Plastik
It-trattament tal-iskart tal-plastik huwa kruċjali sabiex l-UE tnaqqas it-tniġġis u tħares l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Il-miżuri tal-UE għandhom l-għan li jiżviluppaw ekonomija ċirkolari tal-plastik.
Għalfejn it-tnaqqis tat-tniġġis mill-plastik huwa vitali
Il-plastik għandu rwol importanti fl-ekonomija, fl-industriji u fil-ħajja ta' kuljum tagħna. Il-materjali tal-plastik jintużaw fis-setturi ekonomiċi kollha u f'kull tip ta' prodotti u oġġetti.
Madankollu, il-plastik ġeneralment ma jkunx bijodegradabbli. Id-dekompożizzjoni ta' biċċa plastik tista' tieħu sa 500 sena. Oġġetti tal-plastik mormija sikwit jinqasmu f'mikroplastiċi, li huma diffiċli biex jitneħħew min-natura u hemm ir-riskju li dawn jispiċċaw fil-katina alimentari tagħna permezz tal-ilma jew l-annimali.
It-tnaqqis tal-ammont ta' plastik u mikroplastiks imxerrda fin-natura u l-iżgurar tat-tnaqqis u l-ġestjoni korretta tal-iskart tal-plastik huma għalhekk vitali biex jitħarsu l-ambjent u saħħet in-nies.
It-trattament tal-plastik b'mod sostenibbli huwa essenzjali għat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija ċirkolari u newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju.
L-għanijiet tal-UE biex tindirizza l-plastik
Strateġija Ewropea għall-plastik
Fl-2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari, biex tippromwovi l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-plastik u tal-prodotti tal-plastik.
L-istrateġija stabbiliet il-pedamenti għat-tnaqqis tat-tniġġis mill-plastik u tikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-2030 u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi.
Pjan ta' azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari
L-objettivi tal-istrateġija għall-plastik ġew żviluppati aktar fil-pjan ta' azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari ppreżentat mill-Kummissjoni fl-2020. Il-pjan kien jinkludi miżuri għat-tnaqqis tal-iskart għall-prodotti bħall-imballaġġ, u rekwiżiti obbligatorji għall-kontenut riċiklat.
Pjan ta' azzjoni ta' tniġġis żero
F'Mejju 2021, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' azzjoni ta' tniġġis żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija. L-għan ewlieni tal-pjan huwa li l-prevenzjoni tat-tniġġis tiġi inkluża fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, filwaqt li jiġi aċċellerat it-tnaqqis tal-plastik u ta' sustanzi niġġiesa oħra fin-natura.
It-tnaqqis tal-ammont ta' plastik fuq l-art u fil-baħar huma tnejn mill-miri għall-2050 ippreżentati fil-pjan ta' azzjoni.
Trattat globali dwar il-plastik
L-UE tappoġġa ftehim globali dwar il-plastik fil-qafas internazzjonali. L-għan tal-ftehim huwa li jitnaqqas it-tniġġis mill-plastik u li tiġi appoġġata bidla lejn ekonomija ċirkolari fil-livell globali.
In-negozjati biex jiġi konkluż ftehim bħal dan bdew fl-2022 iżda s'issa ma ntlaħaq l-ebda qbil.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-plastik
Projbizzjoni fuq il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss
F'Mejju 2019, il-Kunsill adotta direttiva biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik. Id-direttiva introduċiet regoli ġodda għal ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.
Ir-regoli jinkludu projbizzjoni fuq l-użu ta' prodotti speċifiċi li jintremew tal-plastik li jeżistu alternattivi għalihom. Id-direttiva introduċiet ukoll miżuri speċjali biex jitnaqqas l-użu tal-prodotti tal-plastik li jintremew l-aktar ta' spiss. Skont ir-regoli l-ġodda, il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li ġejjin ġew ipprojbiti mill-2021:
- platti
- pożati
- straws
- stikek tat-tajjar
- prodotti magħmula minn plastik ossodegradabbli
- kontenituri tal-ikel u x-xorb magħmula minn polistiren espandut
L-istati membri qablu wkoll li l-fliexken tal-plastik għandhom ikunu magħmula minn mhux inqas minn 25% ta' materjal riċiklat sal-2025 u 30% sal-2030.
Użu mill-ġdid u riċiklaġġ imtejjeb tal-imballaġġ tal-plastik
F'Diċembru 2024, l-UE adottat regolament ġdid dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ.
Ir-regoli, li bdew japplikaw fit-12 ta' Awwissu 2026, jinkludu restrizzjonijiet fuq l-imballaġġ tal-plastik li jintuża darba biss ta' ċerti porzjonijiet tal-ikel ippakkjati minn qabel u individwali, u fuq prodotti li jintużaw darba biss fis-settur tal-ospitalità.
Il-prevenzjoni tar-rilaxx ta' pellets tal-plastik
Il-pellets tal-plastik huma wieħed mill-akbar sorsi ta' tniġġis mhux intenzjonat mill-mikroplastik. Eluf ta' tunnellati ta' pellets jistgħu jiġu rilaxxati fl-ambjent kull sena minħabba telf matul il-produzzjoni, l-immaniġġar u t-trasport.
Biex tindirizza dan it-tniġġis, l-UE adottat regoli ġodda fl-2025 biex tipprevjeni t-telf tal-pellets tal-plastik tul il-katina tal-provvista kollha, inkluż matul it-trasport marittimu.
Ir-regoli jitolbu li l-kumpaniji li jimmaniġġaw il-pellets tal-plastik jieħdu miżuri biex jipprevjenu t-tixrid u t-telf u jnaddfuhom meta jseħħu. Skont l-ammont ta' pellets immaniġġati, il-kumpaniji jista' jkollhom bżonn ukoll jiksbu ċertifikazzjoni indipendenti jew jipprovdu dikjarazzjoni ta' konformità.
Japplikaw rekwiżiti speċifiċi għat-trasport ta' pellets tal-plastik bil-baħar, fosthom regoli dwar l-imballaġġ u informazzjoni dwar it-trasport.
Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jnaqqsu konsiderevolment it-telf ta' pellets tal-plastik u jikkontribwixxu għall-għan tal-UE li tnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik.
Ir-regolament daħal fis-seħħ f'Diċembru 2025. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu ser japplikaw minn Diċembru 2027, u jagħtu lin-negozji żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.
- Pellets tal-plastik: il-Kunsill japprova regolament biex jitnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik (stqarrija għall-istampa, 22 ta' Settembru 2025)
- Pellets tal-plastik: il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar regoli ġodda biex jitnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik (stqarrija għall-istampa, 8 ta' April 2026)
Regolamentazzjoni tal-kummerċ tal-iskart
Kull sena jiġu ġġenerati miljuni ta' tunnellati ta' skart fl-Ewropa.
Il-plastik jifforma parti sostanzjali tal-iskart li niġġeneraw u l-iskart tal-plastik huwa kemm importat kif ukoll esportat mill-UE.
Fl-2024, l-UE aġġornat ir-regoli tagħha sabiex tirregola aħjar il-kummerċ tal-iskart fi ħdan l-UE u ma' pajjiżi mhux tal-UE, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pjan ta' azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari.
Regoli ġodda u aktar stretti ġew introdotti ukoll għall-esportazzjoni tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi mhux tal-UE.
Ara wkoll
L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Awwissu 2026