet fuq il-kooperazzjoni ekonomika
Mill-2014 'l hawn, l-UE imponiet tipi differenti ta' sanzjonijiet kontra r-Russja b'rispons għall-annessjoni illegali tal-Krimea.
Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja b'rabta mal-Ukrajna (mill-2014) (Infografika)

Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja b'rabta mal-Ukrajna (mill-2014) (Infografika)

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025