"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Riflessjoni politika dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea

  • 1 ta' Jannar

    Il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE ltaqgħu f’Ruma, l-Italja, fil-25 ta’ Marzu 2017, biex jiċċelebraw is-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma. Din kienet okkażjoni biex issir riflessjoni dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea u tingħata ħarsa lejn il-futur tal-proċess ta’ integrazzjoni.

    Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, adottata fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet, il-mexxejja stabbilixxew viżjoni konġunta għas-snin li ġejjin. Huma wiegħdu li jaħdmu għal:

    • Ewropa bla periklu u sigura: fejn iċ-ċittadini kollha jistgħu jiċċaqilqu liberament; bi fruntieri esterni siguri u politika effiċjenti dwar il-migrazzjoni
    • Ewropa prospera u sostenibbli: li tippromwovi tkabbir sostnut u sostenibbli b'suq uniku b'saħħtu
    • Ewropa soċjali: li tiġġieled il-qgħad, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-faqar
    • Ewropa aktar b'saħħitha fix-xena globali: li tiżviluppa sħubiji eżistenti u tibni sħubiji ġodda, impenjata biex issaħħaħ is-sigurtà u d-difiża komuni tagħha

    Id-Dikjarazzjoni ta' Ruma kkonkludiet il-proċess ta' riflessjoni politika li kien beda fi Bratislava fis-16 ta' Settembru 2016, wara r-riżultati tar-referendum tar-Renju Unit f'Ġunju 2016.

  • 2017

    25 ta' Marzu

    Is-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma

    Il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE ltaqgħu f’Ruma, l-Italja, fil-25 ta’ Marzu 2017, biex jiċċelebraw is-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma. Din kienet okkażjoni biex issir riflessjoni dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea u tingħata ħarsa lejn il-futur tal-proċess ta’ integrazzjoni.

    Fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet, il-mexxejja adottaw u ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li tistabbilixxi viżjoni konġunta għas-snin li ġejjin. “Aħna ngħaqadna għall-aħjar. L-Ewropa hija l-ġejjieni komuni tagħna,” qalu fid-Dikjarazzjoni.

    Il-mexxejja ddikjaraw li, filwaqt li huma konxji mit-tħassib taċ-ċittadini tal-UE, huma jimpenjaw ruħhom lejn l-Aġenda ta’ Ruma, u wiegħdu li jaħdmu għal:

    • Ewropa bla periklu u sigura
    • Ewropa għanja u sostenibbli
    • Ewropa soċjali
    • Ewropa aktar b’saħħitha fix-xena globali
  • 2017

    1 ta' Marzu

    Il-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa

    Id-dokument ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea qabel is-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma. Huwa jistabbilixxi ħames xenarji, kull wieħed joffri ħarsa lejn il-qagħda potenzjali tal-Unjoni sal-2025 skont l-għażliet li ser tagħmel l-Ewropa.

    Ix-xenarji jħarsu lejn kif l-Ewropa ser tinbidel fl-għaxar snin li ġejjin, mill-impatt ta' teknoloġiji ġodda fuq is-soċjetà u l-impjiegi, għad-dubji dwar il-globalizzazzjoni, it-tħassib dwar is-sigurtà u ż-żieda tal-populiżmu.

  • 2017

    31 ta' Jannar

    Summit informali tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE f'Malta

    Is-summit informali, ospitat mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat u ppresedut mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, kien opportunità biex is-27 mexxej iħejju għas-60 anniversarju li ġej tat-Trattati ta' Ruma fil-25 ta' Marzu 2017.

    Id-diskussjonijiet komplew fuq ir-riflessjoni politika dwar il-futur tal-UE b'27 stat membru, li nbdew immedjatament wara li r-Renju Unit ivvota biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Ġunju 2016 u li tkomplew fi Bratislava fis-16 ta’ Settembru 2016.

  • 2017

    31 ta' Jannar

    Ittra dwar il-futur tal-Ewropa

    "United we stand, divided we fall", qal Tusk qabel is-summit ta’ Malta.

    Fl-ittra tiegħu mibgħuta lis-27 kap ta’ stat jew ta’ gvern, il-President tal-Kunsill Ewropew identifika tliet theddidiet ewlenin, li qed jheddu l-istabbiltà tal-Ewropa. Dawn jinkludu:

    • sitwazzjoni ġeopolitika ġdida: Ċina dejjem aktar assertiva, il-politika aggressiva tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna u l-ġirien tagħha, gwerer, terrur u anarkija fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika (bl-Iżlam radikali jassumi rwol prinċipali) u "dikjarazzjonijiet li jqanqlu tħassib" mill-amministrazzjoni Amerikana l-ġdida, kollha jrendu l-futur tagħna ferm imprevedibbli
    • is-sitwazzjoni interna: żieda fis-sentiment nazzjonalist kulma jmur aktar ksenofobiku, fl-UE nnifisha
    • l-atteġġjament tal-elit pro-Ewropej: nuqqas ta’ fiduċja fl-integrazzjoni politika, sottomissjoni għal argumenti populisti u dubju fil-valuri fundamentali tad-demokrazija liberali

    Fl-ittra, il-President Donald Tusk appella lill-mexxejja biex jibqgħu magħqudin.

