- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 25 ta' April 2017 11:30
L-UE ssaħħaħ il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar
Fil-25 ta’ April 2017, il-Kunsill adotta direttiva dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi, li tirrevedi u tikkomplementa d-direttiva eżistenti 91/477/KEE.
“Id-Direttiva l-ġdida dwar l-Armi tan-Nar tipprevedi kontrolli aktar stretti għall-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar, b’mod partikolari biex il-mezzi u l-istrutturi regolatorji leġittimi għall-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar ma jiġux abbużati minn gruppi kriminali jew terroristi. Id-direttiva hija għalhekk pass importanti ‘l quddiem, b’mod partikolari peress li ssib bilanċ bejn it-tħassib dwar is-sigurtà u l-ħtieġa li jitħarsu l-attivitajiet leġittimi. Madankollu, huwa vitali li l-UE u l-istati membri tagħha jkomplu jaħdmu biex jingħalqu l-mezzi illegali għall-akkwist ta’ armi tan-nar minn gruppi kriminali u terroristi.”
Carmelo Abela, il-Ministru Malti għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali
L-emendi jindirizzaw ir-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà pubblika, u jiffukaw fuq:
It-traċċabbiltà msaħħa tal-armi tan-nar
Ir-reviżjoni ssaħħaħ ir-regoli dwar l-immarkar tal-armi tan-nar, billi tinkludi, fost l-oħrajn, obbligu ġdid li l-komponenti essenzjali kollha tagħhom jiġu mmarkati wkoll. L-armonizzazzjoni tar-regoli għall-immarkar tal-armi tan-nar u l-istabbiliment ta’ rikonoxximent reċiproku tal-marki fost l-istati membri ser itejbu t-traċċabbiltà tal-armi tan-nar li jintużaw f’attivitajiet kriminali, inkluż dawk li jkunu ġew magħmula minn komponenti akkwistati separatament.
Din l-informazzjoni għandha tkun irreġistrata wkoll fis-sistemi nazzjonali tal-arkivjar tad-data. Sabiex dan iseħħ, l-istati membri issa ser ikollhom jiżguraw li n-negozjanti u l-intermedjarji jirreġistraw kwalunkwe transazzjoni ta’ armi tan-nar permezz ta’ mezzi elettroniċi u mingħajr ebda dewmien żejjed.
Miżuri dwar id-diżattivazzjoni u r-riattivazzjoni jew il-konverżjoni ta' armi tan-nar
Ir-regoli dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar ġew imsaħħa, partikolarment permezz ta’ dispożizzjoni li tirrikjedi l-klassifikazzjoni tal-armi tan-nar diżattivati fil-kategorija C (armi tan-nar soġġetti għal dikjarazzjoni). Sa issa, l-armi tan-nar diżattivati ma kinux soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti mid-direttiva.
Ir-reviżjoni tinkludi wkoll kategorija ġdida ta’ armi tas-salut u akustiċi, li ma kinux koperti mid-direttiva oriġinali. Dawn huma armi tan-nar attivi li jkunu ġew konvertiti għal armi li jisparaw in bjank, pereżempju għall-użu f’teatri jew t-televiżjoni. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti, armi tan-nar ta’ din ix-xorta setgħu jinxtraw liberament. Dan kien joħloq riskju, minħabba li r-rikonverżjoni tagħhom għal armi attivi ħafna drabi kienet tkun possibbli bi ftit sforz (intużaw, pereżempju, fl-attakki terroristiċi ta’ Pariġi). Il-formulazzjoni l-ġdida tad-direttiva tiżgura li dawn l-armi jibqgħu rreġistrati fl-istess kategorija bħall-arma tan-nar li jkunu ġew ikkonvertiti minnha.
Regoli aktar stretti għall-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar l-aktar perikolużi
L-armi tan-nar l-aktar perikolużi, ikklassifikati fil-kategorija A, jistgħu biss jiġu akkwistati u jkunu fil-pussess ta’ xi ħadd abbażi ta’ eżenzjoni mogħtija mill-istat membru rilevanti. Ir-regoli għall-għoti ta’ tali eżenzjonijiet issa ġew imsaħħa b’mod sinifikanti. Ir-raġunijiet possibbli għall-eżenzjoni, bħad-difiża nazzjonali jew il-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi, issa huma stabbiliti f'lista limitattiva u l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw biss fejn ma jkunx hemm riskju għas-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku.
Meta arma tan-nar tal-kategorija A tkun meħtieġa għall-isport tal-isparar, din tista’ biss tiġi akkwistata skont regoli stretti li jinkludu l-prova ta’ prattika li tkun rikonoxxuta minn federazzjoni uffiċjali tal-isport tal-isparar.
Il-paragrafu 4a tal-Artikolu 7 jipprevedi l-possibbiltà tal-konferma ta’ awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar semi-awtomatiċi (il-punt il-ġdid 6, 7 jew 8 tal-kategorija A) li jkunu ġew akkwistati b’mod legali u rreġistrati qabel ma d-direttiva tkun daħlet fis-seħħ.
Il-projbizzjoni tal-użu ċivili tal-armi tan-nar semi awtomatiċi l-aktar perikolużi
Issa ġew miżjuda fil-kategorija A xi armi tan-nar semi-awtomatiċi perikolużi u li huma għalhekk projbiti għall-użu ċivili. Dan huwa l-każ ta’ armi tan-nar semi-awtomatiċi qosra b’apparat tal-ikkargar li jiflaħ aktar minn 20 tir u armi tan-nar semi-awtomatiċi twal b’apparat tal-ikkargar li jiflaħ aktar minn 10 tiri. Bl-istess mod, armi tan-nar twal li jistgħu jinħbew faċilment, pereżempju permezz ta' ċipp li jintewa jew li jingħalaq, issa ġew ipprojbiti wkoll.
It-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-istati membri
Ir-regoli l-ġodda jippermettu li l-Kummissjoni tipproponi t-twaqqif ta’ sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni b’mod elettroniku bejn l-istati membri. L-informazzjoni tkopri każijiet fejn it-trasferiment ta’ arma tan-nar għal stat membru ieħor tkun ġiet awtorizzata kif ukoll fejn l-akkwist u l-pussess ta’ arma tan-nar ikunu ġew miċħuda.
Id-direttiva tistabbilixxi regoli minimi u ma tipprevjenix lill-istati membri milli jadottaw u japplikaw regoli aktar stretti.
Il-passi li jmiss
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew issa jeħtieġ li jiffirmaw id-direttiva adottata. It-test iffirmat ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u ser jidħol fis-seħħ 20 jum wara.
Kuntest
Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi kienet oriġinarjament imfassla bħala miżura intiża li tibbilanċja l-objettivi tas-suq intern u l-imperattivi tas-sigurtà rigward armi tan-nar “ċivili”.
Il-proposta emendatorja ġiet imressqa mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Novembru 2015 fl-isfond ta’ sensiela ta’ atti terroristiċi li seħħew fl-Ewropa u li żvelaw nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-direttiva. Ir-rieżami attwali huwa tkomplija tar-reviżjoni tal-2008 u jallinja wkoll il-leġislazzjoni tal-UE mad-dispożizzjonijiet dwar il-Protokoll tan-NU kontra l-Manifattura u t-Traffikar Illeċiti ta’ Armi tan-Nar.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024