Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 6 ta' Ottubru 2021 13:45

Regolament ta' Aarhus – Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari

Illum il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar emenda għar-Regolament ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Ir-Regolament jiddefinixxi kif l-UE u l-istati membri tagħha jimplimentaw il-Konvenzjoni internazzjonali ta' Aarhus. L-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill issegwi ftehim proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew f'Lulju 2021 u huwa l-pass finali tal-proċedura ta' adozzjoni.

Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Spazjali tas-Slovenja
Illum il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għall-adozzjoni ta' emenda għar-Regolament ta' Aarhus. Dan huwa pass pożittiv li jsaħħaħ l-impenn tal-UE li tikkonforma bis-sħiħ mal-Konvenzjoni ta' Aarhus. L-emenda ser ssaħħaħ id-dritt tal-membri tal-pubbliku li jitolbu r-rieżami ta' atti amministrattivi u b'hekk ittejjeb l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni, għall-ġustizzja u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet.
Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Spazjali tas-Slovenja
Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Spazjali tas-Slovenja

L-objettiv ta' din l-emenda huwa li tiżgura l-konformità sħiħa tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar id-dritt tal-membri tal-pubbliku li jitolbu r-rieżami ta' atti amministrattivi mhux leġiżlattivi adottati minn istituzzjoni jew korp tal-UE, jekk dawn l-atti ikollhom effetti legali u esterni u jkun fihom dispożizzjonijiet li jistgħu jiksru l-liġi ambjentali.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu li:

  • iwessgħu l-pożizzjoni legali lil hinn mill-NGOs, u b'hekk jippermettu lil membri oħra tal-pubbliku li jitolbu rieżamijiet interni ta' atti amministrattivi taħt ċerti kondizzjonijiet. Il-membri tal-pubbliku għandhom jew juru ksur tad-drittijiet tagħhom ikkawżat mill-allegat ksur tal-liġi ambjentali u li huma affettwati direttament minn tali ksur meta mqabbla mal-pubbliku inġenerali; jew għandhom juru interess pubbliku suffiċjenti u li t-talba hija appoġġata minn mill-inqas 4000 membru tal-pubbliku residenti jew stabbiliti f'mill-inqas 5 stati membri, b'mill-inqas 250 membru tal-pubbliku residenti jew stabbiliti f'kull wieħed minn dawk l-istati membri. Fiż-żewġ każijiet, il-membri tal-pubbliku għandhom ikunu rappreżentati minn NGO jew avukat;
  • jinkludu dispożizzjonijiet ta' atti amministrattivi li jeħtieġu miżuri ta' implimentazzjoni fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tal-atti amministrattivi;
  • ma jħassrux l-eżenzjoni ta' atti amministrattivi dwar l-għajnuna mill-istat mir-regolament (kwistjoni ta' konformità koperta minn każ aktar reċenti tal-Kumitat ta' Konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus);
  • jagħmluha obbligatorja għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE li jippubblikaw talbiet għal rieżami u deċiżjonijiet dwarhom.

Kuntest

L-UE timplimenta l-Konvenzjoni ta' Aarhus permezz tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006. Dan ir-regolament jippermetti lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) biex jibdew proċedimenti quddiem il-Qrati Ewropej kontra d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

B'segwitu għal ilment ta' NGO fl-2008, fejn ġie allegat li kien hemm nuqqas ta' konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus min-naħa tal-UE fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus ikkonkluda, fil-kawża C-32 tal-2017, li l-UE ma kinitx konformi mal-Artikolu 9, paragrafi 3 u 4 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja mill-membri tal-pubbliku.

Bħala segwitu, fl-2018 il-Kunsill adotta deċiżjoni li titlob lill-Kummissjoni tippreżenta studju dwar l-opzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu indirizzati s-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità u, jekk ikun xieraq fid-dawl tal-eżiti tal-istudju, tressaq proposta biex jiġi emendat ir-Regolament ta' Aarhus.

Fl-14 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament ta' Aarhus Nru 1367/2006 biex tippermetti skrutinju pubbliku aħjar tal-atti tal-UE li jaffettwaw l-ambjent. L-emendi proposti għandhom l-għan li jagħmluha eħfef li jintalab li l-istituzzjonijiet tal-UE jirrieżaminaw tali atti biex tiġi żgurata protezzjoni ambjentali aħjar.

Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar il-proposta fis-17 ta' Diċembru 2020, li ppermetta lill-Presidenza tal-Kunsill tibda negozjati ta' trilogu mal-Parlament Ewropew.

Fit-12 ta' Lulju 2021, il-Kunsill laħaq qbil proviżorju mal-Parlament Ewropew dwar il-proposta. Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-5 ta' Ottubru.

Il-passi li jmiss

It-test ser jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Frar 2025