Skip to content

Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni

L-iskop tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (MUR) huwa li jiżgura riżoluzzjoni ordnata tal-banek li jkunu qed ifallu bi spejjeż minimi għall-kontribwenti u għall-ekonomija reali.

Kamp ta’ applikazzjoni

Meta r-regoli kollha tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni jidħlu fis-seħħ, huma ser japplikaw għall-banek fl-istati membri taż-żona tal-euro u f'dawk il-pajjiżi tal-UE li jagħżlu li jingħaqdu mal-unjoni bankarja.

Struttura

Element ewlieni tal-unjoni bankarja tal-Ewropa, il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, jikkonsisti fi:

  1. Awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-UE - il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni
  2. Fond komuni ta' riżoluzzjoni, iffinanzjat mis-settur bankarju

Għanijiet ewlenin

  • isaħħaħ il-fiduċja fis-settur bankarju
  • jipprevjeni assalti bankarji u kontaġju
  • jimminimizza r-relazzjoni negattiva bejn il-banek u l-gvernijiet
  • jelimina l-frammentazzjoni fis-suq intern għas-servizzi finanzjarji
Infografika - Kif jaħdem il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni
Kif jaħdem il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (Infografika)

Kif jaħdem il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (Infografika)

1. Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

Il-korp ewlieni tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, il-Bord:

  • jiddeċiedi dwar skemi ta' riżoluzzjoni għall-banek li jkunu qed ifallu (li jinkludu l-applikazzjoni ta' għodod ta' riżoluzzjoni u l-użu tal-fond uniku ta' riżoluzzjoni)
  • huwa responsabbli b'mod dirett għall-fażijiet tal-ippjanar u tar-riżoluzzjoni tal-banek transkonfinali u kbar tal-unjoni bankarja, li huma taħt is-superviżjoni diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew
  • huwa responsabbli għall-każijiet kollha ta' riżoluzzjoni, irrispettivament mid-daqs tal-bank, jekk ir-riżoluzzjoni titlob li jintuża l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni
  • iġorr ir-responsabbiltà finali għall-banek kollha fl-unjoni bankarja u għalhekk jista' jiddeċiedi f'kull ħin li jeżerċita s-setgħat tiegħu fir-rigward ta' kwalunkwe bank

Għamla tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

Il-Bord jiltaqa' jew fis-sessjoni eżekuttiva jew f'dik plenarja.

Sessjoni eżekuttiva tal-BordSessjoni plenarja tal-Bord
Membri bi drittijiet tal-vot
  • president eżekuttiv
  • 4 membri full-time
  • rappreżentant mill-istati membri fejn jinsab il-bank f'diffikultà u l-fergħat jew is-sussidjarji tiegħu
Membri bi drittijiet tal-vot
  • president eżekuttiv
  • 4 membri full-time
  • rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni (1 minn kull stat membru li jipparteċipa fl-unjoni bankarja)
Osservaturi
  • permanenti: rappreżentant wieħed mill-BĊE u rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni
  • osservaturi mistiedna ad hoc
Osservaturi
  • permanenti: rappreżentant wieħed mill-BĊE u rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni
  • osservaturi mistiedna ad hoc

Il-Kunsill ħatar il-president, il-viċi president u l-membri full-time tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni f'Diċembru 2014.

Il-mandat tal-ewwel president maħtur wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament MUR huwa ta' tliet snin, li jiġġedded darba għal perjodu ta' ħames snin. Il-mandat tal-viċi president u tal-erba' membri full-time l-oħra huwa ta' ħames snin.

Teħid ta' deċiżjonijiet mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

Is-sessjoni eżekuttiva tħejji d-deċiżjonijiet kollha ta' riżoluzzjoni. Tadotta dawk id-deċiżjonijiet bl-aktar mod sħiħ possibbli għal dawk il-banek li l-bord huwa responsabbli direttament għalihom.

Is-sessjoni plenarja tieħu deċiżjonijiet ta' natura aktar ġenerali:

  • deċiżjonijiet dwar ir-regoli ta' proċedura
  • dwar il-baġit annwali tal-bord
  • dwar investimenti u kwistjonijiet ta' persunal

Tieħu wkoll deċiżjonijiet relatati mal-użu tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni 'l fuq minn ċerti limiti.

Tawtorizza lill-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni biex jissellef u jiġbor kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post.

2. Il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (FUR)

Il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni huwa fond stabbilit fil-livell sovranazzjonali.

