Skip to content
• Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Affarijiet Interni), 14 ta' Ottubru 2025

Riżultati ewlenin

Affarijiet interni

Politika tal-UE dwar il-migrazzjoni

Il-ministri għall-affarijiet interni ddiskutew proposta dwar l-istabbiliment ta' sistema komuni għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali fl-UE. Il-leġiżlazzjoni proposta, li bħalissa qed tiġi eżaminata fil-livell tal-esperti, tinkludi għadd ta' elementi ġodda li għandhom jagħmlu r-ritorni aktar rapidi, inkluż fost affarijiet oħra obbligi għall-persuni rimpatrijati biex jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali u regoli aktar stretti għar-ritorn ta' dawk li joħolqu theddida għas-sigurtà.

Il-ministri qablu li proċeduri aktar effettivi fl-UE kollha huma strumentali biex jitħaffu r-ritorni u jiżdiedu r-ritorni reali tal-migranti li jkunu qegħdin fl-UE illegalment.

Il-ministri ddiskutew b'mod partikolari r-rikonoxximent reċiproku obbligatorju ta' deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa minn stati membri oħra. Ir-rikonoxximent reċiproku jfisser li l-istati membri jirrikonoxxu u jinfurzaw deċiżjoni ta' ritorn maħruġa minn pajjiż ieħor tal-UE. Għadd ta' stati membri enfasizzaw il-fatt li r-rikonoxximent reċiproku jkun sinjal qawwi li l-migranti b'soġġorn illegali ma jistgħux jevitaw deċiżjoni ta' ritorn billi jmorru f'pajjiż ieħor tal-UE. Stati membri oħra indikaw il-ħtieġa għall-flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku, waqt li nnutaw li f'xi każijiet, minħabba kwistjonijiet legali, prattiċi u operazzjonali differenti, il-ħruġ ta' deċiżjoni nazzjonali ta' ritorn tkun aktar rapida u aktar effettiva.

Rasmus Stoklund, Ministru għall-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni tad-Danimarka

Madwar l-UE bħalissa qed nirritornaw biss ftit miċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li qegħdin hawn illegalment. Nemmen li din hija sitwazzjoni kompletament inaċċettabbli. U thedded mhux biss is-sigurtà tal-Unjoni tagħna, iżda anke l-koeżjoni soċjali u l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet Ewropej f'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej. Huwa għalhekk li qed naħdmu fuq regoli ġodda li jagħmlu r-ritorni aktar effiċjenti u numerużi.

Rasmus Stoklund, Ministru għall-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni tad-Danimarka

Rasmus Stoklund, Ministru għall-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni tad-Danimarka

Matul l-ikla ta' ħidma tagħhom, il-ministri ddiskutew id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni u b'mod partikolari r-ritorni lejn is-Sirja – ritorni volontarji ta' Sirjani li nħarġitilhom deċiżjoni ta' ritorn kif ukoll ritorni furzati ta' Sirjani li huma ta' riskju għas-sigurtà u kriminali kkundannati. Il-ministri qasmu l-esperjenza tagħhom dwar il-kuntatti tagħhom mal-awtoritajiet Sirjani dwar il-migrazzjoni.

Il-protezzjoni ċivili u l-istat ta' tħejjija b'rabta mas-saħħa

Il-ministri kellhom dibattitu dwar abbozz ta' leġiżlazzjoni għar-riforma tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) u għall-integrazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni għat-Tħejjija u r-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa. Il-proposta, li tkopri l-appoġġ finanzjarju tal-UE u l-kooperazzjoni għall-protezzjoni ċivili kif ukoll l-istat ta' tħejjija għall-emerġenzi tas-saħħa, twarrab €10.7 biljun għall-finanzjament ta' dan ir-regolament taħt il-baġit pluriennali li jmiss tal-UE.

Il-ministri ddiskutew fost affarijiet oħra l-bidliet proposti għall-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili nnifsu – bħat-tisħiħ tal-kapaċitajiet konġunti ta' rispons għad-diżastri u l-kriżijiet – kif ukoll iċ-Ċentru għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet propost u l-kooperazzjoni ċivili-militari msaħħa fil-livell tal-UE.

L-UCPM huwa l-għodda tal-UE biex tikkoordina r-rispons għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Meta pajjiż (Ewropew jew le) jintlaqat minn diżastru, jista' jitlob għajnuna ta' emerġenza mill-UCPM.

Torsten Schack Pedersen, Ministru għar-Reżiljenza u t-Tħejjija tad-Danimarka

L-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma' diżastri u kriżijiet ta' skala u ta' kumplessità mingħajr preċedent. It-tisħiħ tat-tħejjija u r-reżiljenza tagħna huwa kompitu ewlieni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE.

