Is-suq uniku tal-UE
Is-suq uniku jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni. Dan jiffaċilita l-ħajja ta' kuljum, jistimula t-tkabbir u jagħti spinta lill-innovazzjoni.
Is-suq uniku tal-UE: benefiċċji, fatti u ċifri
Stabbilit fl-1993, is-suq uniku tal-UE huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea. Huwa jiggarantixxi li l-merkanzija, is-servizzi, il-persuni u l-kapital ikunu jistgħu jiċċaqilqu b'mod liberu fit-territorju kollu tal-UE: l-"erba' libertajiet".
Is-suq uniku jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jgħixu u jaħdmu madwar l-UE, u jipprovdilhom opportunitajiet ta' xogħol aħjar. Dan joffri lill-konsumaturi għażla usa' ta' servizzi u prodotti ta' kwalità għolja li jistgħu jafdaw bħala sikuri u li jirrispettaw l-ambjent.
Is-suq uniku jistimula l-kummerċ, peress li jagħmel lill-UE sieħba kummerċjali aktar importanti fil-livell globali. Dan jixpruna t-tkabbir u l-kompetizzjoni u joħloq opportunitajiet ġodda għan-negozji tal-UE, filwaqt li jagħtihom aċċess għal suq domestiku ta' 449 miljun konsumatur.
Meta wieħed iħares lejn il-futur, is-suq uniku huwa:
- strument kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tal-UE
- fil-qalba tal-istrateġija industrijali l-ġdida tal-UE
- xprun għall-kompetittività, it-tkabbir u l-irkupru tal-UE mill-kriżi tal-COVID-19
Programm tas-suq uniku tal-UE 2021-2027
F'April 2021, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw il-programm tas-suq uniku tal-UE għas-snin 2021 sal-2027.
L-objettivi ewlenin tal-programm huma li:
- iżid l-effettività tas-suq uniku
- jappoġġa l-kompetittività tan-negozji tal-UE, b'mod partikolari l-SMEs
- jiffaċilita l-iżvilupp ta' standards Ewropej effettivi
- jagħti s-setgħa lill-konsumaturi u jipproteġihom
- jiżgura katina tal-ikel sostenibbli u sikura
- jippromwovi s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u jappoġġa t-trattament xieraq tal-annimali
- jistabbilixxi qafas għall-finanzjament ta' statistika ta' kwalità għolja
Il-programm il-ġdid jikkonsolida fi programm wieħed firxa ta' attivitajiet li qabel kienu ffinanzjati separatament sabiex jiġu ġestiti b'mod aktar effiċjenti. Jinkludi wkoll inizjattivi ġodda biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku.
Il-baġit totali tal-programm huwa ta' €4.2 biljun.
- Il-Kunsill jadotta pożizzjoni dwar il-programm tas-suq uniku ta' €4.2 biljun għall-2021-2027 (stqarrija għall-istampa, 13 ta' April 2021)
- Programm għas-suq uniku (Kummissjoni Ewropea)
- Appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (informazzjoni ġenerali)
- Protezzjoni tal-konsumatur (informazzjoni ġenerali)
Storja Ewropea ta' suċċess
Fl-2023, is-suq uniku ċċelebra t-30 anniversarju tiegħu. Għal aktar minn tliet deċennji, is-suq uniku kien mutur ta' tkabbir ekonomiku u għamel ħajjet in-nies ħafna aktar faċli.
Is-suq uniku tal-UE f'ċifri:
- fl-2021, il-PDG tas-suq uniku kien ta' €14 522 biljun
- 17-il miljun ċittadin tal-UE jgħixu jew jaħdmu f'pajjiż tal-UE li mhux tagħhom
- il-kummerċ fis-suq uniku jammonta għal 56 miljun impjieg
It-30 anniversarju tas-suq uniku tal-UE (Infografika)
Is-suq uniku bħala strument kruċjali għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali
Suq uniku ekoloġiku
Is-suq uniku jista' jaqdi rwol deċiżiv fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u li tirrispetta aktar lill-klima. L-UE ħadet inizjattivi biex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tagħha biex timmassimizza l-opportunitajiet kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi. Bil-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jistabbilixxi l-għan li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050, l-UE daħħlet fis-seħħ qafas ġdid biex tittrasforma s-suq uniku.
Ekodisinn għal prodotti sostenibbli
F'Mejju 2024, il-Kunsill adotta rekwiżiti ġodda tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli.
