Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 29 ta' Mejju 2017 16:05

Repubblika Demokratika tal-Kongo: L-UE tadotta sanzjonijiet kontra 9 persuni oħra

Il-Kunsill adotta miżuri restrittivi, b’effett immedjat, kontra 9 individwi li għandhom pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fl-amministrazzjoni tal-Istat u fil-linja ta’ kmand tal-forzi tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). Huma jiżdiedu mas-7 persuni li l-UE imponiet sanzjonijiet fuqhom fit-12 ta’ Diċembru 2016 b’reazzjoni għall-imblukkar fil-proċess elettorali u ksur relatat tad-drittijiet tal-bniedem.

***

Dikjarazzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo  

L-Unjoni Ewropea tibqa’ mħassba serjament bis-sitwazzjoni politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) li sejra għall-agħar.

Il-kriżi fil-Provinċja ta’ Kasai laħqet livell eċċezzjonali f’termini umanitarji u ta’ sigurtà u fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. Filwaqt li tikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta’ vjolenza irrispettivament mill-oriġini tagħhom, l-UE tinsab imħassba dwar rapporti ta’ użu sproporzjonat ta’ forza minn korpi tal-Istat, speċjalment tal-forzi tas-sigurtà, fl-immaniġġar tal-kriżi. Hija tħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jaġixxu f’konformità mad-drittijiet tal-bniedem u mal-libertajiet fundamentali u, mingħajr dewmien, jibdew investigazzjonijiet kredibbli u trasparenti, akkumpanjati minn ħila esperta internazzjonali ta’ livell għoli biex tissaħħaħ il-kredibbiltà u l-indipendenza tagħhom, sabiex jiġu identifikati dawk responsabbli tal-atti ta’ vjolenza u l-massakri. Hija tenfasizza l-ħtieġa li l-MONUSCO tkun tista’ teżerċita l-mandat tagħha b’mod sħiħ u li l-aċċess umanitarju jkun żgurat fiż-żoni affettwati mill-kriżi.

L-UE tibqa' wkoll imħassba bir-restrizzjonijiet kontinwi fuq l-ispazju demokratiku u d-drittijiet fundamentali, inkluż restrizzjonijiet fuq il-media u l-projbizzjoni ta’ protesti.

Fil-livell politiku, l-UE tesprimi t-tħassib tagħha dwar in-nuqqas ta’ qbil biex titmexxa ‘l quddiem it-transizzjoni. Hija ttenni li sabiex toħroġ mill-kriżi fuq bażi sostenibbli, it-transizzjoni għandha twassal għal elezzjonijiet demokratiċi u trasparenti, li jsiru malajr kemm jista’ jkun u f’konformità mal-Kostituzzjoni u l-Ftehim Politiku tal-31 ta’ Diċembru 2016. Huwa meħtieġ b’mod partikolari li tittieħed azzjoni bona fide biex jiġu stabbiliti istituzzjonijiet transizzjonali inklużivi ġenwinament u fi żmien qasir jiġu implimentati miżuri li jtaffu t-tensjoni, it-tnejn li huma jitqiesu kruċjali għal ambjent elettorali miftuħ u kalm. Spazju għal espressjoni u dibattitu mingħajr xkiel huwa essenzjali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jitkellmu liberament hekk kif iħejju ruħhom għall-elezzjonijiet.

Il-proċess elettorali jibqa’ l-isfida prinċipali fix-xhur li ġejjin, li jibda bid-definizzjoni ta’ kalendarju u baġit elettorali kunsenswali f’konformità mal-Ftehim Politiku. Il-konformità mar-riżoluzzjoni 2348 tal-KSNU u l-impenji meħuda fil-Ftehim Politiku ser jippermettu lill-Unjoni Ewropea tappoġġa dan il-proċess. It-twaqqif ta’ skeda ta’ żmien ser jiggwida l-proċess u jippermetti li l-appoġġ minn sħab reġjonali u internazzjonali jiġi mmobilizzat f’waqtu. L-UE tinkoraġġixxi u tappoġġa l-isforzi li saru f’din id-direzzjoni min-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Pajjiżi Frankofoni u sħab internazzjonali oħra.

Is-sitwazzjoni soċjoekonomika kritika, aggravata minn governanza dgħajfa u miżapproprjazzjoni tar-riżorsi nazzjonali, tħalli proporzjon kbir tal-popolazzjoni, u speċjalment liż-żgħażagħ, bi ftit prospetti u tikkostitwixxi riskju ta’ destabbilizzazzjoni. Fid-dawl tad-deterjorazzjoni sinifikanti tas-sitwazzjoni, u kif indikat fil-konklużjonijiet tagħha tas-6 ta’ Marzu 2017, illum, l-UE ħadet id-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi ġodda kontra 9 individwu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

L-Unjoni Ewropea ser issegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi u l-iżviluppi tad-drittijiet tal-bniedem matul il-ftit xhur li ġejjin u, skont kif dawn jirriżultaw, hija tista’ tikkunsidra miżuri restrittivi addizzjonali jew, għall-kuntrarju, tirtira xi wħud minnhom. B'rabta ma' dan ittenni r-rieda tagħha li timpenja ruħha fi djalogu politiku tal-ogħla livell f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou.

***
Id-deċiżjoni tal-lum tikkonċerna l-eks Ministru għall-Intern u dak attwali, il-gvernatur ta’ Kasaï-Central, l-eks gvernatur ta’ Haut-Katanga, żewġ uffiċjali għolja, mexxej tal-milizzja, u d-direttur tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence, elenkati għall-kontribut tagħhom f'atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK, billi ppjanawhom, mexxewhom jew wettquhom. Il-Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Media u l-kelliem għall-gvern huwa wkoll elenkat bħala responsabbli għall-politika tal-media repressiva fir-RDK, li tikser id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni u ddgħajjef soluzzjoni kunsenswali u paċifika lejn iż-żamma tal-elezzjonijiet.

L-ismijiet tal-individwi kkonċernati u r-raġunijiet li jwasslu lill-Kunsill biex jelenkahom jidhru fil-Ġurnal Uffiċjali tad-29 ta’ Mejju 2017. Il-miżuri restrittivi jidħlu fis-seħħ immedjatament. Huma jinkludu projbizzjoni fuq id-dħul fl-UE u ffriżar tal-assi, kif ukoll projbizzjoni li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għall-individwi elenkati.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024