"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Ġustizzja), 13 ta' Diċembru 2024

Riżultati ewlenin

Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti

Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali (pożizzjoni tal-istati membri) dwar direttiva proposta li tistabbilixxi regoli minimi għall-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti. Il-liġi tissostitwixxi l-qafas legali attwali tal-UE li jmur lura għall-2002. L-objettiv tal-proposta huwa li tqarreb aktar lejn xulxin il-liġi kriminali tal-istati membri dwar kwistjonijiet bħad-definizzjoni u s-sanzjonar tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti.

Bence Tuzson, Ministru għall-Ġustizzja tal-Ungerija

Bil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, il-gruppi kriminali jagħmlu miljuni minn fuq dahar dawk l-aktar vulnerabbli. Il-prosekuzzjoni ta’ dan ir-reat hija prijorità għall-pajjiżi tal-UE.

Bence Tuzson, Ministru għall-Ġustizzja tal-Ungerija

Bence Tuzson, Ministru għall-Ġustizzja tal-Ungerija

Fl-2023, ġew identifikati madwar 380 000 qsim irregolari tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE. Il-Europol tistma li aktar minn 90% tal-migranti irregolari li jaslu fl-UE jużaw is-servizzi ta' faċilitaturi ta' dħul klandestin.

Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal

Sabiex jiġu miġġielda l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, il-ministri qablu dwar il-pożizzjoni tagħhom u laħqu approċċ ġenerali dwar proposta li tiġi aġġornata d-direttiva tal-2011 biex tissaħħaħ il-liġi kriminali dwar l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal. Il-liġi aġġornata, proposta fi Frar 2024 mill-Kummissjoni Ewropea, tespandi d-definizzjonijiet tar-reati ta' abbuż sesswali u sfruttament sesswali tat-tfal - inkluż dawk permessi jew iffaċilitati minn għodod ġodda online - u tiżgura investigazzjoni u prosekuzzjoni aktar effettivi ta' dawn ir-reati. Tintroduċi wkoll pieni ogħla u fiha rekwiżiti aktar speċifiċi għall-prevenzjoni u l-assistenza lill-vittmi.

Liġi dwar l-insolvenza

L-approċċ ġenerali parzjali, maqbul illum, dwar elementi ewlenin ta’ proposta għal direttiva biex tarmonizzati ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza huwa pass kruċjali sabiex l-UE tiġbed aktar investituri.

Il-proposta hija waħda mill-inizjattivi tal-pjan ta' azzjoni tal-2020 għall-unjoni tas-swieq kapitali. Għandha l-għan li tħeġġeġ investiment transfruntier fis-suq uniku permezz ta' armonizzazzjoni mmirata tal-proċedimenti ta' insolvenza. Il-proposta għandha l-għan b’mod partikolari li tiżgura li l-kredituri jkunu jistgħu jirkupraw il-valur massimu mill-kumpanija likwidata, biex tittejjeb l-effiċjenza tal-proċeduri ta' insolvenza u biex jiżdiedu l-prevedibbiltà u d-distribuzzjoni ġusta tal-valur irkuprat fost il-kredituri. Bħalissa, l-investituri transfruntieri jridu jieħdu kont ta' 27 regola differenti dwarl-insolvenza meta jivvalutaw opportunità ta' investiment.

L-iżvilupp ta’ sistemi tal-IA fil-qasam tal-ġustizzja

Fl-okkażjoni tal-ikla ta’ ħidma, il-ministri kellhom diskussjoni dwar il-potenzjal għall-iżvilupp konġunt ta’ għodod tal-IA għas-sistemi ġudizzjarji. Huma indirizzaw ukoll l-identifikazzjoni ta’ għodod tal-IA li jistgħu jkunu l-aktar xierqa għal inizjattivi bħal dawn. Għodod tal-IA f’oqsma delikati bħall-ġustizzja jużaw ħafna riżorsi biex jiġu żviluppati, u jista’ jkun ta’ vantaġġ li l-isforzi jiġu kkombinati fil-livell Ewropew.

L-IA diġà għandha impatt fuq is-settur tal-ġustizzja, u dan l-impatt bla dubju li ser jiżdied fil-futur. Żviluppi bħal dawn għandhom il-potenzjal li jtejbu l-puntwalità u jagħmlu l-proċedimenti ġudizzjarji aktar effiċjenti u aktar effettivi. Jagħmel sens li naħdmu flimkien bħala l-UE biex immexxu dan l-iżvilupp u naħsdu l-benefiċċji flimkien.

Bence Tuzson, Ministru għall-Ġustizzja tal-Ungerija

Il-ministri approvaw ukoll konklużjonijiet dwar dan is-suġġett.

Il-futur tal-liġi kriminali tal-UE

Peress li l-liġi kriminali tal-UE żviluppat konsiderevolment matul dawn l-aħħar 20 sena, il-ministri rriflettew dwar il-ħtiġijiet futuri fil-qasam tal-liġi kriminali u b’mod partikolari jekk tkunx mixtieqa konsolidazzjoni potenzjali tal-qafas legali għar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali. Il-biċċa l-kbira tal-ministri esprimew il-fehma li l-enfasi għandha tkun fuq l-implimentazzjoni tar-regoli attwali u, fil-każ ta’ proposti ġodda, fuq l-iżgurar tal-konsistenza mal-qafas eżistenti tal-UE dwar il-liġi kriminali.

