Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 12 ta' Marzu 2018 13:15

L-istrateġija tal-politika industrijali tal-UE: Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet

IL-KUNSILL TAL UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju [1] u ta’ Novembru 2017[2], kif ukoll fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2017[3], li kollha enfasizzaw il-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ strateġija industrijali tal-UE komprensiva u fit-tul,

  1. JISSOTTOLINJA l-importanza li tissaħħaħ il-bażi industrijali bħala komponent ewlieni tal-futur tal-Ewropa, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-industrija Ewropea għadha mutur ewlieni għall-produttività, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi u pilastru tal-prosperità ekonomika fl-Ewropa; JIKKUNSIDRA f’dan ir-rigward il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni mill-2017 dwar “Strateġija mġedda għall-politika industrijali tal-UE” [4] bħala sinjal importanti u pass utli tal-bidu lejn l-iżvilupp ta’ strateġija industrijali tal-UE orjentata lejn il-futur;
  1. ITENNI li suq intern li jiffunzjona għalkollox fl-era diġitali huwa pilastru fundamentali għat-tisħiħ tal-kompetittività industrijali u JENFASIZZA l-importanza tal-infurzar u l-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern f’dak il-kuntest; JEMMEN li, sabiex taffronta l-isfidi u tuża l-opportunitajiet li qed jinħolqu, l-industrija teħtieġ ambjent regolatorju ċar, prevedibbli u nondiskriminatorju sabiex tagħmel investimenti orjentati lejn il-futur; f’dan il-kuntest IFAKKAR fl-importanza ta’ servizzi relatati man-negozju u JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli mhux ġustifikati jew sproporzjonati li baqa’; għaldaqstant JENFASIZZA li huwa meħtieġ approċċ strateġiku strutturat u komprensiv fit-tul;
  1. JIKKUNSIDRA, fid-dawl tal-politiki u l-miżuri industrijali fit-tul f’reġjuni oħra tad-dinja, li l-UE teħtieġ approċċ komuni li jibni fuq il-vantaġġi kompetittivi tal-ekonomija u n-negozji tagħna, b’kont meħud tal-mudell Ewropew bi standards ambjentali u soċjali għoljin, u li jistabbilixxi viżjoni ambizzjuża fit-tul ta’ fejn tista’ tasal l-industrija Ewropea fl-għaxar snin li ġejjin u lil hinn għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-ekonomija; JAGĦRAF li jekk it-tibdil maġġuri u xi kultant radikali li għaddejja minnu l-industrija, jiġi indirizzat kif suppost, dan jista’ jgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda, iwassal għal manifattura akbar fl-Ewropa u jittrasforma l-isfidi f’opportunitajiet;
  1. JILQA’ l-inizjattivi meħuda mill-UE fil-qasam diġitali, u, minħabba l-fatt li l-veloċità u l-iskala huma deċiżivi għas-suċċess tas-suq, JAPPELLA GĦAL sforzi akbar u għall-implimentazzjoni rapida ta’ prijoritajiet ta’ politika fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija b’enfasi speċjali fuq it-tisħiħ ta’ inizjattivi bħal Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali u inizjattivi oħra fil-qafas tal-pjattaforma Ewropea għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija b'appoġġa għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom; ITENNI l-importanza ta’ standards ambizzjużi, koerenti, konsistenti, fil-ħin u ggwidati mill-industrija għall-interoperabbiltà, għall-kompetittività tal-industriji Ewropej fis-swieq globali;
  1. JENFASIZZA li, sabiex joperaw f’ekonomija xprunata mid-data, il-kumpaniji jridu jkunu kontinwament iffukati fuq l-iżvilupp innovattiv u jsegwu t-tendenzi ewlenin orjentati lejn il-futur, inkluż l-internet tal-oġġetti, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, il-big data u pjattaformi, sistemi konnessi u awtonomi, 5G, stampar 3D, standardizzazzjoni, sigurtà tal-ICT u katina ta’ blokok; JENFASIZZA li, peress li d-data qed issir il-fattur kompetittiv il-ġdid fid-dinja konnessa tagħna, fl-UE għandhom jissaħħu l-ħżin ta’ data, il-cloud computing kif ukoll teknoloġiji u kapaċitajiet tal-ipproċessar ta’ prestazzjoni għolja biex ikun żgurat livell ambizzjuż ta’ ċibersigurtà, protezzjoni tad-data u servizzi tal-ICT fdati; JIRRIKONOXXI r-riskju sinifikattiv ta’ ksur u miżapproprjazzjonijiet tal-proprjetà intelletwali permezz tal-ICT u l-importanza li jinstab rispons għal din it-theddida;