Ir-regolament il-ġdid jistabbilixxi rekwiżiti minimi għal kważi l-prodotti kollha li jinbiegħu fis-suq tal-UE. Dawn jinkludu:
- id-durabbiltà, il-possibbiltà ta' użu mill-ġdid, ta' titjib fil-kwalità u ta' tiswija tal-prodotti
- il-possibbiltajiet ta' manifattura mill-ġdid u ta' riċiklaġġ
- l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi
Ir-regolament jinkludi wkoll "passaport diġitali tal-prodotti" ġdid li jipprovdi lin-negozji u lill-konsumaturi b'informazzjoni dwar l-impatt ambjentali ta' prodott.
Il-passaport ser jagħmilha aktar faċli biex il-prodotti jiġu riċiklati u msewwija u biex jiġu traċċati sustanzi perikolużi tul il-katina tal-provvista.
Suq uniku diġitali
Is-suq uniku diġitali għandu l-għan li jneħħi l-ostakli li ċ-ċittadini u n-negozji jiffaċċaw meta jużaw għodod u servizzi online. Billi jneħħi d-differenzi ewlenin bejn id-dinja online u dik offline, is-suq uniku diġitali jiftaħ opportunitajiet ġodda għan-negozji u joħloq ambjent li fih is-servizzi diġitali jistgħu jirnexxu.
Bil-pakkett tas-servizzi diġitali, il-Kummissjoni ppreżentat aġġornament tal-qafas legali tal-UE f'Diċembru 2020 biex tlaħħaq mat-teknoloġiji, il-mudelli tan-negozju u s-servizzi diġitali li qed jinbidlu b'pass bla preċedent.
Il-pakkett jikkonsisti fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA). Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jirregolaw aħjar l-ispazju diġitali u s-servizzi diġitali, inkluż il-pjattaformi tal-media soċjali.
Att dwar is-Servizzi Diġitali
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu l-għan li joħloq spazju diġitali aktar sikur għall-utenti u l-kumpaniji, u li jipproteġi d-drittijiet fundamentali fl-ambjent diġitali. Il-Kunsill adotta d-DSA f'Ottubru 2022.
Att dwar is-Swieq Diġitali
L-Att dwar is-Swieq Diġitali jiffoka fuq l-iżgurar ta' kondizzjonijiet ekwivalenti għall-kumpaniji diġitali kollha biex jiġi garantit settur diġitali kompetittiv u ġust filwaqt li jitrawmu t-tkabbir u l-innovazzjoni. Il-Kunsill adotta d-DMA f'Lulju 2022.
Strateġija industrijali tal-UE
F'Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ġdid dwar il-politika industrijali li inkluda strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa.
Fl-isfond tal-pandemija tal-COVID-19, f'Mejju 2021, il-Kummissjoni aġġornat il-komunikazzjoni tagħha dwar strateġija industrijali ġdida tal-UE, wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Settembru 2020 dwar kif jista' jiġi approfondit is-suq uniku tal-UE għal irkupru b'saħħtu u Ewropa kompetittiva u sostenibbli.
Il-Kummissjoni tenniet il-prijoritajiet tagħha tal-2020, iżda ppreżentat miżuri ġodda għal suq uniku aktar b'saħħtu, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi.
L-istrateġija industrijali aġġornata tiffoka fuq:
- it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-suq uniku fil-konfront tat-tfixkil
- l-indirizzar tad-dipendenzi strateġiċi teknoloġiċi u industrijali tal-UE
- it-tħaffif tat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika tal-industrija
Reżiljenza tas-suq uniku
Kriżijiet reċenti wrew il-ħtieġa ta' suq uniku li jiffunzjona tajjeb. B'mod speċjali fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, l-UE qed taħdem biex tagħti spinta lill-awtonomija strateġika tagħha biex tiżgura l-ktajjen tal-provvista u tnaqqas id-dipendenzi esterni.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew identifikaw il-kisba ta' awtonomija strateġika filwaqt li tinżamm ekonomija miftuħa bħala objettiv ewlieni tal-Unjoni. L-awtonomija strateġika ġiet definita b'mod wiesa' bħala t-tnaqqis tad-dipendenzi esterni f'oqsma strateġiċi.
L-UE ħadet miżuri biex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq uniku, issostni l-investiment u tappoġġa lin-negozji.
Att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern
F'Settembru 2024, il-Kunsill adottat l-att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern (IMERA).
L-objettiv tal-IMERA huwa li jantiċipa, iħejji u jirreaġixxi għall-impatt ta' kriżijiet futuri bl-użu tas-saħħa tas-suq intern.
