"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Ġustizzja), 12 ta' Ġunju 2025
Riżultati ewlenin
Ġustizzja
Armonizzazzjoni tal-liġi dwar l-insolvenza
Il-Kunsill qed jieħu passi biex l-UE ssir aktar attraenti għall-investituri barranin u transfruntieri. Direttiva tal-UE li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza, li l-Kunsill laħaq qbil dwarha llum, ser ittejjeb iċ-ċertezza legali u tnaqqas l-ispejjeż għall-investituri barranin - li bħalissa jeħtieġ jikkunsidraw regoli nazzjonali dwar l-insolvenza differenti meta jieħdu deċiżjonijiet dwar investimenti f'pajjiżi oħra tal-UE.
L-investituri ma jiħdux gost b'inċertezzi legali jew proċedimenti ta' insolvenza twal. Din il-liġi l-ġdida ser tallinja r-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza u twassal għal aktar ċertezza dwar kemm jista' jdum proċediment ta' insolvenza. Dan ser jagħti spinta lill-investiment transfruntier.
Adam Bodnar, Ministru għall-Ġustizzja tal-Polonja
Ir-regoli l-ġodda – li għadhom jeħtieġu qbil bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew – jinkludu l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu pre-pack li jagħmilha possibbli li jintlaħaq qbil dwar il-bejgħ tan-negozju qabel ma tibda l-insolvenza u kumitat tal-kredituri biex jiżgura l-involviment ta' kredituri individwali li altrimenti jistgħu ma jipparteċipawx fil-proċedimenti, pereżempju minħabba riżorsi limitati jew nuqqas ta' prossimità ġeografika.
Il-Kunsill qabel dwar aspetti ewlenin ta' abbozz ta' liġi li ser tiggarantixxi d-drittijiet tal-adulti li jeħtieġu protezzjoni jew appoġġ f'sitwazzjonijiet transfruntieri. Il-liġi l-ġdida hija mfassla biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-adulti li, minħabba indeboliment jew insuffiċjenza tal-fakultajiet personali tagħhom, ma jistgħux jipproteġu l-interessi tagħhom. L-għadd ta' persuni fil-bżonn ta' għajnuna meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet relatati mal-aspetti personali ta' ħajjithom qed jiżdied. Skont iċ-ċifri tal-UE, il-proporzjon ta' persuni akbar minn 65 sena b'forma waħda ta' diżabilità jew oħra huwa previst li jiżdied b'77% sal-2050.
Il-liġi l-ġdida tittratta:
Ir-regoli li jiddeterminaw il-qorti (jew qrati) ta' liema pajjiż għandha l-kompetenza li tisma' kawża u l-liġi ta' liema pajjiż trid tapplika l-qorti
Ir-rikonoxximent awtomatiku mill-istati membri tal-miżuri meħuda minn qorti fi stat membru ieħor
L-iżgurar li strumenti awtentiċi (pereżempju att notarili) għandhom l-istess effett evidenzjarju sħiħ u komplut fi stati membri oħra kif għandhom fl-istat membru ta' oriġini tagħhom
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: il-ġlieda kontra l-impunità
Il-ministri rċevew aġġornament dwar kif l-istati membri u l-UE qed jassistu lill-Ukrajna fil-ġlieda tagħha kontra l-impunità fir-rigward ta' delitti mwettqa b'rabta mal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. Fost dawn (il-ħafna) azzjonijiet notevoli hemm l-istabbiliment ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta (SIK). Din is-SIK tinkludi awtoritajiet ġudizzjarji minn għadd ta' pajjiżi u tappoġġa lill-Ukrajna b'investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta' delitti internazzjonali ewlenin. Il-Bażi ta' Data ta' Evidenza dwar Delitti Internazzjonali Ewlenin (CICED), stabbilita mill-Eurojust, aġenzija tal-UE, tippreserva, taħżen u tanalizza l-evidenza ta' delitti internazzjonali b'appoġġ għal investigazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali.
Żvilupp aktar reċenti kien li r-rappreżentanti ta' 35 pajjiż, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni tal-UE, iltaqgħu f'Lviv (l-Ukrajna) fid-9 ta' Mejju, fejn qablu li jipproċedu bil-ħolqien ta' Tribunal Speċjali għad-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna.
Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata
Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-progress li sar fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ma' pajjiżi terzi. Il-Kunsill iqis tali kooperazzjoni essenzjali fil-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità organizzata biex jiġu ffaċilitati l-prosekuzzjonijiet, jitressqu membri ta' networks kriminali quddiem il-ġustizzja u jiżżarmaw in-networks tal-kriminalità organizzata.
Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2024 il-Kunsill qabel dwar sett ta' għodod biex jappoġġa dan l-isforz. Dan fih miżuri bħal:
l-organizzazzjoni ta' skambji ta' esperjenza u l-aħjar prattiki bejn esperti mill-istati membri rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja ma' pajjiżi terzi
is-sekondar, f'każijiet magħżula, mill-Eurojust ta' maġistrati ta' kollegament f'pajjiżi terzi
l-inkoraġġiment li pajjiżi terzi jissieħbu fil-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-konvenzjonijiet dwar l-estradizzjoni u dwar l-assistenza legali reċiproka
Il-ministri għall-ġustizzja ġew aġġornati dwar l-attivitajiet tal-UPPE. Il-Kap Prosekutur Ewropew, Laura Kövesi, infurmat dwar l-aħħar żviluppi tal-UPPE. Fl-2024, il-Polonja u l-Iżvezja ngħaqdu mal-UPPE, biex b'hekk is-sħubija tiegħu telgħet għal 24 stat membru.
Il-presidenza żammet lill-ministri infurmati wkoll dwar il-proċess li għaddej tal-għażla ta' Kap Prosekutur Ewropew ġdid, peress li l-mandat tas-Sinjura Kövesi ser jintemm fit-30 ta' Ottubru 2026, kif ukoll ta' seba' prosekuturi Ewropej ġodda.
Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-laqgħa ministerjali bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni li saret fit-2 u t-3 ta' Ġunju f'Varsavja u dwar is-sitwazzjoni attwali rigward azzjonijiet possibbli tal-UE relatati maż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni elettronika. Il-Kummissjoni infurmat dwar in-negozjati bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar ftehim dwar l-evidenza elettronika.
Il-Litwanja tkellmet fuq inizjattiva biex issaħħaħ ir-reżiljenza demokratika tal-UE u tirreżisti r-reviżjoniżmu storiku. Is-Slovenja pprovdiet informazzjoni dwar is-sanzjonijiet meħuda mill-Istati Uniti kontra mħallfin tal-Qorti Kriminali Internazzjonali. Fl-aħħar nett, id-Danimarka ippreżentat il-pjan ta' ħidma tagħha għall-presidenza tagħha li ser tibda fl-1 ta' Lulju 2025.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.