  1. JENFASIZZA li l-kapaċità tal-UE li tagħmel użu minn teknoloġiji ġodda tiddependi fuq il-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħha u li, għalhekk, huwa ta’ importanza kruċjali li tikseb kemm investimenti sinifikattivi u aktar effettivi kif ukoll il-qafas ġust għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, anki fil-perspettiva tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss; JIKKUNSIDRA li biex tkun promossa żieda fil-produttività u l-kompetittività industrijali ġenerali, huwa essenzjali li jkun hemm trasferiment aħjar tal-għarfien u diffużjoni ta’ teknoloġiji avanzati u abilitanti ewlenin fil-bażi industrijali; IFAKKAR li r-rabtiet bejn in-negozji u r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huma essenzjali għall-applikazzjoni u d-diffużjoni fis-suq u biex l-għarfien jiġi ttrasformat fi prodotti u servizzi ġodda, u li l-ħolqien, l-espansjoni u l-interkonnessjoni ta’ ċentri tal-innovazzjoni mal-UE kollha għandhom ikunu akkomodati biex tissaħħaħ l-ekosistema tal-innovazzjoni;
  1. JAPPELLA għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika Ewropea dwar ir-raggruppamenti, bil-għan li r-raggruppamenti reġjonali jiġu konnessi ma’ u mwessa’ f’raggruppamenti trans-Ewropej ta’ livell dinji, abbażi ta’ prinċipji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, sabiex ikun appoġġat il-ħolqien ta’ katini ta’ valur ġodda mal-Ewropa kollha;
  1. JAGĦRAF li jeżisti potenzjal mhux sfruttat għal proġetti innovattivi Ewropej u li għandhom ikunu appoġġati inizjattivi ta’ innovazzjoni fuq skala kbira u innovazzjoni radikali; JENFASIZZA l-importanza tal-inizjattivi attwali għas-sħubiji pubbliċi-privati, l-innovazzjoni u l-investimenti u JIKKUNSIDRA b’mod pożittiv il-komunikazzjoni dwar l-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat tal-UE li tistabbilixxi kriterji dwar l-appoġġ għal proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni li għandha l-għan li tiffaċilita proġetti innovattivi ta’ natura trasnazzjonali fuq skala kbira;
  1. JISSOTTOLINJA l-importanza tal-akkwist pubbliku, inkluż l-akkwist prekummerċjali u l-akkwist pubbliku għall-innovazzjoni, għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-titjib tal-kompetittività tal-industrija tal-UE u JIKKUNSIDRA b’mod pożittiv inizjattivi bħall-komunikazzjoni adottata reċentement dwar “Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għalina” biex l-akkwist jintuża bħala għodda strateġika biex titrawwem transizzjoni għal ekonomija aktar innovattiva, li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u tkun soċjalment inklużiva;
  1. B’kunsiderazzjoni għall-fatt li f’ekonomija tas-suq l-kompetizzjoni hija ta’ importanza estrema biex l-ekonomija tkun orjentata lejn l-innovazzjoni; JIRRIKONOXXI li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-innovazzjoni u t-transizzjoni diġitali, biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jikkompetu globalment iridu jappoġġaw l-investimenti u joħolqu kondizzjonijiet favorevoli għal fondi ta’ investiment privati, inklużi forom innovattivi ta’ finanzjament u miżuri mmirati ta’ appoġġ għat-tkabbir għall-SMEs u n-negozji ġodda bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-UE; barra minn hekk JIĠBED L-ATTENZJONI għall-ħtieġa li jibqgħu jitfasslu politiki mmirati favur negozji li qed jespandu u negozji b’kapitalizzazzjoni medja, kif ukoll li jingħata appoġġ akbar għall-innovazzjoni b’riskju teknoloġiku għoli u b'orizzont ta’ investiment fit-tul; JISSOTTOLINJA l-ħtieġa għat-taħlita ġusta ta’ għodod ta' investiment u ta’ finanzjament mill-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-settur privat;