It-tieni aspett tad-diskussjonijiet dwar il-futur tad-dritt kriminali tal-Unjoni kien jikkonċerna l-abbozzar ta’ dispożizzjonijiet mudell għal dawk l-istrumenti li fihom regoli minimi dwar il-liġi kriminali sostantiva. Kien hemm qbil komuni li l-istati membri xtaqu jiżguraw li mill-inqas xi elementi standardizzati tal-lingwa jintużaw fid-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi kriminali tal-UE. Il-ministri wrew ukoll appoġġ wiesa’ għat-tkomplija tal-ħidma fuq dispożizzjonijiet mudell mhux vinkolanti sabiex jintlaħaq qbil komuni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Inħarġu żewġ rapporti tal-presidenza kemm dwar id-dispożizzjonijiet mudell kif ukoll dwar il-futur tal-liġi kriminali tal-UE f’kuntest ġenerali.

Evalwazzjoni reċiproka: it-titjib tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea

Il-presidenza pprovdiet tagħrif dwar ir-rapport finali dwar l-għaxar ċiklu ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi. Dan l-eżerċizzju regolari kkonċentra fuq l-implimentazzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

Evalwazzjonijiet reċiproċi huma evalwazzjonijiet bejn il-pari fejn l-istati membri jevalwaw lil xulxin dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istrumenti tal-UE u dawk internazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità. Il-mekkaniżmu għandu l-għan li:

  • isib soluzzjonijiet prattiċi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fl-UE
  • itejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea
  • jaqsam l-aħjar prattiki bejn l-istati membri

Il-Kunsill jikkoordina l-proċess ta’ evalwazzjoni u jħejji rapporti, inkluż konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata

Kif għamlet fil-laqgħa tal-ministri għall-affarijiet interni, il-presidenza infurmat lill-ministri għall-ġustizzja dwar il-progress li kien inkiseb fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata. Il-presidenza b’mod partikolari enfasizzat attivitajiet marbutin man-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-qasam tal-Kriminalità Organizzata u mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ pajjiżi terzi prijoritarji.

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: il-ġlieda kontra l-impunità

Il-presidenza tat aġġornament dwar l-azzjonijiet tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità fl-Ukrajna. L-azzjonijiet mill-UE, l-istati membri u l-atturi internazzjonali varjaw minn li jibagħtu esperti forensiċi tal-istati membri l-Ukrajna u jistabbilixxu skwadra ta’ investigazzjoni konġunta biex tinvestiga l-allegati reati mwettqa fl-Ukrajna sal-ħolqien ta’ Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta' Aggressjoni fl-Eurojust.

Fuq talba mill-komunità internazzjonali, inkluż il-Kunsill, biex taderixxi għall-Istatut ta’ Ruma, fil-25 ta’ Ottubru l-Ukrajna ddepożitat l-istrument ta’ ratifika tal-Istatut ta’ Ruma mas-Segretarju Ġenerali tan-NU. L-Istatut ta’ Ruma ser jidħol fis-seħħ fl-Ukrajna fl-1 ta’ Jannar 2025.

Fajls leġiżlattivi li għadhom għaddejjin

Il-presidenza rrappurtat dwar l-istatus ta’ fajls leġiżlattivi li għadhom għaddejn fil-qasam tal-ġustizzja.

Ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

Il-presidenza ddeskriviet is-sitwazzjoni attwali rigward il-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li ġie approvat mill-Kunsill fit-12 ta’ Diċembru. Il-linji gwida ser isawru d-direzzjoni tal-politika tal-UE f'dan il-qasam għall-ħames snin li ġejjin.

Il-linji gwida strateġiċi huma strument kruċjali għat-tiswir tad-direzzjoni tal-politika tal-UE fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u jistabbilixxu l-qafas biex jiġu implimentati l-aspetti rilevanti tal-Aġenda Strateġika tal-UE 2024-2029.

Aċċess għad-data għal infurzar effettiv tal-liġi

Il-presidenza pprovdiet aġġornament dwar il-ħidma tal-grupp ta’ livell għoli dwar l-aċċess għad-data għall-infurzar effettiv tal-liġi, abbażi tar-rapport ta’ konklużjoni tiegħu.

Affarijiet oħra

Fil-laqgħa tal-ministri għall-affarijiet interni, il-presidenza għarrfet lill-ministri dwar il-Forum Ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, li sar f'Budva (il-Montenegro) fit-28 u d-29 ta' Ottubru 2024. Flimkien mal-Kummissjoni, għarrfet lill-parteċipanti dwar l-iżviluppi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-antisemitiżmu. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti fuq ftehim dwar l-evidenza elettronika.

Il-presidenza Pollakka li jmiss tal-Kunsill tal-UE ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' April 2025