    "Irridu nagħmluha ċara daqs il-kristall li d-diżintegrazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma twassalx għar-restawr ta' xi sovranità mitika, sħiħa tal-istati membri tagħha, iżda għad-dipendenza reali u fattwali tagħhom fuq is-superpotenzi l-kbar: l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina. Huwa flimkien biss li nistgħu nkunu għalkollox indipendenti", qal Tusk.

  • 2016

    13 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jaqbel fuq il-pożizzjoni tan-negozjar dwar l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ

    Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) qabel dwar il-pożizzjoni tan-negozjar tal-Kunsill dwar proposta biex jiġu mmodernizzati l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE.

    Ir-regolament propost jemenda r-regolamenti attwali kontra d-dumping u kontra s-sussidji għal rispons aħjar għal prattiki kummerċjali inġusti. L-għan huwa li l-produtturi tal-UE jkunu protetti mid-dannu kkawżat minn kompetizzjoni inġusta, bl-iżgurar ta’ kummerċ ħieles u ġust.

  • 2016

    7 ta' Diċembru

    Ftehim dwar il-verifiki sistematiċi fil-fruntieri esterni

    Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) approva test ta' kompromess miftiehem mal-Parlament Ewropew dwar emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex jissaħħu l-kontrolli bl-użu ta' bażijiet tad-data fil-fruntieri esterni.

  • 2016

    7 ta' Diċembru

    L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tniedi riżerva ta’ reazzjoni rapida

    Ir-riżerva ta’ reazzjoni rapida hija magħmula minn 1 500 uffiċjal impenjat mill-UE stati membri u pajjiżi assoċjati ta’ Schengen. F’sitwazzjoni ta’ kriżi, huma jkunu għad-dispożizzjoni immedjata tal-Frontex, li tista’ timmobilizzahom fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol.

  • 2016

    6 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jaqbel dwar pożizzjoni ta’ negozjar għall-fond Ewropew għal investimenti strateġiċi

    Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar proposta li ttawwal il-ħajja tal-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi (FEIS), l-inizjattiva ewlenija tal-UE fil-'Pjan ta' Investiment għall-Ewropa' tagħha.

    Il-kompromess maqbul jinvolvi l-estensjoni tal-FEIS kemm fiż-żmien kif ukoll fil-kapaċità ta' finanzjament, bil-mobilizzazzjoni ta' mill-anqas nofs triljun euro f'investimenti sal-2020. Il-kompromess jintroduċi wkoll għadd ta' titjib operazzjonali li jieħu kont tat-tagħlimiet meħuda mill-ewwel sena ta' implimentazzjoni.

  • 2016

    6 ta' Diċembru

    Ġabra komuni ta' proposti biex tiġi implimentata d-dikjarazzjoni konġunta UE-NATO

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO, fejn japprova 40 proposta fis-seba' oqsma. Dawn il-proposti jiġu approvati fl-istess jum mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana.

  • 2016

    14 ta' Novembru

    Pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża

    Il-ministri tal-UE għall-affarijiet barranin u d-difiża jiddiskutu l-pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża skont l-istrateġija globali tal-UE. Jistabbilixxu l-livell ta' ambizzjoni u t-triq 'il quddiem dwar l-iżvilupp futur tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża.

  • 2016

    30 ta' Ottubru

    L-iffirmar tas-CETA

    Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, u l-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, iltaqgħu fi Brussell għas-16-il summit bejn l-UE u l-Kanada. Huma ffirmaw il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) u l-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika (SPA) bejn l-UE u l-Kanada u ħarġu dikjarazzjoni konġunta dwar is-sħubija bejn l-UE u l-Kanada.

    L-iffirmar tas-CETA, il-PM Trudeau u l-President Tusk, Brussell, 30 ta’ Ottubru
  • 2016

    20 ta' Ottubru

    Kunsill Ewropew, 20-21 ta' Ottubru 2016

    Il-mexxejja ħadu rendikont tas-sitwazzjoni attwali rigward il-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava. Il-Prim Ministru Fico informahom dwar ir-riżultati sa issa, inkluż ir-ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġi u t-tnedija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

    Il-Prim Ministru Slovakk Robert Fico ppreżenta s-segwitu għall-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava
  • 2016

    6 ta' Ottubru

    It-tnedija tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

    L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tnediet uffiċjalment fis-6 ta' Ottubru 2016. L-avveniment tat-tnedija sar fil-Punt ta’ Kontroll tal-Fruntiera Kapitan Andreevo, fil-fruntiera esterna Bulgara mat-Turkija.