  1. JENFASIZZA li t-trawwim tat-tkabbir industrijali tal-Unjoni jirrikjedi l-kompetenzi ġusti, u li l-isfruttar tat-transizzjoni diġitali jirrikjedi b’mod partikolari l-indirizzar tal-livell insuffiċjenti ta’ kompetenzi diġitali fil-forza tax-xogħol tal-Ewropa u n-nuqqas ta’ professjonisti tal-ICT kif ukoll ta’ persuni gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika; JAFFERMA MILL-ĠDID il-potenzjal ta’ pjanijiet ta’ azzjoni settorjali addizzjonali bħala bażi għal identifikazzjoni minn isfel għal fuq tal-ħtiġijiet ta’ kompetenzi speċifiċi għas-settur, aktar sħubiji bejn in-negozji u l-edukazzjoni kif ukoll investimenti mmirati fil-kompetenzi taż-żgħażagħ u fit-tagħlim tul il-ħajja;
  1. JIKKUNSIDRA li l-kummerċ huwa essenzjali għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi; JIRRIKONOXXI l-importanza tal-katini ta’ valur mondjali u tal-kummerċ għall-industrija tal-UE; JINNOTA t-tibdil globali fil-politika tal-kummerċ u għaldaqstant ITENNI l-importanza tal-approċċ tal-UE għall-kisba ta’ politika kummerċjali robusta b’sistema kummerċjali multilaterali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, b’rwol ċentrali għad-WTO, abbażi tal-konvinzjoni li l-kummerċ u l-investiment jistgħu jkunu ħielsa biss jekk ikunu wkoll ġusti u ta’ benefiċċju reċiproku; fil-kuntest ta’ din il-politika kummerċjali robusta u filwaqt li jfittex li jrawwem kondizzjonijiet tassew ekwivalenti ta' kompetizzjoni, IĦEĠĠEĠ lill-atturi kollha involuti biex iħejju tweġiba adegwata dwar kif għandhom ikunu ġestiti l-istrateġiji industrijali ta’ pajjiżi terzi, u fejn tkun faċilitata l-integrazzjoni tal-kumpaniji Ewropej fil-katini ta’ valur mondjali, anki f’perspettiva ta’ kompetittività fit-tul;
  1. JENFASIZZA li l-kontribut tas-settur privat huwa essenzjali għall-kisba tal-għanijiet ambizzjużi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-iżgurar tas-sostenibbiltà; JINNOTA li jistgħu jinkisbu riżultati sodisfaċenti biss bis-saħħa ta’ viżjoni, permezz ta' sħubiji u bil-ħolqien tal-kondizzjonijiet qafas adatti għall-innovazzjoni u mudelli ta’ negozju u manifattura ġodda, inkluż permezz ta’ miżuri b’appoġġ għat-transizzjoni lejn tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ karbonju fis-setturi industrijali; JILQA’ l-isforzi li saru mid-diversi setturi biex jiżviluppaw pjanijiet direzzjonali għat-transizzjoni fit-tul sal-2030 u lil hinn, sal-2050, u JISTIEDEN lill-Kummissjoni, biex flimkien mal-industrija u l-Istati Membri, taħdem b’mod attiv mas-setturi kollha dwar l-elaborazzjoni ulterjuri ta’ tali pjanijiet direzzjonali u l-interkonnessjonijiet tagħhom bħala input għall-istrateġija industrijali futura komprensiva u fit-tul tal-UE;
  1. JAPPELLA GĦAL politika industrijali komprensiva li tagħmel l-aħjar użu mill-opportunitajiet li jirriżultaw mit-transizzjoni lejn teknoloġiji siguri u sostenibbli, ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u li tkun f’bilanċ ma’ politiki Ewropej koerenti dwar il-klima u l-enerġija, bil-għan li tinħoloq bażi industrijali Ewropea b’saħħitha, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva; JISSOTTOLINJA li din il-politika komprensiva għandha tqis il-provvista sostenibbli ta’ materja prima u d-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar il-klima, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ispejjeż għolja tal-enerġija u l-prevenzjoni ta’ żvantaġġi sinifikanti fil-kompetizzjoni internazzjonali, b’mod partikolari għall-industriji intensivi fl-enerġija;
