- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 20 ta' Lulju 2015 12:15
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
1. L-UE tilqa’ l-ħidma mwettqa f’dawn l-aħħar xhur mill-awtoritajiet ta’ tranżizzjoni Ċentru-Afrikani, li permezz tagħha sar progress deċiżiv fuq il-livell politiku, u b’mod partikolari l-forum ta’ Bangui, pass kruċjali lejn ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali. Dawn l-isforzi jridu jkomplu, fi spirtu inklużiv u responsabbli, biex iwasslu t-tranżizzjoni fi tmiemha. Il-komunità internazzjonali għadha lesta li tgħin lir-RĊA toħroġ mill-kriżi. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jilqa' l-organizzazzjoni tal-konferenza internazzjonali ta’ livell għoli li saret fi Brussell fis-26 ta’ Mejju bis-sehem tal-president tat-tranżizzjoni, Catherine Samba Panza. Dan l-avveniment kien opportunità importanti li tikkonferma l-approċċ ġenerali tal-UE fir-RĊA u ppromwova l-użu ta’ riżorsi addizzjonali għall-Fond Fiduċjarju Bêkou u l-għajnuna umanitarja. L-UE tilqa’ wkoll l-impenn politiku pożittiv tar-reġjun - l-ECCAS u l-UA - biex jappoġġaw il-gvern ta’ tranżizzjoni.
2. L-UE tagħraf is-sehem tat-truppi internazzjonali kollha preżenti fuq il-post, il-ħaddiema għaż-żamma tal-paċi ta' MINUSCA u t-truppi Franċiżi tal-operazzjoni Sangaris, biex jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tar-RĊA. Il-ħidma mibdija mill-missjoni EUMAM RCA għandha tikkontribwixxi għat-tnedija tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, essenzjali għall-irkupru tal-pajjiż. Din il-ħidma għandha tkompli, f’koordinazzjoni mal-azzjonijiet l-oħra tal-komunità internazzjonali.
3. It-tħejjija tal-elezzjonijiet imxiet 'il quddiem f’dawn l-aħħar ġimgħat. L-UE tilqa’ l-pubblikazzjoni tal-kalendarju elettorali rivedut u l-ewwel operazzjonijiet fejn jinkitbu l-votanti. L-UE tħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċentru-Afrikani biex jaħdmu aktar fuq din il-prijorità, biex ikunu jistgħu jiġu organizzati, fid-dati miftiehma, elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u miftuħin għal kulħadd, inklużi persuni spustati jew refuġjati fil-pajjiżi ġirien, u b’attenzjoni speċjali għan-nisa. Il-Forum ta’ Bangui ħoloq spirtu ta' inklużività li għandu jinżamm. L-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju sostanzjali lill-proċess elettorali. Sabiex ma jiddgħajjifx dan il-proċess, u meta jitqies li l-finanzjament għadu mhux biżżejjed, l-UE tappella għal ġestjoni rigoruża tal-ispejjeż u għall-mobilizzazzjoni ta' kull donatur potenzjali. Lil hinn mill-appoġġ finanzjarju, l-UE ttenni li tinsab lesta li tkompli tappoġġa l-proċess elettorali, inkluż fil-qasam tal-osservazzjoni elettorali.
4. Il-proċess ta' Diżarm - Demobilizzazzjoni - Reintegrazzjoni (DDR) għandu malajr joħloq kultura b'saħħitha ta' diżarm skont il-ftehim iffirmat fl-10 ta’ Mejju 2015 u rratifikat mill-biċċa kbira tal-gruppi armati. L-UE ser tkun tista' taħdem mal-MINUSCA li tappoġġa lill-awtoritajiet Ċentru-Afrikani f’dan il-qasam, partikolarment permezz ta’ miżuri għal diżarm volontarju. F’dan il-kuntest, l-UE tissottolinja li hija diġà tappoġġa bosta proġetti għall-integrazzjoni komunitarja u r-rikonċiljazzjoni, iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP), kif ukoll l-azzjonijiet appoġġati mill-Fond Fiduċjarju Bêkou għall-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ Ċentru-Afrikani. L-UE tilqa’ l-ftehim iffirmat bejn l-awtoritajiet ta’ transizzjoni, in-NU u l-gruppi armati dwar id-demobilizzazzjoni ta’ tfal minn gruppi armati. Hija tappella għall-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan il-ftehim. Huwa importanti li l-UNICEF - bl-appoġġ tal-UE - tagħti l-għajnuna tagħha biex tiġi promossa l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawn it-tfal fis-soċjetà .
