"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Affarijiet Interni), 5 ta' Marzu 2025
Riżultati ewlenin
Affarijiet interni
Ġestjoni tal-fruntieri tal-UE
Fil-laqgħa tagħhom illum, il-ministri għall-affarijiet interni qablu dwar pożizzjoni komuni (approċċ ġenerali) dwar regolament li jippermetti l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ, sistema tal-IT għar-reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ fiż-żona Schengen ta' ċittadini mhux tal-UE li jivvjaġġaw lejn l-UE għal soġġorn qasir. Din il-liġi ser tippermetti lill-istati membri jibdew iħaddmu l-EES b'mod progressiv matul perjodu ta' tranżizzjoni ta' sitt xhur qabel ma jniedu s-sistema b'mod komplet.
Ladarba l-membri tal-Parlament Ewropew (PE) jilħqu l-pożizzjoni tagħhom, il-Kunsill u l-PE jistgħu jibdew negozjati biex jaqblu dwar il-liġi finali.
Il-ministri approvaw ukoll pjan direzzjonali rivedut għall-introduzzjoni tal-hekk imsejħa arkitettura tal-interoperabbiltà, sistema interkonnessa ta' għodod tal-IT użati għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi. Skont il-pjan direzzjonali, li ġie adottat mill-bord tat-tmexxija tal-eu-LISA, l-aġenzija tal-UE inkarigata mill-bini tal-infrastruttura tal-IT, l-EES ser tibda b'mod progressiv f'Ottubru 2025. Il-Eurodac riveduta, bażi ta' data bijometrika tal-UE li tassisti fl-identifikazzjoni ta' dawk li jfittxu l-ażil, ser tibda titħaddem f'Ġunju 2026. U fl-aħħar ser titnieda s-Sistema Ewropea ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) fl-aħħar tliet xhur tal-2026.
Il-ministri eżaminaw l-impatt tal-bidla tar-reġim fis-Sirja fuq il-migrazzjoni. Minn naħa waħda, iddiskutew kif l-Istati Membri jistgħu jassistu lil dawk is-Sirjani li jesprimu rieda qawwija li jmorru lura pajjiżhom. Min-naħa l-oħra, il-ministri indirizzaw l-infurzar ta' deċiżjonijiet ta' ritorn għal ċittadini Sirjani li huma ta' theddida għas-sigurtà jew li huma kriminali kkundannati.
Il-waqgħa tar-reġim ta' Assad hija mument ta' bidla għall-ħafna Sirjani fl-Ewropa. Filwaqt li s-sitwazzjoni diffiċli fuq il-post tagħmilha diffiċli li jsir ritorn fuq skala kbira, huwa importanti li jinstabu soluzzjonijiet konkreti biex il-persuni li huma kriminali kkundannati u li huma ta' theddida għas-sikurezza pubblika, jintbagħtu lura, f'konformità mad-dritt internazzjonali rilevanti,.
Tomasz Siemoniak, Ministru għall-Intern u l-Amministrazzjoni tal-Polonja
Fir-rigward tar-ritorni volontarji, ħafna stati membri esprimew l-appoġġ tagħhom għal żjarat ta' osservazzjoni li jippermettu lis-Sirjani li jgħixu fl-UE jivvalutaw is-sitwazzjoni fuq il-post f'pajjiżhom mingħajr ma jitilfu l-istatus ta' protezzjoni tagħhom. Diversi ministri appoġġaw ukoll l-istabbiliment ta' qafas tal-UE għal żjarat bħal dawn.
Kien hemm ukoll qbil ġenerali li għandhom jinstabu soluzzjonijiet għar-ritorn ta' ċittadini Sirjani li huma ta' theddida għas-sigurtà jew li huma kriminali kkundannati.
Skont l-UNHCR, fi Frar 2025, aktar minn 12-il miljun persuna Sirjana kienu għadhom spostati. 7.4 miljun Sirjan huma spostati internament inkluż madwar 650 000 persuna Sirjana li għadhom kif ġew spostati wara t-8 ta' Diċembru 2024. 4.7 miljun persuna Sirjana fittxew rifuġju barra mis-Sirja prinċipalment f'pajjiżi ġirien. Madwar 1.2 miljun persuna Sirjana qed jibbenefikaw minn status ta' refuġjat jew protezzjoni sussidjarja fl-UE u 130 000 oħra applikaw għall-ażil u qed jistennew deċiżjoni.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet taċ-ċiklu tal-Kunsill ta' Schengen u b'mod partikolari dwar kif tista' tiżdied l-effettività tas-sistemi ta' ritorn. Il-ministri indirizzaw sfidi bħan-nuqqas ta' riżorsi, in-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, u l-użu insuffiċjenti tal-għodod għall-iskambju ta' informazzjoni (eż. is-SIS) mill-istati membri. Huma ddiskutew ukoll kif l-UE tista' tappoġġa lill-istati membri jindirizzaw dawn l-isfidi.