Torsten Schack Pedersen, Ministru għar-Reżiljenza u t-Tħejjija tad-Danimarka

Torsten Schack Pedersen, Ministru għar-Reżiljenza u t-Tħejjija tad-Danimarka

Schengen

Kif is-soltu jsir f'laqgħa tal-ministri għall-intern, il-Kunsill evalwa l-istat ġenerali taż-żona Schengen. Il-Kummissjoni ppreżentat il-Barometru ta' Schengen – u indirizzat l-isfidi u l-iżviluppi ewlenin fiż-żona Schengen.

Il-Kunsill iddiskuta l-futur tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Frontex. Il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana li tippreżenta proposta biex fl-2026 tirrevedi r-regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Id-dibattitu tal-lum ikkontribwixxa għal din ir-reviżjoni mħabbra. Għall-istati membri, il-punt tat-tluq fir-rigward tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni li tirfed il-Frontex huma l-ħtiġijiet operazzjonali tagħhom. Iridu wkoll li r-reviżjoni li jmiss tibqa' ffukata fuq il-funzjonijiet ewlenin tal-aġenzija marbuta mal-fruntieri esterni u r-ritorn. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, pereżempju dwar ir-ritorn, hija kwistjoni ewlenija.

Il-ministri ġew infurmati dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-IT tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi. Karatteristika ewlenija ta' dan l-ambjent tal-IT, is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), daħlet fis-seħħ fit-12 ta' Ottubru 2025. L-EES tirreġistra d-dħul, il-ħruġ u r-rifjut tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE għal soġġorn qasir.

Fil-laqgħa tal-Kunsill, il-presidenza enfasizzat l-importanza li matul l-2026 jiġu implimentati l-Eurodac il-ġdida, bażi tad-data tal-marki tas-swaba' għar-reġistrazzjoni ta' persuni li jfittxu l-ażil, u l-ETIAS, sistema ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għall-persuni li jivvjaġġaw minn pajjiżi mingħajr il-ħtieġa ta' viża. F'laqgħa tiegħu li jmiss, il-Kunsill ser jerġa' lura għall-introduzzjoni tal-elementi li fadal tal-arkitettura tal-IT tal-fruntieri komuni u s-sigurtà, bħal Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża aġġornata, lil hinn mill-2026.

Sigurtà interna

Il-presidenza tat aġġornament qasir dwar il-ħidma mwettqa mill-korpi preparatorji tal-Kunsill sabiex jiddiskutu, jikkoordinaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għal aċċess legali u effettiv għad-data għall-infurzar tal-liġi. Dan il-pjan direzzjonali ġie ppreżentat mill-Kummissjoni f'Ġunju 2025.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni spjegat is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjija ta' pjan direzzjonali teknoloġiku dwar il-kriptaġġ li mistenni jiġi ffinalizzat fl-2026. L-iskop ta' dan il-pjan direzzjonali teknoloġiku huwa li jidentifika u jivvaluta soluzzjonijiet teknoloġiċi li jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jaċċessaw legalment data kriptata f'każijiet kriminali, filwaqt li jissalvagwardjaw kompletament iċ-ċibersigurtà u d-drittijiet fundamentali.

Peter Hummelgaard, Ministru għall-Ġustizzja tad-Danimarka

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jrid ikollhom l-għodod meħtieġa, inkluż aċċess adegwat għad-data, biex jiġġieldu u jħarrku l-kriminali b'mod effettiv. Dan japplika kemm għal reati online kif ukoll għal reati serji ppjanati jew imwettqa minn kriminali organizzati bl-użu ta' teknoloġija moderna u infrastruttura diġitali. Irridu niżguraw li l-lakuni eżistenti jimtlew.

Peter Hummelgaard, Ministru għall-Ġustizzja tad-Danimarka

Peter Hummelgaard, Ministru għall-Ġustizzja tad-Danimarka

Waqt kolazzjon ta' ħidma, il-ministri ddiskutew l-isfidi fit-tul li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari f'Gaża, tista' toħloq għas-sigurtà interna tal-UE.

Affarijiet oħra

Bħalma ġara fil-laqgħa tal-ministri għall-ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel rapporti ta' progress annwali tagħha dwar is-simplifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar.

Il-presidenza u l-Kummissjoni Ewropea taw ukoll aġġornament dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Infurmaw ukoll dwar il-proposti u l-proċess li ġejjin li, qabel l-aħħar tas-sena, ser iwasslu għall-istabbiliment tal-ewwel riżerva annwali ta' solidarjetà (il-mekkaniżmu l-ġdid li ser iwassal għal kondiviżjoni aktar ġusta tar-responsabbiltà fil-qasam tal-ażil).

Iċ-Ċekja pprovdiet informazzjoni dwar il-Konferenza Ministerjali tal-Forum ta' Salzburg li saret f'Valtice f'Settembru 2025.

Minħabba l-vjolazzjonijiet reċenti tal-ispazju tal-ajru minn droni, potenzjalment għal finijiet ta' spjunaġġ u sabutaġġ kontra infrastruttura kruċjali, il-Ġermanja qajmet l-isfidi li dan l-iżvilupp iġib miegħu fil-livell nazzjonali u dak Ewropew.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Ottubru 2025