"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Ġustizzja), 7 ta' Marzu 2025
Riżultati ewlenin
Ġustizzja
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: il-ġlieda kontra l-impunità
Il-ministri ddiskutew il-ġlieda kontra l-impunità għal delitti mwettqa b'rabta mal-gwerra fl-Ukrajna. Fl-isfond tal-kuntest ġeopolitiku attwali, il-presidenza ppreżentat ħarsa ġenerali lejn id-diversi inizjattivi tal-UE, l-istati membri tagħha u l-korpi internazzjonali f'dan ir-rigward.
Għamilna ħafna fl-Unjoni Ewropea biex niġbru u nippreservaw l-evidenza ta' delitti mwettqa mir-Russja. Nemmen li dan ser ikun kruċjali fil-ħidma tat-tribunal speċjali li ser jiġi stabbilit dalwaqt. Ser issir ġustizzja u r-Russja ser tinżamm responsabbli għad-delitti tal-gwerra li wettqet fl-Ukrajna.
Adam Bodnar, Ministru għall-Ġustizzja tal-Polonja
Il-ministri ddiskutew kif l-aħjar jikkontribwixxu għall-ħidma tat-tribunal speċjali li ser jiġi stabbilit dalwaqt taħt l-awspiċji tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasferiment tal-evidenza miġbura mill-istati membri u ppreservata fil-bażi tad-data tal-Eurojust.
Il-presidenza organizzat dibattitu ta' orjentazzjoni dwar direttiva proposta biex jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza. Id-direttiva, inizjattiva ewlenija tal-pjan ta' azzjoni għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali, tittratta l-isfida li jiffaċċaw l-investituri transfruntieri meta jkollhom iqisu 27 sett differenti ta' regoli dwar l-insolvenza meta jivvalutaw opportunità ta' investiment.
Id-dibattitu ffoka fuq il-proposta biex l-hekk imsejħa "proċedimenti pre-pack" isiru disponibbli fl-istati membri kollha tal-UE u b'mod partikolari fuq l-aspett tat-trasferimenti awtomatiċi ta' kuntratti eżekutorji. Proċediment pre-pack, fejn il-bejgħ tan-negozju tad-debitur jitħejja u jiġi nnegozjat qabel il-ftuħ formali tal-proċedimenti ta' insolvenza, jagħmilha possibbli li jiġi eżegwit il-bejgħ u jinkiseb ir-rikavat b'mod rapidu. F'dan il-kuntest, it-trasferiment ta' kuntratti eżekutorji tfisser li l-kuntratti li huma essenzjali għall-kontinwazzjoni tan-negozju jiġu ttrasferiti awtomatikament mid-debitur lix-xerrej tan-negozju mingħajr il-kunsens tal-kontroparti tad-debitur.
Il-ministri ddiskutew kif l-aħjar jinkiseb l-objettiv tal-proċedimenti pre-pack filwaqt li jinżamm il-prinċipju tal-libertà tal-kuntratti. Ħafna mill-ministri rrikonoxxew l-importanza li jinżammu fis-seħħ il-kuntratti eżistenti sabiex jitkompla n-negozju wara l-insolvenza. Id-dibattitu wera wkoll li hija meħtieġa aktar ħidma teknika biex jiġu ddefiniti l-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali tat-trasferiment awtomatiku tal-kuntratti.
Il-presidenza Pollakka għandha l-għan li tilħaq approċċ ġenerali, jiġifieri l-pożizzjoni tal-istati membri, dwar il-proposta kollha sa tmiem il-mandat tagħha.
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Huma jiffukaw fuq il-modi kif il-finanzjament jista' jippromwovi, jipproteġi u jinforza d-drittijiet fundamentali. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma kruċjali biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet fundamentali mogħtija mill-Karta u li l-finanzjament tal-UE huwa vitali biex ikun jista' jkun hemm dan l-involviment. Jenfasizzaw ukoll li dan il-finanzjament irid ikun konformi mar-regoli u l-obbligi rilevanti.
Matul l-iskambju ta' fehmiet tal-ministri, is-Sa Sirpa Rautio, Direttur tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, qasmet il-perspettivi tagħha dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-importanza tal-finanzjament adegwat tagħhom.
Dawn il-konklużjonijiet huma segwitu għar-rapport annwali tal-Kummissjoni tal-2024 dwar l-implimentazzjoni tal-Karta. Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fil-qasam tal-finanzjament tad-drittijiet fundamentali.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Waqt l-ikla ta' ħidma tagħhom, il-ministri għall-ġustizzja ddiskutew l-istat tad-dritt u b'mod partikolari kif jistgħu jiġu ssalvagwardati aktar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali kontra tentattivi biex jiġu mminati l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, u l-adegwatezza tas-sett ta' għodod tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri possibbli għall-indipendenza ġudizzjarja.
Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali b'rabta mal-Konvenzjoni tan-NU kontra ċ-ċiberkriminalità. It-test finali tal-Konvenzjoni ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-24 ta' Diċembru 2024. Biex l-UE tiffirma l-Konvenzjoni, il-Kunsill ser ikollu jadotta deċiżjoni (li għad trid titfassal). Din id-deċiżjoni tal-Kunsill ser tirrikjedi wkoll l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-ministri dwar l-evoluzzjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ftehim dwar l-evidenza elettronika u l-presidenza infurmat lill-Kunsill dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet approvati taħt il-presidenza Belġjana dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ma' pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.