Il-Kunsill adotta wkoll deċiżjoni li tagħmel rakkomandazzjonijiet abbażi tal-evalwazzjoni tematika ta' Schengen tal-2024 dwar ir-ritorn. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jipproponu soluzzjonijiet biex jiġu indirizzati l-ostakli ewlenin identifikati fl-evalwazzjonijiet tematiċi, b'enfasi fuq l-istadju ewlieni tal-proċess ta' ritorn. Huma jenfasizzaw l-importanza ta' ppjanar adegwat u proattiv tar-riżorsi, koordinazzjoni effiċjenti u koerenza bejn l-atturi u l-proċeduri kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew.
Il-Kummissjoni ppreżentat il-Barometru ta' Schengen, aġġornament tas-sitwazzjoni dwar l-istat taż-żona Schengen.
Fil-marġini tal-Kunsill, il-ministri għall-affarijiet interni tal-UE ltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom tal-Kumitat Latino-Amerikan għas-Sigurtà Interna (CLASI). Il-CLASI bħalissa huwa magħmul minn 16-il pajjiż tal-Amerka Latina u huwa s-sieħeb privileġġat tal-UE biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Amerka Latina u l-Karibew fil-qasam tal-infurzar tal-liġi. L-iskambju – it-tielet wieħed fil-livell ministerjali mill-2022 u l-2023 – iffoka fuq l-indirizzar ta' theddid komuni għas-sigurtà interna, inkluż il-ġlieda kontra l-kriminalità tranżnazzjonali serja u organizzata u t-traffikar illeċitu tad-droga.
Il-ministri għall-affarijiet interni tal-UE u tal-CLASI qablu dwar dikjarazzjoni konġunta u pjan direzzjonali biex jiġu implimentati l-prijoritajiet ta' kooperazzjoni operazzjonali fl-2025-2026. Il-prijoritajiet tal-kooperazzjoni jinkludu:
Tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fiż-żewġ reġjuni
Tisħiħ tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar it-traffikar tad-droga
Żvilupp ta' azzjonijiet kontra n-networks kriminali l-aktar ta' theddida
Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-CLASI ma' aġenziji ewlenin mill-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni
Evalwazzjoni kontinwa tal-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà fil-portijiet taż-żewġ reġjuni u l-miżuri stabbiliti biex tiġi indirizzata l-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata
Promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-approċċ “segwi l-flus”, li għandu fil-mira l-infrastruttura ekonomika tal-kriminalità organizzata
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar l-impatt tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali fuq is-sigurtà interna tal-UE – l-enfasi tad-diskussjoni kienet fuq is-Sirja u l-Ukrajna. Il-Presidenza ppreżentat ukoll rapport dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata.
Il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan ta' azzjoni tagħha dwar is-sigurtà tal-kejbils. Il-pjan ta' azzjoni, adottat fil-21 ta' Frar 2025, huwa reazzjoni għal diversi inċidenti relatati ma' kejbils taħt il-baħar li seħħew fil-Baħar Baltiku.
Il-Kummissjoni pproponiet firxa ta' miżuri li jindirizzaw aspetti tal-prevenzjoni, id-detezzjoni, ir-rispons, l-irkupru u d-deterrenza. Azzjoni ewlenija biex tittejjeb id-detezzjoni ta' inċidenti marbuta ma' kejbils hija dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ tat-theddid li jippermettu allerti u risponsi aktar kmieni. Biex jittejbu r-rispons u l-irkupru meta jseħħu inċidenti, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita riżerva tal-UE ta' bastimenti biex jintużaw għat-tiswija ta' kejbils danneġġati.
F'dawn l-aħħar xhur rajna għadd inkwetanti ta' inċidenti marbuta ma' kejbils ta' taħt il-baħar fil-Baħar Baltiku. Jeħtieġ li nieħdu azzjonijiet deċiżivi, malajr, għall-UE kollha kemm hi. Il-pjan ta' azzjoni dwar is-sigurtà tal-kejbils huwa pass tajjeb ‘il quddiem biex nipproteġu aħjar l-infrastrutturi tagħna ta' taħt il-baħar.
Tomasz Siemoniak, Ministru għall-Intern u l-Amministrazzjoni tal-Polonja
Il-Kummissjoni tat ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-proċess ta' implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Il-Patt daħal fis-seħħ aktar minn disa' xhur ilu u ser jibda japplika f'inqas minn 16-il xahar.
Il-ministru Portugiż informat dwar il-parteċipazzjoni tagħha fit-42 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri għall-Intern Għarab.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.