- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 26 ta' Marzu 2024 09:35
Appoġġ għall-bdiewa: il-Kunsill japprova rieżami mmirat tal-politika agrikola komuni
Illum ir-rappreżentanti tal-istati membri fil-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura approvaw rieżami mmirat ta' ċerti atti bażiċi tal-politika agrikola komuni (PAK) proposti mill-Kummissjoni Ewropea bħala tweġiba għat-tħassib espress mill-bdiewa.
Dan ir-rieżami jindirizza kwistjonijiet li nqalgħu, pereżempju, bl-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK u għandu l-għan li jwassal għal simplifikazzjoni, inaqqas il-piż amministrattiv, u jipprovdi flessibbiltà akbar għall-konformità ma' ċerti kundizzjonalitajiet ambjentali.
Smajna lill-bdiewa tagħna u ħadna azzjoni rapida biex nindirizzaw it-tħassib tagħhom fi żmien meta qed iħabbtu wiċċhom ma' bosta sfidi. Ir-rieżami mmirat tar-regoli jsib bilanċ tajjeb bejn l-iżgurar ta' flessibbiltà akbar għall-bdiewa u l-istati membri u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv, filwaqt li jinżamm ukoll livell għoli ta' ambizzjoni ambjentali fil-politika agrikola komuni.
David Clarinval, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Belġju għal dawk li Jaħdmu għal Rashom, l-SMEs u l-Agrikoltura, ir-Riformi Istituzzjonali u t-Tiġdid Demokratiku
Żgurar ta' rispons immirat
Ir-rieżami jindirizza ċerti elementi tar-regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK u r-regolament dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (l-hekk imsejjaħ "regolament orizzontali").
It-test jilħaq bilanċ għaqli bejn il-ħtieġa li jinżamm il-livell għoli ta' ambizzjoni ambjentali u klimatika fil-PAK attwali u li jiġi żgurat l-indirizzar tat-tħassib tal-bdiewa.
Adattament tal-kundizzjonalitajiet
Il-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura llum approva l-bidliet fl-istandards tal-Kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin (KAAT) proposti mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-KAAT huma sett ta' disa' standards ta' benefiċċju għall-ambjent u l-klima li japplikaw għall-bdiewa li jirċievu appoġġ skont il-PAK. Dawn l-istandards jissejħu wkoll kundizzjonalitajiet, minħabba r-rabta bejn ir-rispett ta' dawn ir-rekwiżiti u l-appoġġ ipprovdut lill-bdiewa.
Waħda mill-bidliet ewlenin hija li tiġi introdotta dispożizzjoni ġenerali li tippermetti lill-istati membri jagħtu derogi temporanji u mmirati minn ċerti rekwiżiti ta' kundizzjonalità fil-każ ta' kundizzjonijiet klimatiċi mhux previsti li jipprevjenu lill-bdiewa milli jikkonformaw magħhom. Darba fis-sena, l-istati membri ser ikollhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali derogi.
Barra minn hekk, qed jiġu introdotti eżenzjonijiet speċifiċi minn ċerti standards tal-KAAT, bħal:
- għall-KAAT 6 dwar il-kopertura tal-ħamrija matul perjodi sensittivi: l-istati membri ser ikollhom aktar flessibbiltà biex jiddeċiedu liema ħamrija jipproteġu u f'liema staġun, abbażi ta' speċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali
- għall-KAAT 7 dwar in-newba tal-għelejjel: in-newba tal-għelejjel ser tibqa' l-prattika ewlenija, iżda l-istati membri ser ikunu jistgħu jużaw id-diversifikazzjoni tal-għelejjel bħala alternattiva; dan huwa inqas eżiġenti għall-bdiewa, speċjalment f'żoni soġġetti għal nixfa jew għal ħafna xita
- għall-KAAT 8: il-bdiewa ser ikunu obbligati biss li jżommu l-karatteristiċi tal-pajsaġġ eżistenti u minn issa 'l quddiem ser jiġu mħeġġa, fuq bażi volontarja, iżommu r-raba' mistrieħ jew joħolqu karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ permezz ta' ekoskemi.
Ir-reviżjoni approvata teżenta wkoll azjendi agrikoli żgħar ta' inqas minn 10 ettari minn kontrolli u penali relatati mal-konformità mar-rekwiżiti ta' kundizzjonalità skont il-PAK.
Peress li dan jikkonċerna 65% tal-benefiċjarji tal-PAK iżda jammonta biss għal madwar 10% tal-art agrikola, dan ser inaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv relatat mal-kontrolli kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, filwaqt li jżomm l-għanijiet ambjentali.
Aktar flessibbiltà għall-istati membri u l-bdiewa
F'konformità mat-talbiet preċedenti tal-istati membri, ir-rieżami ser jiżgura li l-pajjiżi tal-UE issa jkunu jistgħu jemendaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom darbtejn fis-sena fuq bażi permanenti, minflok darba, kif inhu bħalissa.
Dan ser jipprovdi lill-istati membri bi flessibbiltà akbar biex jindirizzaw il-kundizzjonijiet li qed jinbidlu. Barra minn hekk, xorta ser ikun possibbli li jkun hemm tliet talbiet addizzjonali għal bidliet matul il-perjodu kollu ta' programmazzjoni.
Passi li jmiss
Il-president tal-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura issa ser jibgħat l-ittra ta' offerta lill-Parlament Ewropew.
Il-Kumitat għall-Agrikoltura tal-Parlament Ewropew iddeċieda li juża l-proċedura b'urġenza għal din il-proposta. Il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari hija mistennija li tiġi adottata fil-plenarja tagħhom bejn it-22 u l-25 ta' April 2024.
Ir-regolament imbagħad għandu jiġi adottat formalment mill-Kunsill u jiġi ffirmat mir-rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Jekk kollox imur kif ippjanat, ir-regolament jidħol fis-seħħ sa tmiem din ir-rebbiegħa.
Minħabba ż-żmien estremament qasir bejn l-adozzjoni tal-proposta mill-Kummissjoni (15 ta' Marzu 2024) u d-dħul fis-seħħ previst tagħha, dan juri l-impenn tat-tliet istituzzjonijiet biex jindirizzaw malajr is-sitwazzjoni attwali tal-bdiewa Ewropej.
Informazzjoni ġenerali
Matul il-laqgħa tiegħu tas-26 ta' Frar 2024, il-Kunsill Agrikoltura u Sajd ikkonferma r-rieda politika tiegħu li jwieġeb b'mod effettiv għat-tħassib espress mill-bdiewa u ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ bi proposta biex temenda r-regolamenti tal-PAK b'mod immirat.
Fil-15 ta' Marzu 2024, il-Kummissjoni (il-Kummissarju għall-Agrikoltura, Janusz Wojciechowski) ippubblikat il-proposta tagħha.
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
- Proposta tal-Kummissjoni
- Mistoqsijiet u Tweġibiet mill-Kummissjoni (informazzjoni ġenerali)
Kuntatti għall-istampa
-
Magdalena Walczak-Jarosz Press officer
- +32 471 33 57 03
- +32 2 281 80 79
- @Magda_Brussels
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025