Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 21 ta' Ġunju 2017 21:20

Il-protezzjoni tal-konsumatur fl-era diġitali: Il-Presidenza tal-UE taqbel mal-Parlament biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-UE kollha

Il-Presidenza Maltija laħqet qbil preliminari mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.

“Il-fiduċja fil-kummerċ elettroniku miċ-ċittadini u l-kumpaniji hija kondizzjoni essenzjali biex is-suq uniku diġitali jsir aktar attraenti u dinamiku. Il-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi ser ikunu salvagwardati aħjar, inkluż għal xiri online, bis-saħħa ta’ dan fil-qafas armonizzat il-ġdid ", qal Chris Cardona, il-Ministru Malti għall-Ekonomija, l-Investiment u Negozji Żgħar.

Il-qbil, li għad irid jiġi approvat mill-Kunsill u l-Parlament, għandu l-għan li jimmodernizza l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex tkompli titnaqqas il-ħsara kkawżata lill-konsumaturi minn ksur transkonfinali tal-liġi tal-konsumatur tal-UE.

B’mod partikolari, il-protezzjoni effettiva tal-konsumatur trid tirrispondi għall-isfidi tal-ekonomija diġitali u l-iżvilupp tal-kummerċ bl-imnut transfruntier fl-EU.

Il-ġlieda kontra każijiet ta’ ksur transkonfinali

Din ir-reviżjoni tal-qafas eżistenti tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur ser tagħti aktar setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali, partikolarment fil-kuntest tas-suq uniku diġitali.

F'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-konsumaturi madwar l-UE kollha, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ infurzar u l-Kummissjoni ser jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jitwaqqfu dawn il-prattiki, b'mod partikolari f'każijiet ta' ksur mifrux b'dimensjoni tal-UE li x'aktarx jagħmel ħsara lill-konsumaturi f'parti kbira mill-Unjoni.

Il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku

L-infurzar ineffettiv tal-każijiet ta' ksur transfruntier, partikolarment fl-ambjent diġitali, jippermetti lill-kummerċjanti jaħarbu mill-infurzar billi jmorru x'imkien ieħor fl-Unjoni stess, li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-kummerċjanti li josservaw il-liġi u li joperaw domestikament jew b'mod transfruntier, u b'hekk jagħmel ħsara direttament lill-konsumaturi u jnaqqas il-kunfidenza tal-konsumaturi fis-suq uniku.

Għalhekk huwa meħtieġ livell ogħla ta' armonizzazzjoni li jistabbilixxi kooperazzjoni effettiva u effiċjenti fl-infurzar bejn l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu individwati, investigati u jitwaqqfu każijiet ta' ksur fi ħdan l-Unjoni u każijiet ta' ksur mifruxa.

Sabiex jiġu armonizzati aktar il-prattiki madwar l-UE, ir-regolament il-ġdid ser jistabbilixxi għadd ta’ setgħat investigattivi u ta’ infurzar minimi li kull awtorità nazzjonali kompetenti ser tkun tista’ teżerċita għal koordinazzjoni sew fil-ġlieda kontra l-ksur.

Dawn is-setgħat ser jilħqu bilanċ bejn l-interessi protetti mid-drittijiet fundamentali bħal livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, il-libertà li wieħed jeżerċita negozju u l-libertà tal-informazzjoni.

Il-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet ser jissaħħaħ biex ikun stabbilit jekk ikunx seħħ ksur fi ħdan l-UE u biex jitwaqqaf dak il-ksur.

Mekkaniżmu ta’ twissija mtejjeb ser jippermetti lil awtorità kompetenti tinnotifika mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet kompetenti oħra kwalunkwe suspett raġonevoli li qed iseħħ ksur fi ħdan l-Unjoni jew każ ta' ksur mifrux fit-territorju tagħha u li jista’ jaffettwa l-interessi tal-konsumaturi fi stati membri oħra.

L-awtoritajiet kompetenti ser ikunu jistgħu jiftħu investigazzjonijiet fuq l-inizjattiva proprja jekk isiru jafu b'każijiet ta' ksur fi ħdan l-Unjoni jew b'każijiet ta' ksur mifruxa b'mezzi oħra minbarra l-ilmenti individwali tal-konsumaturi.

Biex inlaħħqu mal-ekonomija diġitali

Fil-25 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex timmodernizza l-kooperazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur, bħala parti minn pakkett usa’ li jinkludi proposti dwar il-konsenja transfruntiera ta’ pakketti u dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat.

Bħalissa r-regolament nru 2006/2004 jipprevedi regoli u proċeduri armonizzati biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet transfruntieri dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

L-għan tar-regolament tal-2004 ikopri 18-il biċċa leġislazzjoni dwar il-konsumatur, inkluż: dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi minn komunikazzjoni kummerċjali inġusta u qarrieqa; l-iżgurar li l-konsumaturi jkunu infurmati b’mod adegwat qabel jagħmlu deċiżjonijiet ta’ xiri; l-għoti ta’ protezzjoni xierqa meta jsiru kuntratti ma’ negozji; kif ukoll mekkaniżmi dwar l-ilmenti u r-rimedju u l-aċċess għall-ġustizzja.

Madankollu, wara rieżami dwar l-effettività tar-regolament 2006/2004, il-Kummissjoni kkonkludiet li m’għadux jindirizza b’mod effettiv l-isfidi tas-suq uniku diġitali.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024