Ser jintuża għar-riżoluzzjoni ta' banek li jkunu ser ifallu, wara li jkunu ġew eżawsti alternattivi oħrajn, bħall-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna.

Il-fond ser jiġi ffinanzjatb'kontribuzzjonijiet mis-settur bankarju.

Il-FUR ser jiġi stabbilit fuq perjodu ta' tmien snin. Huwa għandu jilħaq tal-inqas 1% tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati fl-istati membri kollha tal-unjoni bankarja. L-ammont stmat tiegħu ser ikun ta' madwar €55 biljun.

Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull bank ser tkun ikkalkulata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tiegħu (minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti) fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti) tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati fl-istati membri parteċipanti. Il-kontribuzzjonijiet ser jiġu aġġustati proporzjonalment mar-riskji li tieħu kull istituzzjoni.

Kif jaħdem il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni

Il-kontribuzzjonijiet tal-banek li jinġabru fil-livell nazzjonali ser jiġu ttrasferiti fil-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni.

Prekondizzjoni tal-aċċess għall-Fond hija l-applikazzjoni tar-regoli u l-prinċipji tar-rikapitalizzazzjoni interna stabbiliti fid-direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek u fir-regolament dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni.

Dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-unjoni bankarja jiġi osservat: l-ispiża tal-fallimenti tal-banek għandha ġġarrabha l-industrija finanzjarja u mhux dawk li jħallsu t-taxxi.

Il-perjodu ta' 8 snin ta' transizzjoni

Fil-bidu l-Fond ser ikun magħmul minn 'kompartimenti nazzjonali'. Dawn ser jingħaqdu gradwalment matul fażi transizzjonali ta' 8 snin. Din il-'mutwalizzazzjoni' tal-użu ta' fondi mħallsa ser tibda b'40% fl-ewwel sena u 20% fit-tieni sena, u wara ser tiżdied b'mod kontinwu b'ammonti ugwali matul is-6 snin li jifdal sakemm il-kompartimenti nazzjonali ma jibqgħux jeżistu.

It-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni ta' fondi hija prevista fi ftehim intergovernattiv separat bejn l-istati membri li jingħaqdu mal-unjoni bankarja. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Kunsill biex tingħata ċertezza legali massima, minħabba t-tħassib legali u kostituzzjonali f'ċerti stati membri.

26 stat membru (il-pajjiżi kollha tal-UE, ħlief l-Iżvezja u r-Renju Unit) iffirmaw il-ftehim fil-21 ta' Mejju 2014. F'dikjarazzjoni separata l-firmatarji urew l-intenzjoni tagħhom li jlestu l-proċess ta' ratifika fil-ħin sabiex il-MUR ikun jista' jibda jaħdem mill-1 ta' Jannar 2016.

Sat-30 ta' Novembru 2015, numru suffiċjenti ta' Stati Membri rratifikaw ftehim intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-FUR. Il-ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-istrumenti ta' ratifika jkunu ġew depożitati mill-firmatarji parteċipanti fl-unjoni bankarja li jirrappreżentaw tal-inqas 90% tal-aggregat tal-voti ppeżati tal-parteċipanti kollha.

L-istati membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li ffirmaw il-ftehim ser ikollhom josservaw id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnu, biss meta jkunu ngħaqdu mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni.

Arranġamenti addizzjonali ta' finanzjament

F'Diċembru 2013, il-ministri għall-finanzi tal-UE adottaw dikjarazzjoni li tispeċifika li matul il-fażi inizjali tal-evoluzzjoni tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, ser ikun disponibbli finanzjament interim minn sorsi nazzjonali, appoġġat minn imposti bankarji, jew mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà f'konformità mal-proċeduri eżistenti.

Dan huwa neċessarju biex ikunu żgurati biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni matul il-perjodu transitorju.

F'Diċembru 2015 l-istati membri parteċipanti fl-unjoni bankarja qablu li jintroduċu sistema ta' arranġamenti għal finanzjament interim: mill-2016 kull stat membru parteċipanti ser jidħol fi ftehim armonizzat dwar faċilità ta' self mal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, li tipprovdi linja ta' kreditu nazzjonali individwali lill-Bord biex jiggarantixxi l-kompartiment nazzjonali proprju fil-fond uniku ta' riżoluzzjoni. Dan huwa neċessarju biex ikun żgurat li l-Fond jiffunzjona sew f'każ ta' nuqqasijiet possibbli fil-finanzjament wara r-riżoluzzjoni tal-banek fi stat membru kkonċernat.

