Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 26 ta' Ottubru 2021 21:40

L-użu ta' trakkijiet mikrija – il-presidenza taqbel dwar regoli aktar ċari u flessibbli mal-Parlament Ewropew

[Stqarrija għall-istampa aġġornata fit-12 ta' Novembru 2021 biex tinkludi link għat-test wara l-approvazzjoni mill-Coreper]

Illum, in-negozjaturi mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar regoli riveduti għall-użu ta' vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija.

Ir-reviżjoni tiċċara r-regoli attwali, tarmonizza l-qafas legali u tiffaċilita r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta' vetturi bħal dawn. Iż-żieda fil-flessibbiltà għall-kiri ta' vetturi ser tagħmel l-operazzjonijiet tat-trasport aktar effiċjenti u tikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Barra minn hekk, il-vetturi mikrija għandhom it-tendenza li jkunu aktar ġodda, aktar sikuri u jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent.

Jernej Vrtovec, Ministru għall-Infrastruttura tas-Slovenja, President tal-Kunsill
Il-libertà usa' tal-kiri tal-vetturi ser tagħti lill-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija aktar flessibbiltà meta jkun hemm domanda massima jew meta tkun meħtieġa vettura ta' sostituzzjoni. Fl-istess ħin, tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u tipprovdi aktar opportunitajiet għan-negozji li jikru vetturi għall-użu professjonali. Peress li l-vetturi mikrija ta' spiss iniġġsu inqas, dawn ir-regoli jappoġġaw ukoll l-objettiv komuni tagħna li l-ekonomija ssir aktar ekoloġika.
Jernej Vrtovec, Ministru għall-Infrastruttura tas-Slovenja, President tal-Kunsill
Jernej Vrtovec, Ministru għall-Infrastruttura tas-Slovenja, President tal-Kunsill

X'ser jinbidel?

Bħalissa, id-Direttiva tiggarantixxi l-aċċess mill-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija għal vetturi mikrija biss meta dawn ikunu rreġistrati fl-istat membru fejn il-kumpanija jkollha s-sede tagħha.

Skont il-ftehim, l-istati membri mhux ser jitħallew jirrestrinġu l-użu fit-territorju tagħhom ta' vettura mikrija minn kumpanija tat-trasport tal-merkanzijastabbilita fi stat membru ieħor, dment li r-regoli rilevanti fl-istat membru ta' stabbiliment jiġu segwiti.

Peress li l-livell tat-taxxa fuq it-trasport bit-triq ivarja b'mod konsiderevoli fl-UE, l-istati membri xorta ser ikunu jistgħu jirrestrinġu, f'ċerti limiti, l-użu ta' vetturi mikrija fi stat membru ieħor mill-kumpaniji tagħhom stess. Dawn ir-restrizzjonijiet jikkonċernaw prinċipalment il-proporzjon ta' vetturi mikrija rreġistrati fi stat membru ieħor fil-flotta ta' kumpanija tat-trasport tal-merkanzija, kif ukoll it-tul tal-perjodu tal-kirja għal vettura mikrija minn barra l-pajjiż. Il-perjodu minimu garantit għall-kirja ta' vettura individwali rreġistrata fi stat membru ieħor huwa stabbilit għal xahrejn. Ser ikun hemm il-possibbiltà ta' garanzija ta' kontinġenza ta' mhux aktar minn 30 jum, jekk tkun meħtieġa mir-regoli nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi.

Biex itejbu l-infurzar, l-awtoritajiet kompetenti ser ikollhom jirreġistraw in-numri ta' reġistrazzjoni tal-vetturi mikrija minn stat membru ieħor fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tagħhom ta' impriżi tat-trasport bit-triq.

Meta ser jibdew japplikaw ir-regoli l-ġodda?

Il-pajjiżi tal-UE ser ikollhom jinkorporaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda fil-leġiżlazzjoni tagħhom 14-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva.

Dan jirrifletti l-iskeda ta' żmien għall-istabbiliment tal-miżuri ta' kontroll addizzjonali meħtieġa mill-ewwel Pakkett dwar il-Mobilità.

Proċedura u passi li jmiss

Il-proposta dwar vetturi mikrija hija parti mill-ewwel Pakkett dwar il-Mobilità, ippreżentat mill-Kummissjoni f'Mejju 2017 biex it-trasport isir aktar nadif, aktar kompetittiv u soċjalment ġust. Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu f'Ġunju 2021.

Il-ftehim proviżorju li ntlaħaq illum huwa soġġett għall-approvazzjoni mill-Kunsill. Issa ser jitressaq quddiem il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill (Coreper) għall-approvazzjoni.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Frar 2024