"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 8 ta' Diċembru 2025
Riżultati ewlenin
Affarijiet Interni
Politika tal-UE dwar il-migrazzjoni
Il-Kunsill stabbilixxa l-pożizzjoni tiegħu dwar tliet liġijiet tal-UE biex iħaffu u jissimplifikaw il-proċeduri għar-ritorn ta' applikanti għall-ażil rifjutati u jħaffu u jiffaċilitaw il-proċessi tal-ażil.
Ir-regolament dwar ir-ritorn jistabbilixxi proċeduri komuni għar-ritorni, obbligi għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz b'soġġorn illegali biex jikkoopera mal-awtoritajiet tal-migrazzjoni u għodod għall-kooperazzjoni bejn l-istati membri. L-UE ser tfassal ukoll lista ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri li ser tippermetti lill-istati membri jittrattaw b'mod rapidu t-talbiet għall-protezzjoni internazzjonali ta' persuni li ġejjin minn pajjiżi fuq dik il-lista. U fl-aħħar nett, ir-regolament il-ġdid dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta' pajjiż terz sikur ser jagħti aktar għażliet lill-istati membri biex jagħmlu użu minn dan il-kunċett sabiex jirrifjutaw applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli u biex jeżaminaw kooperazzjoni possibbli ta' pajjiż terz f'dan ir-rigward.
Il-ftehim bejn l-istati membri wasal sitt xhur biss wara li l-Kunsill Ewropew, fis-26 ta' Ġunju, ħeġġeġ biex tiġi intensifikata l-ħidma fuq l-isforzi biex jiġu ffaċilitati, miżjuda u aċċellerati r-ritorni u fuq il-kunċetti ta' pajjiżi terzi sikuri u pajjiżi ta' oriġini sikuri.
Is-sistema Ewropea tal-ażil mhix taħdem. Illum il-Kunsill ta tweġibiet importanti.
Ser inkunu nistgħu niksbu kontroll tal-migrazzjoni lejn l-Ewropa u nkissru l-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin. U ser niżguraw li aktar migranti mingħajr dritt li jibqgħu fl-UE fil-fatt jiġu rritornati.
Rasmus Stoklund, Ministru għall-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni tad-Danimarka
Il-Kunsill laħaq ukoll qbil politiku dwar l-istabbiliment tar-riżerva ta' solidarjetà annwali għall-2026. Ir-riżerva ta' solidarjetà hija element ewlieni tal-Patt tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u tipprovdi appoġġ effettiv lil dawk l-istati membri li jinsabu taħt pressjoni migratorja. Il-Patt, meta jibda japplika mit-12 ta' Ġunju 2026, ser jagħmel is-sistema Ewropea tal-ażil aktar effettiva b'regoli aktar ċari dwar ir-responsabbiltà għat-trattament tat-talbiet għall-ażil u s-solidarjetà bejn l-istati membri. Il-Patt eventwalment ser jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-pressjoni migratorja fuq l-istati membri kollha.
Matul l-ikla ta' ħidma, il-ministri ddiskutew it-tisħiħ tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen. Huma indirizzaw il-lakuni persistenti u kif għandhom jiġu indirizzati b'mod kollettiv kif ukoll kif għandhom jitħejjew għall-vulnerabbiltajiet il-ġodda li qed jitfaċċaw fil-fruntieri esterni.
Il-ministri approvaw ukoll pjan direzzjonali għall-introduzzjoni tal-arkitettura tal-interoperabbiltà tal-UE fl-2027-2028. Din l-arkitettura tal-interoperabbiltà tirreferi għall-proċess li għaddej biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-IT tal-UE li jiggarantixxu s-sigurtà tagħna fiż-żona Schengen – billi jidentifikaw b'mod korrett il-persuni, jidentifikaw il-frodi u jivverifikaw it-theddid għas-sigurtà – ikunu interkonnessi u li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aċċess bla xkiel.
Billi s-sistema ta' dħul/ħruġ għall-fruntieri, is-sistema ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS u l-bażi tad-data aġġornata tal-marki tas-swaba' Eurodac bdew joperaw fl-2025 jew huma ppjanati għall-2026, il-Kunsill issa qed idur għall-elementi li fadal tal-arkitettura tal-IT komuni tal-fruntieri u s-sigurtà.
Il-ministri ddiskutew l-implikazzjonijiet tal-użu malizzjuż tad-droni mill-perspettiva tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Huma qasmu l-fehmiet tagħhom dwar miżuri xierqa ta' infurzar tal-liġi biex jindirizzaw dawn l-isfidi inkluż azzjoni possibbli tal-UE. Azzjonijiet bħal dawn jistgħu jwasslu għal koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet kontra d-droni, armonizzazzjoni tal-istandards tas-sistemi kontra d-droni u żieda fil-finanzjament fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Id-diskussjoni wriet li hemm ħtieġa urġenti li nimxu 'l quddiem malajr biex nirrispondu għall-isfidi dejjem jikbru kkawżati mid-droni u biex l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jiġu mgħammra bil-kapaċitajiet meħtieġa.
F'sessjoni ristretta l-ministri rċevew l-aġġornament ta' kull sitt xhur tal-valutazzjoni tat-theddid dwar l-isfidi attwali għas-sigurtà. It-tgħarrif ġie pprovdut mid-direttur ġenerali tas-Servizz tas-Sigurtà u l-Intelligence (PET) tad-Danimarka f'isem is-servizzi domestiċi Ewropej tas-sigurtà u l-intelligence.
Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata
Il-presidenza pprovdiet rapport sommarju dwar l-azzjonijiet identifikati bħala prijoritajiet fil-pjan direzzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata minn Ottubru 2023 'l hawn. Il-pjan direzzjonali fih 17-il azzjoni fuq terminu qasir u medju li servew bħala l-bażi għall-azzjonijiet tal-istati membri matul il-presidenza Belġjana, Ungeriża, Pollakka u Daniża.
Il-Kummissjoni ppreżentat żewġ komunikazzjonijiet dwar 1) l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar id-drogi u dwar 2) pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tad-droga. Iż-żewġ komunikazzjonijiet ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-4 ta' Diċembru 2025. Dawn jistabbilixxu r-rispons tal-UE għall-isfidi tas-sigurtà, tas-saħħa, soċjali u ambjentali marbuta mat-traffikar u l-użu ta' drogi illeċiti.
Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata kienu prijoritajiet ewlenin taħt il-presidenza Daniża. Huwa kruċjali li naħdmu flimkien fl-istati membri kollha jekk irridu niġġieldu b'mod effettiv dawn l-elementi sovversivi. Napprezza ħafna d-diskussjonijiet kostruttivi u produttivi dwar dawn il-kwistjonijiet matul il-laqgħa tal-lum.
Peter Hummelgaard, Ministru għall-Ġustizzja tad-Danimarka
Taħt affarijiet oħra, il-presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-iżviluppi matul il-mandat tagħha relatati mal-aċċess għad-data għal infurzar effettiv tal-liġi u infurmat lill-ministri dwar il-laqgħa tal-Forum Ministerjali UE-Balkani tal-Punent dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li saret fit-30 u l-31 ta' Ottubru f'Sarajevo.
Il-Polonja tat aġġornament dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà u s-segwitu għall-ħruġ ta' viżi liċ-ċittadini Russi u l-Presidenza Ċiprijotta li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.