"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Ġustizzja), 13 ta' Ottubru 2025

Riżultati ewlenin

Ġustizzja

Il-futur tal-Eurojust

Il-Ministri għall-Ġustizzja kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-futur tal-Eurojust. Il-Eurojust, li hija bbażata f'The Hague, hija l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni.

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-possibbiltajiet għall-Eurojust biex tkompli ttejjeb l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja. Bosta ministri enfasizzaw li l-Eurojust għandu jkollha l-mezzi u l-għodod biex tappoġġa investigazzjonijiet konkreti. Diversi ministri indikaw ukoll ir-rwol li l-Eurojust jista' jkollha fit-titjib tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-UE u pajjiżi terzi, pereżempju fir-rigward tal-estradizzjoni ta' kriminali tad-droga.

F'Lulju 2025, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet evalwazzjoni tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-Eurojust u l-prattiki ta' ħidma tagħha u mistennija tagħti bidu għal valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni li tirfed il-Eurojust. L-iskambju ta' fehmiet tal-lum bejn il-ministri ser jipprovdi gwida politika lill-Kummissjoni għal reviżjoni possibbli tar-regolament dwar il-Eurojust.

Aċċess legali għad-data

Il-Kummissjoni pprovdiet stampa tas-sitwazzjoni attwali tal-ħidma mwettqa, fil-qasam tal-ġustizzja, dwar l-aċċess għad-data.

Il-Kummissjoni Ewropea infurmat dwar il-konsultazzjoni pubblika li wettqet dwar iż-żamma tad-data – u li ntemmet fit-12 ta' Settembru 2025 – kif ukoll il-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt li għaddej bħalissa. Il-presidenza infurmat dwar l-iskambji li saru fil-livell tekniku rigward il-ħtiġijiet operazzjonali, l-isfidi u l-aħjar prattiki tal-istati membri fir-rigward taż-żamma tad-data.

Iż-żamma tad-data tirreferi għall-obbligi imposti fuq il-fornituri tas-servizzi bħall-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni biex iżommu l-metadata (eż. data ta' lokalizzazzjoni tat-telefown) għal ċertu perjodu ta' żmien li għandha tintuża f'investigazzjonijiet kriminali. Wara li l-Qorti tal-UE ddikjarat id-direttiva dwar iż-żamma tad-data bħala invalida fl-2014, ma kien hemm l-ebda qafas legali tal-UE dwar iż-żamma tad-data.

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: il-ġlieda kontra l-impunità

Il-ministri rċevew aġġornament dwar l-isforzi eżistenti biex tiġi miġġielda l-impunità għal delitti mwettqa b'rabta mal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

L-UE, l-istati membri tagħha u l-korpi internazzjonali stabbilew diversi inizjattivi, bħall-istabbiliment ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji Ukreni u diversi stati membri tal-UE, biex tiġi żgurata r-responsabbiltà.

Matul l-2025, il-membri tal-Kunsill tal-Ewropa laħqu ftehim dwar l-istabbiliment ta' Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet. Dan il-korp ser jirrieżamina t-talbiet minn persuni li sofrew danni minħabba l-aggressjoni tar-Russja u jiddetermina l-kumpens.

Fil-25 ta' Ġunju ta' din is-sena, l-Ukrajna u l-Kunsill tal-Ewropa fi Strażburgu ffirmaw ukoll il-ftehim dwar l-istabbiliment ta' Tribunal Speċjali għad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna. L-esperti tal-istati membri fil-Kunsill bdew diskussjonijiet dwar il-modalitajiet tal-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-UE mat-Tribunal.

Peter Hummelgaard, Ministru għall-Ġustizzja tad-Danimarka

Din il-gwerra tfakkarna li s-sigurtà u l-valuri tagħna huma inseparabbli. Huwa għalhekk li nappoġġaw il-viżjoni ta' "Ewropa b'saħħitha f'dinja li qed tinbidel" – billi fi żminijiet ta' gwerra u inċertezza, l-għaqda hija l-akbar forza tagħna. Li nappoġġaw il-ġlieda tal-Ukrajna għall-paċi u l-libertà hija prijorità għall-Presidenza Daniża.

Peter Hummelgaard, Ministru għall-Ġustizzja tad-Danimarka

Peter Hummelgaard, Ministru għall-Ġustizzja tad-Danimarka

L-Istat tad-Dritt

Matul l-ikla ta' ħidma tagħhom dwar l-iżviluppi fl-istat tad-dritt fil-qasam tal-ġustizzja, il-ministri ddiskutew kif tista' tiġi żgurata l-parteċipazzjoni politika u jiġu protetti l-politiċi mit-theddid u l-vjolenza. Dan id-dibattitu seħħ fil-kuntest ta' żieda fit-theddid, mill-vjolenza fiżika u l-intimidazzjoni sad-diskors ta' mibegħda online. Il-punti li ġew diskussi jinkludu s-sejba ta' bilanċ bejn l-iżgurar ta' dibattitu pubbliku miftuħ minn naħa waħda u l-protezzjoni tal-politiċi mill-ħsara u l-intimidazzjoni min-naħa l-oħra. Huma qasmu wkoll il-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom rigward ir-reġimi nazzjonali ta' protezzjoni għall-politiċi u l-iżgurar ta' spazju ta' informazzjoni sikur mill-abbuż u l-ħsara.

Affarijiet oħra

Il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-ministri dwar ir-rapport ta' progress annwali dwar is-simplifikazzjoni, l-infurzar u l-implimentazzjoni. Franza qajmet punt dwar it-Tarka għad-Demokrazija Ewropea li jmiss, inizjattiva li għandha l-għan li ssaħħaħ l-integrità tal-informazzjoni fl-UE. Is-Slovakkja infurmat dwar ir-reazzjoni tal-gvern tagħha għar-rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt. Is-Slovenja pprovdiet informazzjoni dwar is-sanzjonijiet meħuda mill-Istati Uniti kontra l-Qorti Kriminali Internazzjonali u r-rapporteurs dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Ottubru 2025