L-ammont aggregat massimu miftiehem tal-linji ta’ kreditu ta’ stati membri fiż-żona tal-euro hu ffissat għal 55 biljun.

Il-linji ta' kreditu nazzjonali għandhom jintużaw jekk ma jkunx hemm għażla oħra, ladarba jkunu eżawriti sorsi oħra ta' finanzjament disponibbli taħt ir-regoli tal-unjoni bankarja.

Is-sistema ta' linji ta' kreditu nazzjonali għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-kontribwenti u mhux ser ikollha impatt sinifikanti fuq il-finanzi tal-Istati Membri fuq terminu medju, għax l-ammonti miġbuda taħt il-linji ta' kreditu jkunu jridu jitħallsu lura mis-settur bankarju ta' kull pajjiż.

Is-sistema ser tiżgura wkoll drittijiet u obbligi ugwali għall-istati membri parteċipanti kollha u mhux ser tinvolvi xi spejjeż għall-pajjiżi li mhumiex jipparteċipaw fl-unjoni bankarja.

Ser ikunu wkoll possibbli trasferimenti temporanji bejn il-kompartimenti nazzjonali.

Matul il-fażi transitorja ser jiġi żviluppat pjan ta' kontinġenza komuni. Huwa ser jiffaċilita s-self mill-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni u fl-aħħar mill-aħħar ser jiġi rimborżat minn kontribuzzjonijiet mis-settur bankarju.

Infografika - Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni
Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (Infografika)

Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (Infografika)

Kif jaħdem il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni

Il-mekkaniżmu jikkonsisti fil-passi li ġejjin:

1. Il-Bank Ċentrali Ewropew, l-awtorità superviżorja, jinnotifika lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni li bank qed ifalli jew li x'aktarx ser ifalli.

Deċiżjoni bħal din tista' tittieħed ukoll mis-sessjoni eżekuttiva tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fuq inizjattiva proprja, jekk, wara li jkun ġie infurmat, il-BĊE ma jirreaġixxix fi żmien 3 ijiem.

2. Is-sessjoni eżekuttiva tiddeċiedi jekk hijiex possibbli soluzzjoni privata u jekk ir-riżoluzzjoni hijiex meħtieġa fl-interess pubbliku.

3. Jekk il-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ma jintlaħqux, il-bank jiġi stralċat f'konformità mal-liġi nazzjonali.

4. Jekk il-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jintlaħqu, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jadotta skema ta' riżoluzzjoni. L-iskema tiddetermina l-għodod ta' riżoluzzjoni u l-użu tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni. Il-Bord jibgħat l-iskema ta' riżoluzzjoni lill-Kummissjoni immedjatament wara li jadottaha.

5. L-iskema tidħol fis-seħħ fi żmien 24 siegħa wara l-approvazzjoni tagħha mill-Bord. Matul dan iż-żmien, il-Kummissjoni tista' tadotta l-iskema jew:

  • toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonarji tal-iskema ta' riżoluzzjoni adottata mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni
  • tipproponi lill-Kunsill biex joġġezzjona għall-iskema minħabba li r-riżoluzzjoni ma tkunx neċessarja fl-interess pubbliku. F’każ bħal dan il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza sempliċi
  • tipproponi lill-Kunsill sabiex japprova modifika materjali tal-ammont tal-Fond prevista fl-iskema ta' riżoluzzjoni jew joġġezzjona għaliha (bidla ta' 5% jew aktar fl-ammont tal-fond proposta mill-Bord hija meqjusa bħala materjali)

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tipproponi li l-Kunsill joġġezzjona, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan fi żmien 12-il siegħa minn meta l-bord japprova l-iskema ta' riżoluzzjoni, biex b'hekk il-Kunsill ikun jista' jieħu deċiżjoni fi żmien it-12-il siegħa li jmiss.

Jekk il-Kunsill joġġezzjona għat-tqegħid ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, dik l-istituzzjoni tiġi stralċjata skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

6. Il-Bord imbagħad jiżgura li l-azzjoni neċessarja ta' riżoluzzjoni tittieħed mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti.

Atturi oħra fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni

Kunsill tal-UE

  • jaħtar il-membri tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni
  • jiddetermina kif il-kontribuzzjonijiet ex-ante għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni għandhom isiru mis-settur bankarju (billi jiġi adottat att ta' implimentazzjoni)
  • f'ċerti każijiet, jista' joġġezzjona għal skema partikolari ta' riżoluzzjoni

Kummissjoni Ewropea

Biex tkun konformi mal-ġurisprudenza tal-UE, istituzzjoni tal-UE għandha tapprova l-iskema ta' riżoluzzjoni adottata mill-Bord.