  1. ITENNI MILL-ĠDID li tħassib dwar il-kompetittività industrijali għandu jkun integrat b’mod sistematiku fl-oqsma ta’ politika kollha tal-UE u l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt tal-integrazzjoni tal-politika industrijali fl-inizjattivi strateġiċi tal-UE u tressaq proposti dwar kif l-integrazzjoni tista’ tkun aktar effettiva; JIĠBED L-ATTENZJONI li l-valutazzjonijiet tal-ispejjeż kumulattivi u t-tnaqqis ta’ piżijiet regolatorji bla bżonn huma parti indispensabbli minn kwalunkwe sforz komprensiv b’appoġġ għall-kompetittività globali tal-industrija tal-UE; JISSOTTOLINJA f’dan ir-rigward l-importanza ta’ miri konkreti għat-tnaqqis ta' piżijiet regolatorji bla bżonn, filwaqt li jkunu rispettati l-istandards ta’ protezzjoni eżistenti u mingħajr ma jkunu mdgħajfa l-objettivi sottostanti tal-leġislazzjoni; JENFASIZZA li passi sistematiċi fil-livell tal-UE jistgħu jikkumplimentaw b’mod effettiv miżuri fil-livell nazzjonali u dak reġjonali u għalhekk itejbu l-koordinazzjoni u s-sinerġiji bejn il-politiki tal-UE u dawk tal-Istati Membri; JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tiżgura li t-test tal-SMEs jkun applikat aktar bir-reqqa fit-tħejjija tal-inizjattivi;
  1. IFAKKAR li politiki qafas adatti għandhom ikunu akkumpanjati, fejn meħtieġ, minn inizjattivi biex ikunu stimulati setturi ġodda u emerġenti b’potenzjal ta’ tkabbir għoli, u għal setturi li qed jaffaċċjaw bidla ekonomika;
  1. JINNOTA li, sabiex tkun implimentata b’mod effettiv politika industrijali komprensiva tal-UE, jeħtieġ li jiġu stabbiliti objettivi strateġiċi u li jsir monitoraġġ kontinwu tal-progress lejn il-kisba tagħhom; għaldaqstant JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tintensifika l-ħidma, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, fir-rigward ta’ objettivi ta’ politika industrijali adatti li għandhom jinkisbu sal-2030 u lil hinn, fejn ikunu sinkronizzati l-isforzi magħmula taħt il-politika industrijali, dik tal-enerġija u dik tal-ambjent (inkluż it-tibdil fil-klima) tal-UE; JIEĦU NOTA b’interess tal-Jum tal-Industrija tal-UE reċenti, inkluż l-istabbiliment ta’ Roundtable Industrijali ta’ Livell Għoli “Industrija 2030” li hi mistennija tagħti kontribut pożittiv u f’waqtu għall-iżvilupp ta’ strateġija industrijali tal-UE komprensiva u fit-tul, u JAPPELLA lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Istati Membri informati bil-ħidma tar-Roundtable;
  1. JENFASIZZA l-ħtieġa li tkun monitorjata l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika industrijali u, saħansitra aktar importanti minn hekk, li jkunu monitorjati x-xejriet fl-iżvilupp tal-industrija tal-UE b’indikaturi adatti, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li jeħtieġ li l-indikaturi jkunu jistgħu jitkejlu, ikunu temporali u għandhom, fejn fattibbli, ikunu jistgħu jitqabblu fuq livell globali;
  1. Sabiex l-Ewropa tibqa’ globalment kompetittiva, JENFASIZZA l-ħtieġa urġenti għal strateġija industrijali tal-UE komprensiva u fit-tul li għandha tkun stabbilita sa mhux aktar tard mill-bidu taċ-ċiklu istituzzjonali tal-UE li jmiss; għal dan il-għan JAPPELLA lill-Kummissjoni tibni fuq l-istruttura ta’ governanza eżistenti u tiffoka fuq it-tħejjija tal-elementi kollha li ser jifformaw l-istrateġija futura, inkluż pjan ta’ azzjoni; JINNOTA wkoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jkunu involuti mill-qrib f’dan il-proċess u JAFFERMA MILL-ĠDID ir-rwol strateġiku tal-Kunsill Kompetittività biex jipprovdi gwida politika u momentum.

[1] Dok. 9760/17.
[2] Dok. 15223/17.
[3] Dok. EUCO 8/17, paragrafu 15.
[4] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lil-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment - Ninvestu f’industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli - Strateġija mġedda għall-politika industrijali tal-UE, dok. 12202/17 + ADD 1.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025