- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 25 ta' Jannar 2019 12:05
Protezzjoni aħjar tal-informaturi: il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu
L-UE qed tieħu passi biex tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni għall-informaturi f'firxa wiesgħa ta' setturi.
Il-Kunsill (fil-livell tal-ambaxxaturi) illum adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar id-direttiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi. Issa huwa lest biex jibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew bil-għan li jintlaħaq qbil qabel tmiem il-leġislatura tal-Parlament.
Ir-regoli l-ġodda ser jimponu l-ħolqien ta' kanali siguri għar-rappurtar kemm fi ħdan organizzazzjoni - privata jew pubblika jekk ikollha aktar minn 50 impjegat - kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi. Ser tagħti wkoll livell għoli ta' protezzjoni lill-informaturi mir-ritaljazzjoni, u tirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali jgħarrfu b'mod adegwat liċ-ċittadini u jħarrġu lill-uffiċjali pubbliċi dwar kif għandhom jittrattaw l-iżvelar ta' informazzjoni protetta.
L-iskandli reċenti bħal ta' Cambridge analytica jew Lux Leaks urew l-importanza tal-informaturi. Huwa għalhekk li neħtieġu li nipprovdulhom livell għoli ta' protezzjoni fl-Unjoni kollha. M'għandniex nistennew li persuna tirriskja r-reputazzjoni jew l-impjieg tagħha talli esponiet imġiba illegali. L-Ambaxxatur Luminița Odobescu, Rappreżentant Permanenti tar-Rumanija għall-UE
Elementi ewlenin tal-pożizzjoni tal-Kunsill
B'mod ġenerali, il-Kunsill ipprovda aktar ċarezza dwar xi dispożizzjonijiet tat-test sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali u jiġu indirizzati aħjar ir-rabtiet bejn ir-regoli l-ġodda u l-leġislazzjoni eżistenti f'xi setturi.
Xi elementi tal-pożizzjoni adottata mill-Kunsill meta mqabbla mal-proposta inizjali jinkludu:
- Sistema ta' rappurtar: l-ewwel l-informaturi ser ikollhom jużaw kanali interni fi ħdan l-organizzazzjoni tagħhom qabel ma jużaw dawk esterni (stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi) u, eventwalment, imorru għal żvelar pubbliku. Madankollu, il-prinċipju ta' sistema ta' tliet passi jinkludi eċċezzjonijiet li jippermettu li persuna tmur direttament għal żvelar estern, saħansitra pubbliku, f'xi każijiet speċifiċi (eż. f'każ ta' periklu imminenti jew manifest għall-interess pubbliku);
- Persuni protetti bir-regoli l-ġodda: dawn l-elementi tal-proposta tal-Kummissjoni nżammu, u jinkludu għadd kbir ta' profili li jistgħu jiksbu informazzjoni dwar ksur f'kuntest relatat max-xogħol, eż. ħaddiema, inkluż taċ-ċivil fil-livell nazzjonali/lokali, voluntiera u apprendisti, membri mhux eżekuttivi, azzjonisti, eċċ.
- Obbligazzjonijiet ta' feedback għall-awtoritajiet u l-kumpanniji: huma ser ikollhom jirrispondu għar-rapporti tal-informaturi u jagħtu segwitu għalihom fi żmien 3 xhur (bil-possibbiltà ta' estensjoni sa 6 xhur għal kanali esterni f'każijiet debitament iġġustifikati);
- Żvelar pubbliku: il-Kunsill introduċa artikolu li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex persuna tiġi protetta mir-regoli l-ġodda fil-każ li hija tiżvela informazzjoni pubblikament;
- Kamp ta' applikazzjoni: il-pożizzjoni tal-Kunsill iżżomm l-kamp ta' applikazzjoni wiesa' kif propost mill-Kummissjoni u tkopri oqsma bħalma huma l-akkwist pubbliku, is-servizzi finanzjarji, il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, is-saħħa pubblika, eċċ.
Il-passi li jmiss
In-negozjati ta' trilogu mal-Parlament ser jibdew malajr kemm jista' jkun. Dan tal-aħħar adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-leġislazzjoni f'Diċembru 2018.
Sfond
Il-protezzjoni tal-informaturi hija attwalment koperta b'mod frammentat. Bħalissa, 10 pajjiżi tal-UE biss għandhom liġi komprensiva li tipproteġi lill-informaturi. Fil-livell tal-UE, hemm biss leġislazzjoni settorjali ħafna (l-aktar fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji) li tinkludi miżuri għall-protezzjoni tal-informaturi.
Studju tal-2017 imwettaq għall-Kummissjoni stima li n-nuqqas ta' benefiċċji potenzjali minħabba nuqqas ta' protezzjoni tal-informaturi, fl-akkwist pubbliku biss, huwa madwar €5.8 sa €9.6 biljun kull sena għall-UE inġenerali.
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
- Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-direttiva dwar l-informaturi
- Is-sit web tal-Kummissjoni - skeda informattiva dwar id-direttiva dwar l-informaturi
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025