Fil-prattika dan ifisser li l-Kummissjoni Ewropea għandha r-responsabbiltà li tapprova l-iskema ta' riżoluzzjoni, jew li toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonarji tal-iskemi ta' riżoluzzjoni adottati mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni.

Il-Kummissjoni tista' wkoll tipproponi li l-Kunsill joġġezzjona għall-iskema ta' riżoluzzjoni f'każijiet meta l-kriterju tal-interess pubbliku ma jintlaħaqx jew meta jkun hemm modifika materjali għall-ammont li għandu jintuża mill-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni.

Bank Ċentrali Ewropew

Bħala superviżur tal-banek li jappartjenu għall-unjoni bankarja, huwa jinnotifika lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jekk bank ikun qed ifalli jew x'aktarx ikun ser ifalli.

Awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni

L-awtoritajiet nazzjonali tal-istati membri parteċipanti huma responsabbli għall-ippjanar u l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' dawk il-banek li l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni mhuwiex responsabbli direttament għalihom.

Barra minn hekk, huma jimplimentaw id-deċiżjonijiet kollha indirizzati lilhom f'konformità mal-istruzzjonijiet tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni.

Jekk awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni tonqos milli tkun konformi ma' deċiżjoni tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, il-Bord għandu s-setgħa li jindirizza ordnijiet eżekuttivi direttament lill-bank f'diffikultà.

Għalfejn Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni?

Il-ġabra unika ta' regoli armonizzat sa ċertu punt il-liġi nazzjonali tal-istati membri u tipprevedi għodod u setgħat komuni ta' riżoluzzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, hija tippermetti wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom grad ta' diskrezzjoni dwar kif dawn l-għodod għandhom jiġu applikati u dwar kif l-arranġamenti ta' finanzjament nazzjonali għandhom jintużaw għall-proċeduri ta' riżoluzzjoni.

Għalhekk tfassal il-MUR biex jiżgura approċċ komuni għal meta jiġu indirizzati banek li jkunu qed ifallu u b'hekk tiżdied l-istabbiltà tas-settur finanzjarju fl-istati membri parteċipanti.

Barra minn hekk, huwa mfassal biex jipprevjeni milli jkun hemm riperkussjonijiet tal-kriżijiet fi stati membri mhux parteċipanti, u b'hekk jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern.

Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni kien ukoll meħtieġ biex jiġi eliminat ir-riskju li jittieħdu deċiżjonijiet separati u potenzjalment inkonsistenti mill-istati membri għar-riżoluzzjoni ta' gruppi bankarji transkonfinali li jistgħu jaffettwaw l-ispejjeż globali tar-riżoluzzjoni.

Il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni hu mfassal biex jipprevjeni li l-banek ikunu jiddependu fuq appoġġ minn baġits nazzjonali u minn approċċi differenti tal-istati membri rigward l-użu ta' arranġamenti finanzjarji. Dan ser jgħin ukoll biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn ir-riżoluzzjoni tal-bank fil-livell nazzjonali jkollha impatt sproporzjonat fuq l-ekonomija reali.

Finalment, is-sistema sovranazzjonali ta' riżoluzzjoni kienet meħtieġa biex tikkomplementa s-sistema superviżjorja fil-livell tal-UE - il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Dan jgħin biex jiġu evitati tensjonijiet possibbli bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni.

L-għan tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni huwa għalhekk li tissaħħaħ il-fiduċja fis-settur bankarju, jiġu evitati assalti bankarji u kontaġju, tiġi mminimizzata r-relazzjoni negattiva bejn il-banek u l-gvernijiet u tiġi eliminata l-frammentazzjoni tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji.

Dħul fis-seħħ

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tħejjija tal-ippjanar ta' riżoluzzjoni, il-ġbir ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni ser japplikaw mill-1 ta' Jannar 2015.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-ippjanar ta' riżoluzzjoni, l-intervent bikri, l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni u l-istrumenti ta' riżoluzzjoni, inkluż ir-rikapitalizzazzjoni interna tal-azzjonisti u l-kredituri, japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016.

Il-ftehim intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni ta' kontribuzzjonijiet għall-fond uniku ta' riżoluzzjoni jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-istrumenti ta’ ratifika jkunu ġew depożitati mill-firmatarji parteċipanti fil-MSU/MUR li jirrappreżentaw 90% tal-aggregat tal-voti ppeżati tal-istati membri parteċipanti kollha.