    “Qed noħolqu realtà ġdida fil-fruntieri esterni tagħna. Dan huwa eżitu tanġibbli tal-impenn konġunt li ntlaħaq qbil dwaru fil-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava, kif ukoll wirja prattika ta’ għaqda bejn l-istati membri,” qal Robert Fico, Prim Ministru tas-Slovakkja u detentur tal-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill. “Ser jgħinna nerġgħu lura lejn Schengen,” huwa żied jgħid.

    L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ser tissorvelja mill-qrib il-fruntieri esterni tal-UE u ser taħdem flimkien mal-istati membri biex tiġi identifikata u indirizzata malajr kwalunkwe theddida potenzjali għas-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE.

  • 2016

    5 ta' Ottubru

    L-UE tirratifika l-Ftehim ta’ Pariġi

    Fil-5 ta’ Ottubru 2016, l-UE rratifikat uffiċjalment il-Ftehim ta’ Pariġi, li wassal ukoll għad-dħul fis-seħħ tiegħu. Ir-rappreżentanti tal-presidenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea ddepożitaw id-dokumenti uffiċjali għar-ratifika mas-Segretarju Ġenerali tan-NU.

    Il-ftehim jidħol fis-seħħ 30 jum wara li jkunu rratifikawh minn tal-inqas 55 pajjiż li jirrappreżentaw mill-inqas 55% tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Dan il-livell intlaħaq bir-ratifika mill-UE u 7 mill-istati membri tagħha.

    Id-dħul fis-seħħ ser ikun qabel il-bidu tal-Konferenza ta' Marrakech dwar it-tibdil fil-klima fis-7-18 ta’ Novembru 2016.

    Il-ftehim jidħol fis-seħħ 30 jum wara li jkunu rratifikawh minn tal-inqas 55 pajjiż li jirrappreżentaw mill-inqas 55% tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.
  • 2016

    16 ta' Settembru

    Is-summit ta’ Bratislava, 16 ta’ Settembru 2016

    Il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tas-27 iltaqgħu fi Bratislava biex jagħtu bidu għal riflessjoni politika dwar l-iżvilupp ulterjuri ta’ UE b’27 pajjiż membru.

    Il-mexxejja qablu dwar id-Dikjarazzjoni u l-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava, li jistabbilixxu l-objettivi għax-xhur li ġejjin.

    • ir-ristabbiliment ta' kontroll sħiħ tal-fruntieri esterni
    • l-iżgurar tas-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu
    • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà esterna u d-difiża
    • it-tisħiħ tas-suq uniku u l-offerta ta’ opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ Ewropej
  • 2016

    18 ta' Awwissu

    Konsultazzjonijiet qabel is-summit ta’ Bratislava

    F’Awwissu u Settembru 2016 il-President Tusk ikkonsulta lill-mexxejja kollha tal-UE qabel il-laqgħa ta’ Bratislava.

    “M’għandi l-ebda dubju li t-tliet sfidi ewlenin huma l-migrazzjoni irregolari mhux ikkontrollata, it-terroriżmu, u l-biża’ mill-globalizzazzjoni,” qal il-President Tusk qabel il-laqgħa tiegħu mal-Prim Ministru Żvediż Stefan Löfven fi Stokkolma. "L-ambizzjoni tiegħi hi li fi Bratislava nkunu nistgħu naqblu dwar il-prijoritajiet ewlenin u x’jeħtiġilna nagħmlu dwarhom fil-ftit xhur li ġejjin."

    Fit-8 ta' Settembru, il-President Tusk mar ukoll Londra biex jiskambja fehmiet mal-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May.

  • 2016

    29 ta' Ġunju

    Laqgħa informali tas-27 kap ta' stat jew ta' gvern tal-UE, 29 ta' Ġunju 2016

    Is-27 mexxej iltaqgħu informalment biex jiddiskutu t-triq 'il quddiem wara r-referendum fir-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016.

    Fid-dikjarazzjoni konġunta huma qalu li "Ninsabu determinati li nibqgħu magħqudin u naħdmu fl-ambitu tal-UE biex nindirizzaw l-isfidi tas-seklu 21 u nsibu soluzzjonijiet fl-interess tan-nazzjonijiet u l-popli tagħna.”

    Il-mexxejja qablu dwar il-prinċipji li ġejjin:

    • ma jista’ jkun hemm l-ebda negozjati mar-Renju Unit qabel in-notifika tal-Artikolu 50
    • fil-futur, ir-Renju Unit għandu jkun sieħeb mill-qrib tal-UE
    • il-ftehimiet ser ikollhom ikunu bbażati fuq bilanċ bejn drittijiet u obbligi
    • l-aċċess għas-suq uniku jirrikjedi li jiġu aċċettati l-erba' libertajiet kollha kemm huma

    Is-27 mexxej ser jerġgħu jiltaqgħu f'Settembru 2016 biex ikomplu t-taħditiet dwar il-futur tal-UE.