"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 6 ta' Ottubru 2021

Riżultati ewlenin

Il-ministri għall-ambjent tal-UE ltaqgħu fil-Lussemburgu biex jaqsmu fehmiethom dwar il-pakkett Lesti għall-Mira ta' 55%, iħejju għas-summit dwar il-klima COP26 u jiddiskutu l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030. Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar modifiki għar-Regolament ta' Aarhus. Il-ministri ddiskutew ukoll iż-żieda attwali fil-prezzijiet tal-enerġija.

Summit dwar il-klima (COP26)

Il-ministri bdew il-laqgħa b'diskussjoni dwar it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li għandha ssir mill-31 ta' Ottubru sat-12 ta' Novembru fi Glasgow (COP26). Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-UE fil-laqgħa.

Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ġestjoni tat-Territorju tas-Slovenja
Id-dinja bħalissa mhix fit-triq it-tajba biex iżżomm it-tisħin globali taħt il-1.5 gradi. Huma meħtieġa ħafna aktar sforzi kollettivi biex it-temperatura tal-pjaneta tagħna tinżamm f'limiti sikuri. Fil-COP26 l-UE ser tappella lill-partijiet kollha għall-Ftehim ta' Pariġi biex jippreżentaw miri nazzjonali ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u biex il-pajjiżi żviluppati jżidu l-finanzjament internazzjonali għall-klima. Bil-konklużjonijiet adottati llum, l-UE mhux biss għandha r-rieda iżda mandat b'saħħtu biex tmexxi d-diskussjonijiet fid-direzzjoni t-tajba - id-direzzjoni li tipproteġi l-pjaneta għall-benefiċċju ta' kulħadd u tibqa' fuq in-naħa ta' dawk li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima.
Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ġestjoni tat-Territorju tas-Slovenja
Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ġestjoni tat-Territorju tas-Slovenja

Il-konklużjonijiet jappellaw lill-partijiet kollha, biex jippreżentaw Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs) ambizzjużi u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi ta' adattament b'mod kollettiv.

Il-Kunsill ifakkar li l-UE u l-istati membri tagħha huma l-kontributuri ewlenin fid-dinja tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-konklużjonijiet jikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jżidu l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament internazzjonali għall-klima u jistiednu pajjiżi żviluppati oħra biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom.

Il-Kunsill jistabbilixxi wkoll il-pożizzjoni tal-UE fir-rigward tal-finalizzazzjoni tal-Ġabra ta' Regoli għall-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari l-kooperazzjoni volontarja skont l-Artikolu 6 u kalendarju komuni għall-NDCs.

Pakkett Lesti għall-mira ta' 55%

Il-ministri għall-ambjent tal-UE kellhom l-ewwel dibattitu formali dwar il-pakkett Lesti għall-mira ta' 55%, b'enfasi partikolari fuq inizjattivi li jaqgħu taħt il-mandat tal-Kunsill Ambjent. Dawn il-proposti għandhom l-għan li jemendaw:

  • l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet
  • ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi
  • ir-Regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija
  • ir-Regolament li jistabbilixxi standards ta' emissjonijiet ta' CO2 għall-karozzi u l-vannijiet
  • u li jistabbilixxu Fond Soċjali ġdid għall-Klima
Minħabba n-natura trażversali tal-pakkett, nistgħu nistennew li d-diskussjonijiet ikunu kumplessi u – realistikament – jieħdu ż-żmien. B'mod ġenerali, l-istati membri jilqgħu l-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" peress li għandu l-għan li jipprovdi l-mezzi konkreti biex l-UE tissodisfa l-ambizzjoni klimatika akbar tagħha. Li wieħed jifhem l-interkonnessjonijiet bejn il-fajls għandu rwol vitali fil-valutazzjoni ta' jekk u kif il-partijiet kollha tal-pakkett jikkontribwixxu għal bilanċ ġenerali. Andrej Vizjak, Ministru għall-Ambjent u l-Ġestjoni tat-Territorju tas-Slovenja

Il-pakkett Lesti għall-mira ta' 55% għandu l-għan li l-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija jiġu f'konformità mal-objettiv tal-UE li tintlaħaq newtralità klimatika sal-2050 u l-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra netti b'mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Il-pakkett jikkonsisti minn serje ta' proposti marbuta mill-qrib ma' xulxin li jemendaw atti leġiżlattivi eżistenti jew inkella li jistabbilixxu inizjattivi ġodda f'firxa ta' oqsma ta' politika u setturi ekonomiċi.

Id-dibattitu ffoka fuq il-bilanċ u l-interkonnessjonijiet bejn id-diversi proposti, kif ukoll fuq il-kontribut tagħhom għall-akbar ambizzjoni klimatika tal-UE. Il-ministri taw il-fehmiet tagħhom dwar id-distribuzzjoni tal-isforzi bejn u fi ħdan l-istati membri u s-setturi ekonomiċi differenti involuti, u dwar l-impatt tal-proposti fuq iċ-ċittadini. Id-dibattitu indirizza b'mod partikolari l-estensjoni tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u t-trasport bit-triq.

Strateġija tal-UE għall-Foresti

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030. L-istrateġija hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tibni fuq l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030. Għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-bijodiversità.

Id-dibattitu ffoka prinċipalment fuq jekk l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti tirriflettix il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u jekk tipprovdix bażi tajba għall-UE biex fid-dinja tmexxi b'eżempju pożittiv għal dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Il-Kunsill ser jadotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija l-ġdida għall-foresti fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd f'Novembru.

Aċċess għall-Ġustizzja (Regolament ta' Aarhus)

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar emenda għar-Regolament ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. L-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill issegwi ftehim proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew f'Lulju 2021 u huwa l-pass finali tal-proċedura ta' adozzjoni.

Kwistjonijiet oħra

Fuq talba tal-Greċja, Spanja u l-Polonja, il-ministri ddiskutew iż-żieda attwali fil-prezzijiet tal-enerġija.

Il-kwistjoni tqiegħdet fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ottubru. Il-Kummissjoni ser tressaq Komunikazzjoni dwar il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew qabel id-diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew.

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri fuq rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar il-prodotti bijoċidali. Il-Belġju pprovda informazzjoni dwar il-ħtieġa għal azzjoni koordinata kontra l-PFAS u l-Ġermanja infurmat lill-ministri fuq konferenza ministerjali dwar l-iskart fil-baħar u t-tniġġis tal-plastik f'Ġinevra, imsejħa b'mod konġunt mill-Ekwador, il-Ġermanja, il-Ghana u l-Vjetnam bl-appoġġ tas-Segretarjat tal-UNEP.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Riżultati tal-votazzjonijiet tal-laqgħa

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025