Filwaqt li jibni fuq it-tagħlimiet meħuda minn emerġenzi bħall-COVID-19, il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi tal-provvista tal-enerġija, il-mekkaniżmu l-ġdid ser isaħħaħ is-suq intern fi żminijiet ta' kriżi billi:
- jiffaċilita l-moviment ta' oġġetti, servizzi u persuni
- jimmonitorja l-ktajjen ta' provvista
- jiżgura l-aċċess għal oġġetti kritiċi
- Tħejjija għall-kriżijiet: il-Kunsill jadotta l-att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern (stqarrija għall-istampa, 26 ta' Settembru 2024)
- Att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern (informazzjoni ġenerali)
- Kif l-UE twieġeb għall-kriżijiet u tibni r-reżiljenza (informazzjoni ġenerali)
Liċenzjar obbligatorju
L-UE qed taħdem fuq regoli ġodda għal liċenzjar obbligatorju applikabbli fl-Unjoni kollha f'każ ta' kriżi.
Liċenzja obbligatorja hija l-possibbiltà għal gvern li jippermetti lil parti terza tuża privattiva mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-privattiva.
Bħalissa, il-mekkaniżmi ta' liċenzjar obbligatorji huma rregolati fil-livell nazzjonali. F'każ ta' kriżijiet jew emerġenzi transfruntiera dan jista' jfixkel il-moviment liberu ta' prodotti jew servizzi kritiċi fis-suq intern jew jipproduċi nuqqasijiet ta' ċerti provvisti f'xi stati membri.
Il-liċenzjar obbligatorju għandu jingħata biss wara l-attivazzjoni ta' modalità ta' emerġenza jew ta' kriżi fil-livell tal-UE.
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-regolament fis-26 ta' Ġunju 2024.
Monitoraġġ tas-suq uniku
Wara l-appell tal-Kunsill biex tiġi vvalutata r-reżiljenza tas-suq uniku, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport annwali dwar is-suq uniku fl-2021, li janalizza l-impatt tal-kriżi fuq is-suq uniku, inkluż fuq l-14-il ekosistema industrijali. Ir-rapport jinkludi wkoll indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jiġi analizzat l-iżvilupp ekonomiku u jiġi mmonitorjat il-progress miksub.
Fi Frar 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat it-tieni rapport annwali tagħha dwar is-suq uniku. Dan ir-rapport jiddeskrivi l-istat tas-suq uniku, filwaqt li jiffoka b'mod partikolari fuq l-irkupru ekonomiku wara l-kriżi tal-COVID-19 u jidentifika l-ħtiġijiet ta' investimenti li jagħmlu s-suq uniku aktar reżiljenti.
Ir-rapport annwali dwar is-suq uniku ppubblikat f'Jannar 2023 ifakkar it-30 anniversarju tas-suq uniku. Dan janalizza r-rwol tas-suq uniku fil-kuntest ġeopolitiku attwali u jiddeskrivi kif itejjeb il-kompetittività tal-UE u jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.
Ir-rapport tal-2024 jagħti dettalji dwar is-saħħa u l-isfidi kompetittivi tas-suq uniku u jsegwi l-progress skont sett ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni identifikati fl-2023.
Ir-rwol tal-Kunsill fl-approfondiment tas-suq uniku tal-UE
Il-Kunsill Ewropew jipprovdi gwida politika dwar il-politiki tal-UE. L-aġenda strateġika ġdida tal-Kunsill Ewropew għall-UE għall-2019-2024 tidentifika s-suq uniku bħala assi ewlieni fl-iżvilupp tal-bażi ekonomika tal-UE.
Il-mexxejja tal-UE talbu wkoll għal approċċ aktar integrat li jgħaqqad il-politiki rilevanti kollha u jneħħi kull ostaklu mhux ġustifikat li fadal.
Il-Kunsill Kompetittivitàhuwa responsabbli biex jipprovdi kontribut strateġiku mill-perspettiva tal-istati membri. Jissorvelja wkoll l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti.
Fil-każ ta' proposti leġiżlattivi, il-Kunsill jadotta leġiżlazzjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jiddeċiedu bħala koleġiżlaturi.
It-taskforce għall-infurzar fis-suq uniku (SMET) tipprovdi forum li fih il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni jistgħu jiddiskutu kif jindirizzaw l-ostakli li għadhom jippersistu fis-suq uniku. Stabbilita fl-2020, l-għan tat-taskforce huwa li tiffaċilita l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku.
F'Mejju 2024, il-Kunsillappella għal strateġija ġdida biex jissaħħaħ is-suq intern tal-UE li tiffoka fuq:
- qafas regolatorju aktar effiċjenti adattat għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u r-realitajiet globali li qed jinbidlu b'pass mgħaġġel
- it-tisħiħ tal-erba' libertajiet
- l-użu tas-suq uniku bħala setgħa ta' standardizzazzjoni globali