Albanija
L-Albanija applikat għas-sħubija fl-UE f'April 2009 u ngħatat l-istatus ta' kandidat tal-UE f'Ġunju 2014. L-UE kellha l-ewwel konferenza intergovernattiva tagħha mal-Albanija f'Lulju 2022. S'issa, infetħu t-33 kapitoli tan-negozjati kollha u erbgħa ngħalqu proviżorjament.
Tkabbir
Applikazzjoni għas-sħubija fl-UE
L-applikazzjoni tal-Albanija għas-sħubija fl-UE ġiet ippreżentata fl-24 ta' April 2009.
Fid-9 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Albanija għas-sħubija fl-UE. Il-Kummissjoni vvalutat li qabel ma jkunu jistgħu jinbdew formalment in-negozjati, l-Albanija kienet għad trid tikseb livell meħtieġ ta' konformità mal-kriterji ta' sħubija, b'mod partikolari biex tindirizza t-12-il prijorità ewlenija identifikati fl-opinjoni.
F'Ottubru 2012, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li l-Albanija tingħata l-istatus ta' kandidat, soġġett għat-tlestija ta' miżuri ewlenin fl-oqsma tar-riforma tal-amministrazzjoni ġudizzjarja u pubblika u r-reviżjoni tar-regoli ta' proċeduri parlamentari.
L-Albanija ngħatat status ta' kandidat tal-UE f'Ġunju 2014.
Negozjati tal-adeżjoni
F'April 2018, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rakkomandazzjoni biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija. F'Ġunju 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet fejn qabel li jirrispondi b'mod pożittiv għall-progress li sar mill-Albanija, u stabbilixxa t-triq lejn il-ftuħ tan-negozjati dwar l-adeżjoni f'Ġunju 2019.
Fl-24 ta' Marzu 2020, il-ministri għall-affarijiet Ewropej qablu politikament li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq. Din ġiet adottata formalment permezz ta' proċedura bil-miktub u approvata mill-Kunsill Ewropew fil-jiem ta' wara.
- Vidjokonferenza tal-ministri għall-affarijiet Ewropej, 24 ta' Marzu 2020
- Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni (stqarrija għall-istampa, 25 ta' Marzu 2020)
Laqgħat tal-konferenza dwar l-adeżjoni
In-negozjati tal-adeżjoni jsiru f'konferenzi intergovernattivi (imsejħa wkoll "konferenzi dwar l-adeżjoni") bejn il-ministri u l-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE u l-pajjiż kandidat. In-negozjati jkopru l-korp ta' drittijiet u liġi komuni (l-"acquis tal-UE") u huma maqsuma f'kapitoli differenti, jew raggruppamenti ta' kapitoli, li jirrappreżentaw oqsma ta' politika differenti. Il-laqgħat jistgħu jsiru jew fil-livell ministerjali jew tad-deputati.
Fid-19 ta' Lulju 2022, l-ewwel laqgħa tal-konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni fil-livell ministerjali fetħet in-negozjati tal-adeżjoni. Minn dakinhar 'l hawn, saru disa' laqgħat tal-konferenza dwar l-adeżjoni. S'issa, infetħu t-33 kapitoli kollha, li minnhom erbgħa ngħalqu proviżorjament.
L-aktar laqgħa reċenti tal-konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni saret fit-13 ta' Ottubru 2026. Matul il-laqgħa, il-partijiet għalqu proviżorjament in-negozjati dwar il-kapitolu 20 (politika tal-intrapriżi u l-industrija).
Fil-laqgħa preċedenti, li saret fl-14 ta' Lulju 2026, l-UE u l-Albanija għalqu proviżorjament in-negozjati dwar tliet kapitoli:
- il-kapitolu 25 (xjenza u riċerka)
- il-kapitolu 26 (edukazzjoni)
- il-kapitolu 30 (relazzjonijiet esterni)
Qabel dan, il-konferenza dwar l-adeżjoni li saret fis-26 ta' Mejju kienet ikkonfermat li l-Albanija kienet issodisfat il-parametri referenzjarji interim u stabbiliet parametri referenzjarji għall-għeluq għall-ġabra 1, il-ġabra tal-"elementi fundamentali", li tkopri l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-kriterji ekonomiċi.
Il-ġabriet kollha ta' negozjati mal-Albanija nfetħu f'konferenzi dwar l-adeżjoni fl-2024 u l-2025.
