Kif l-UE tadotta u tirrieżamina s-sanzjonijiet
Id-deċiżjonijiet u r-regolamenti dwar is-sanzjonijiet jiġu adottati mill-Kunsill tal-UE b'unanimità. Is-sanzjonijiet tal-UE japplikaw fil-ġuriżdizzjoni tal-UE.
Adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill
Il-miżuri restrittivi jiġu stabbiliti b'deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK). Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) tressaq proposta.
Il-miżuri proposti mbagħad jiġu eżaminati u diskussi mill-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill:
- il-grupp ta' ħidma tal-Kunsill responsabbli għar-reġjun ġeografiku li għalih jappartjeni l-pajjiż fil-mira (pereżempju, il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali għall-Ukrajna jew il-Belarussja u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Maxreq/il-Magreb għas-Sirja)
- il-Grupp ta' Ħidma ta' Kunsillieri għar-Relazzjonijiet Barranin
- jekk meħtieġ, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà
- il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper II)
Id-deċiżjoni mbagħad tiġi adottata mill-Kunsill b'unanimità.
Jekk id-deċiżjoni tal-Kunsill tinkludi l-iffriżar ta' assi u/jew tipi oħra ta' sanzjonijiet ekonomiċi u/jew finanzjarji, dawk il-miżuri jeħtieġ li jiġu implimentati f'regolament tal-Kunsill.
-
1
L-Ewwel Pass
Ir-Rappreżentant Għoli jagħmel proposta
-
2
It-Tieni Pass
Il-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill jiddiskutu l-proposta
-
3
It-Tielet Pass
Il-Coreper II jaqbel dwar l-att legali
-
4
Ir-Raba' Pass
Il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni
-
5
Il-Ħames Pass
Id-deċiżjoni tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE
Adozzjoni ta' regolament tal-Kunsill
Abbażi tad-deċiżjoni tal-Kunsill PESK, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jippreżentaw proposta konġunta għal regolament tal-Kunsill.
Il-proposta konġunta tiġi eżaminata mill-Grupp ta' Ħidma ta' Kunsillieri għar-Relazzjonijiet Barranin (RELEX) u tintbagħat lill-Coreper II u lill-Kunsill għall-adozzjoni. Il-Kunsill imbagħad jgħarraf lill-Parlament Ewropew bl-adozzjoni tar-regolament tal-Kunsill.
Ir-regolament jistipula l-kamp ta' applikazzjoni preċiż tal-miżuri u d-dettalji għall-implimentazzjoni tagħhom. Bħala att legali ta' applikazzjoni ġenerali, ir-regolament jorbot lil kull persuna jew entità (operaturi ekonomiċi, awtoritajiet pubbliċi, eċċ.) fl-UE.
-
1
L-Ewwel Pass
Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea jagħmlu proposta
-
2
It-Tieni Pass
Il-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill jiddiskutu l-proposta
-
3
It-Tielet Pass
Il-Coreper II jaqbel dwar l-att legali
-
4
Ir-Raba' Pass
Il-Kunsill jadotta r-regolament
-
5
Il-Ħames Pass
Ir-regolament jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE
-
6
Is-Sitt Pass
Il-Kunsill jinforma lill-Parlament Ewropew
Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
Id-deċiżjoni tal-Kunsill tidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Id-deċiżjoni tal-Kunsill u r-regolament tal-Kunsill ġeneralment jiġu adottati flimkien u jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħhom. Dan jippermetti li ż-żewġ atti legali jipproduċu l-effetti tagħhom fl-istess ħin. Dan hu partikolarment rilevanti fil-każ ta' ffriżar tal-assi.
L-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE huma primarjament ir-responsabbiltà tal-istati membri tal-UE. Fir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-trattati, il-Kummissjoni Ewropea tissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE fl-istati membri kollha.
Is-sanzjonijiet tal-UE japplikaw fil-ġuriżdizzjoni tal-UE. L-obbligi li jimponu jorbtu liċ-ċittadini tal-UE fi kwalunkwe post, lil kumpaniji u organizzazzjonijiet inkorporati skont il-liġi ta' stat membru, abbord inġenji tal-ajru jew bastimenti taħt il-ġuriżdizzjoni tal-istati membri, kif ukoll lil kwalunkwe persuna jew entità fl-UE.
Bħala parti mil-liġi tal-UE, il-miżuri restrittivi tal-UE għandhom jiġu rrispettati wkoll mill-Kummissjoni Ewropea meta timplimenta l-baġit tal-UE.
Il-pajjiżi kandidati tal-UE, il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll il-membri tas-Sħubija tal-Lvant jiġu sistematikament mistiedna jallinjaw ruħhom mal-miżuri restrittivi tal-UE.
Proċedura ta' notifika
Persuni u entitajiet soġġetti għal iffriżar ta' assi jew restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar (persuni u entitajiet elenkati) jiġu nnotifikati bil-miżuri mittieħda kontrihom:
- individwalment b'ittra jekk l-indirizz tagħhom ikun disponibbli
- permezz ta' avviż ippubblikat mill-Kunsill fis-Serje "C" ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
Proċess ta' rieżami
Il-miżuri restrittivi kollha fis-seħħ jinżammu taħt eżami kontinwu biex ikun aċċertat li jibqgħu jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ddikjarati tagħhom.
Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti
Miżuri restrittivi adottati bħala implimentazzjoni ta' riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ma jkollhomx data ta' skadenza. Jiġu emendati jew jitneħħew minnufih, wara deċiżjoni min-NU li jkollha dak l-effett.
Sanzjonijiet imħallta
Dispożizzjonijiet tan-NU huma wkoll għal żmien indeterminat. Dispożizzjonijiet awtonomi tal-UE jiġu rieżaminati tal-inqas darba kull 12-il xahar.
Sanzjonijiet awtonomi tal-UE
Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jimponu miżuri restrittivi awtonomi tal-UE normalment japplikaw għal 12-il xahar, filwaqt li r-regolamenti korrispondenti tal-Kunsill ikunu għal żmien indeterminat.
Qabel ma jiddeċiedi li jestendi tali deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kunsill jerġa' jeżamina l-miżuri restrittivi. Skont kif tiżviluppa s-sitwazzjoni, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jemendahom, jestendihom jew jissospendihom.
Talba għat-tneħħija ta' miżuri restrittivi
Persuni u entitajiet elenkati jistgħu jressqu talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumenti ta' sostenn, li d-deċiżjoni biex ikunu fil-lista terġa' titqies. Din għandhom jibagħtuha fl-indirizz kif ġej:
Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Segretarjat Ġenerali
RELEX.1
Rue de la Loi/Wetstraat 175
1048 Bruxelles/Brussel
BELGIQUE/BELGIË
Kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jiġu applikati miżuri restrittivi
Il-persuni u l-entitajiet fil-lista jistgħu jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-artikolu 275 u r-raba' u s-sitt paragrafi tal-artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Ara wkoll
Tipi ta' sanzjonijiet li tadotta l-UE
Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet
Sanzjonijiet
L-aħħar reviżjoni: 12 ta' April 2024