5. Fil-qafas tal-estensjoni tal-proċess ta’ DDR, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, li twettqet taħt il-patroċinju tal-MINUSCA f’kooperazzjoni mal-operazzjoni Sangaris u l-missjoni tal-PSDK EUMAM RCA, trid timxi 'l quddiem bla dewmien u tkopri l-oqsma rilevanti kollha, fost l-oħrajn fis-sistema ġudizzjarja kollha. L-UE temmen li r-rwol tal-Forzi Armati (FACA), il-pożizzjoni, id-daqs, il-kompożizzjoni u l-armi tagħhom, inkluża l-integrazzjoni individwali mill-ġdid ta' ġellieda preċedenti fil-forzi armati, ser ikollhom jiġu definiti b’mod preċiż wara l-elezzjonijiet u jinkitbu fil-qafas tar-RSS li l-proċess tagħha għandu jibda issa.
6. L-UE għadha mħassba dwar is-sitwazzjoni baġitarja diffiċli tal-Istat Ċentru-Afrikan. Bl-appoġġ baġitarju tagħha, l-UE tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex dan jaħdem u tixtieq li l-irkupru ekonomiku li beda jkompli sabiex ir-RĊA tkun tista' taqdi l-ħtiġijiet ewlenin tagħha. Dan l-irkupru ekonomiku, li jista' jseħħ fost l-oħrajn permezz tar-riżorsi naturali importanti li għandha r-RĊA, jitlob, minbarra s-sigurtà u l-istabbiltà politika, ġestjoni aħjar tal-finanzi tal-Istat.
7. L-UE tfakkar, bħal dakinhar tal-forum ta' Bangui, li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr ġustizzja. L-adozzjoni u l-promulgazzjoni tal-liġi li tistabbilixxi l-Qorti Kriminali Speċjali jikkostitwixxu pass importanti fil-ġlieda kontra l-impunità. Hija għandha tibda l-ħidma tagħha mingħajr dewmien u tiżgura s-sehem sħiħ tar-RĊA fit-tħaddim tagħha, tant huma għoljin l-istennijiet tal-poplu f’dan il-qasam. Il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet Ċentru-Afrikani mal-mekkaniżmi tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mid-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, għandha tkompli wkoll.
8. F'solidarjetà mal-poplu Ċentru-Afrikan, l-UE beħsiebha tkompli bl-isforz umanitarju tagħha, fir-RĊA kif ukoll fil-pajjiżi ġirien fejn għadd kbir ta' ċittadini Ċentru-Afrikani sabu l-kenn. Il-ħtiġijiet umanitarji għadhom enormi. Minkejja titjib fis-sitwazzjoni tas-sigurtà, l-aċċess għall-persuni fil-bżonn fil-pajjiż għadu ferm problematiku. F’din il-fażi ta’ tranżizzjoni, huwa essenzjali li jiġi żgurat l-impenn tal-komunità internazzjonali b’appoġġ għar-RĊA biex tkompli tindirizza l-kriżi umanitarja bi strateġija globali li tappoġġa l-persuni spustati, inkluż fil-pajjiżi ġirien u filwaqt li jitqies l-impatt fuq il-popli li jospitawhom. Fl-istess ħin l-UE ttenni l-impenn tagħha li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-popolazzjoni li tħabbat wiċċha mal-impatt tal-kriżi, b’mod partikolari bis-saħħa tal-użu tal-Fond Fiduċjarju Bêkou mniedi mill-UE u li jiġbor flimkien il-kontribuzzjonijiet ta’ bosta donaturi. L-UE hija wkoll involuta b'mod aktar dejjiemi biex tindirizza l-ħtiġijiet ta' żvilupp tal-kapaċitajiet u ta' riabilitazzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat fil-pajjiż kollu, ibda mis-servizzi soċjali.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024