- L-Għaxar Konferenza mal-Albanija dwar l-Adeżjoni, 13 ta' Ottubru 2026
- Id-disa' konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni, 14 ta' Lulju 2026
- It-tmien konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni, 26 ta' Mejju 2026
- Is-seba' konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni, 17 ta' Novembru 2025
- Is-sitt konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni, 16 ta' Settembru 2025
- Il-ħames konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni, 22 ta' Mejju 2025
- Ir-raba' konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni, 14 ta' April 2025
- It-tielet konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni, 17 ta' Diċembru 2024
- It-tieni konferenza mal-Albanija dwar l-adeżjoni, 15 ta' Ottubru 2024
- Konferenza intergovernattiva fil-livell ministerjali dwar l-adeżjoni tal-Albanija, 19 ta' Lulju 2022
Proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni
Is-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent għandhom "ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni", li jistabbilixxi l-qafas ġenerali għar-relazzjoni tagħhom mal-UE. Dan jimxi b'mod parallel man-negozjati tal-adeżjoni mal-UE u jappoġġa dawn in-negozjati. Il-ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni tal-Albanija ġie ratifikat u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2009.
Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija
Sabiex jiġi rieżaminat il-progress tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Albanija taħt il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni, ir-rappreżentanti mill-UE u l-Albanija jiltaqgħu fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Albanija.
Minn Marzu 2023, kien hemm 12-il laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Albanija. Matul l-aħħar laqgħa, li saret fis-16 ta' Marzu 2023 f'Tirana, il-parteċipanti ddiskutew l-istrateġija ta' adeżjoni, inkluż kriterji politiċi, ekonomiċi u tal-liġi tal-UE għas-sħubija fl-UE, u eżaminaw mill-ġdid il-progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni.
Rieżami annwali tal-progress
Kull sena, il-Kunsill jevalwa l-progress li jkun sar f'kull wieħed mill-kandidati u s-sħab tal-UE, inkluż l-Albanija, fil-perkors Ewropew tagħhom.
Fis-16 ta' Diċembru 2025, il-presidenza Daniża tal-Kunsill ħarġet konklużjonijiet li kienu appoġġati politikament minn 26 stat membru tal-UE.
Kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri
Biex jimmaniġġaw il-flussi migratorji, jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali u jindirizzaw il-kriminalità transfruntiera, l-UE u l-Albanija għandhom ftehim dwar kooperazzjoni usa' dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). Il-ftehim jippermetti lill-Frontex u lill-Albanija jwettqu operazzjonijiet konġunti u lill-persunal tal-Frontex iwettaq verifiki fil-fruntieri u jirreġistra persuni.
Il-ftehim mal-Albanija daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2024.
Faċilità Ewropea għall-Paċi
Taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, strument bl-għan li jipprevjeni l-kunflitti u jsaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, l-UE adottat miżuri ta' assistenza biex tappoġġa l-forzi armati Albaniżi. Il-miżuri jgħinu wkoll biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Albanija li tipparteċipa f'operazzjonijiet ta' sigurtà u difiża tal-UE u jirriflettu l-allinjament sħiħ tal-Albanija mal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE. S'issa, l-Albanija rċeviet €49 miljun f'miżuri ta' assistenza taħt il-faċilità.
It-Task Force Medika tal-Balkani hija inizjattiva reġjonali li tlaqqa' flimkien lis-sħab tal-Balkani tal-Punent, inkluż l-Albanija, biex tipprovdi appoġġ mediku militari għall-operazzjonijiet internazzjonali. Il-Kunsill adotta żewġ miżuri ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jappoġġa t-task force, f'Ġunju 2022 u f'Ottubru 2026. Il-miżuri, li jammontaw għal €16-il miljun, isaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali u l-istat ta' tħejjija tagħha, inkluż il-kapaċità tagħha li tassisti liċ-ċivili f'każ ta' diżastri.
Faċilità Ewropea għall-Paċi
- Faċilità Ewropea għall-Paċi: il-Kunsill japprova €10 miljun għat-Task Force Medika tal-Balkani (stqarrija għall-istampa, 2 ta' Ottubru 2026)
- Faċilità Ewropea għall-Paċi: il-Kunsill jadotta t-tielet miżura ta' assistenza bilaterali b'appoġġ għall-Forzi Armati tal-Albanija (stqarrija għall-istampa, 22 ta' Mejju 2026)
- Faċilità Ewropea għall-Paċi: il-Kunsill jadotta miżura ta' assistenza b'appoġġ għat-Task Force Medika tal-Balkani (stqarrija għall-istampa, 10 ta' Ġunju 2022)
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Ottubru 2026