"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Spjegazzjoni tal-ekonomija ċirkolari

Ir-riżorsi tad-Dinja mhumiex infiniti. L-ekonomija ċirkolari tagħmel l-użu ta' prodotti u materjali aktar sostenibbli u toffri lill-UE opportunità biex issir aktar kompetittiva.

X'inhi l-ekonomija ċirkolari?

L-ekonomija ċirkolari hija sistema fejn il-prodotti u l-materjali jiġu kondiviżi, mikrijin, użati mill-ġdid, imsewwijin, rinnovati u riċiklati minflok jintremew. Dan jagħtihom ċiklu tal-ħajja itwal, u jnaqqas kemm l-iskart kif ukoll il-ħtieġa li jiġu prodotti oġġetti ġodda.

Bħalissa, l-ekonomija tad-dinja hija bbażata fuq mudell fil-biċċa l-kbira lineari fejn l-oġġetti jintużaw għal żmien qasir u mbagħad jintremew. Dan jirriżulta fi pressjoni għolja fuq in-natura u r-riżorsi tagħha, flimkien ma' livelli dejjem akbar ta' skart u tniġġis.

Ekonomija ċirkolari

  • tnaqqas l-iskart, l-użu tar-riżorsi u t-tniġġis
  • tnaqqas l-impronta tal-konsum u l-emissjonijiet tagħna
  • toħloq impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda
  • tagħmel l-Ewropa aktar kompetittiva globalment

Ekonomija lineari

  • hi msejsa fuq il-mudell "ħu-agħmel-uża-armi"
  • tagħmel pressjoni fuq ir-riżorsi naturali
  • toħloq l-iskart u tniġġes l-ambjent
  • iżżid il-ħtieġa għal materja prima, u b'hekk tagħmel l-UE aktar dipendenti fuq l-importazzjonijiet

Il-ħtieġa għal ekonomija ċirkolari

Bit-tendenzi attwali ta' produzzjoni u konsum tal-lum u popolazzjoni dinjija li qed tikber, sal-2050 ser ikun hemm bżonn tliet pjaneti daqs id-Dinja.

Il-bidla lejn ekonomija ċirkolari tfisser tnaqqis fil-produzzjoni ta' oġġetti u materjali, li mbagħad ser iwassal għal emissjonijiet aktar baxxi ta' CO2 u sustanzi niġġiesa oħra, kif ukoll tnaqqis fl-użu tar-riżorsi limitati tad-Dinja.

L-ekonomija ċirkolari toħloq benefiċċji għal:

  • l-ambjent, billi tipproteġih aħjar
  • l-ekonomija, billi tnaqqas id-dipendenza fuq il-materja prima
  • is-soċjetà, billi toffri opportunitajiet ġodda għan-negozju u għal impjiegi
Tliet pjaneti f'ringiela: l-ewwel waħda blu, it-tnejn l-oħra bit-tikek.

L-ekonomija ċirkolari fl-UE

Illum, il-perċentwal tal-materjali użati fl-UE li jiġu minn materjali riċiklati bilkemm jilħaq l-10%. Ir-rata tal-użu ta' materjal ċirkolari kienet ta' 11.8% fl-2023 – żieda ħafifa ta' 1.1 punt perċentwali meta mqabbla mal-2010.

Fir-rigward tal-konsum tal-materja prima, kien hemm tnaqqis bil-mod f'dawn l-aħħar 15-il sena f'termini ta' konsum per capita. Id-data turi li 14.1 tunnellata ta' materja prima ġew ikkunsmati għal kull persuna fl-UE fl-2023, meta mqabbla ma' 16.3 tunnellata fl-2009 (Eurostat, 2023).

Fl-UE jiġu prodotti aktar minn 185 kg ta' skart mill-imballaġġ għal kull persuna (Eurostat, 2025), filwaqt li b'mod ġenerali 38% biss tal-iskart jiġi riċiklat u jista' jerġa' jintuża biex jiġu prodotti oġġetti ġodda.

L-UE kif qed timxi lejn ekonomija ċirkolari?

L-għan tal-UE huwa li tistabbilixxi ekonomija ċirkolari u b'impatt newtrali fuq il-klima sal-2050, u li tirdoppja l-użu ta' materjal riċiklat bejn l-2020 u l-2030.

L-UE nediet sensiela ta' inizjattivi ta' politika biex timxi lejn dak l-għan.

Dawn jinkludu l-pjan ta' azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari, id-direttiva dwar l-ekodisinn u d-direttiva dwar id-"dritt għat-tiswija".

Ara wkoll

Ekonomija ċirkolari

Barkun mgħobbi żżejjed bl-iskart jidher fuq ringiela boroż taż-żibel u laned tar-roti, bi vleġeġ 'l isfel li jissuġġerixxu tnaqqis fl-iskart.

L-iskart

Kontenitur mimli b'diversi fliexken u imballaġġ tal-plastik, b'simboli tar-riċiklaġġ għall-plastik innumerati minn 1 sa 7 fuqhom.

Plastik

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025