"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Barranin (Difiża), 17 ta' Mejju 2022
Riżultati ewlenin
Ir-riżultat tal-analiżi tagħna tad-diskrepanza fl-investimenti fid-difiża huwa li l-Ewropej jeħtieġ li jonfqu flimkien aktar u aħjar. Li nonfqu flimkien huwa l-aħjar mod kif nonfqu aħjar.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Ġrajjiet kurrenti
Ir-Rappreżentant Għoli aġġorna lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fil-Mali.
Fid-dawl tan-nuqqas ta' garanziji mill-awtoritajiet ta' tranżizzjoni dwar in-nuqqas ta' interferenza minn merċenarji Russi mal-forzi armati tal-Mali mħarrġa bil-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE, u x-xejra dejjem tikber ta' kollużjoni u allegazzjonijiet ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill iddeċieda li jikkonferma d-deċiżjoni proviżorja li ttieħdet f'April li jissospendi t-taħriġ operazzjonali għal unitajiet tal-forzi armati u l-gwardja nazzjonali tal-Mali. L-UE ssospendiet ukoll il-konsenja ta' tagħmir militari taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li kienet fi triqitha.
Madankollu, l-UE mhijiex ser tabbanduna s-Saħel, u ser tirriloka r-riżorsi militari lejn il-pajjiżi ġirien.
Fil-ġimgħat li ġejjin ser jiġi ppreżentat rieżami strateġiku tal-EUTM Mali.
Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK fl-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika
Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika. Din fiha aktar minn 80 azzjoni konkreta bi skedi taż-żmien ċari biex dawn jitwettqu, li 51 minnhom iridu jiġu implimentati sa tmiem l-2022.
Il-Kunsill iffoka b'mod partikolari fuq kif l-UE tista' tadatta l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tagħha, u tagħmilhom aktar effettivi. Id-diskussjoni enfasizzat il-ħtieġa li jkun hemm aktar flessibbiltà meta jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-sħab, aktar taħriġ immirat, akkumpanjament, tagħmir, u adattabbiltà għall-ambjent tas-sigurtà. Pereżempju, opzjoni minnhom tista' tkun l-awtorizzazzjoni ta' kompiti eżekuttivi, bħall-akkumpanjament. Il-ministri saħqu fuq l-importanza tal-prevenzjoni tal-kriżijiet, billi s-sħab jiġu offruti taħriġ, pariri jew tagħmir qabel ma jfeġġ kunflitt, bil-ħidma possibbilment issir f'timijiet iżgħar u aktar aġli.
Il-ministri għad-difiża tal-UE ddiskutew l-aggressjoni Russa li tinsab għaddejja kontra l-Ukrajna bil-parteċipazzjoni tal-Viċi Segretarju Ġenerali tan-NATO, Mircea Geoană, u l-Ministru għad-Difiża tal-Ukrajna, Oleksii Reznikov. Reznikov informa lill-ministri dwar is-sitwazzjoni fuq il-post u l-ħtiġijiet tal-armata Ukrena, li l-UE tkompli tappoġġa.
Ir-Rappreżentant Għoli saħaq li l-appoġġ tal-UE qed jagħmel differenza fil-kamp tal-battalja, u li l-UE jeħtieġ li tkompli bl-isforz u terġa' timla r-riżorsi u l-ħażniet tal-Ukrajna.
Huwa ħabbar ukoll li segment addizzjonali ta' €500 miljun taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi dalwaqt ser iżid għal €2 biljun l-appoġġ militari totali tal-UE lill-forzi armati Ukreni mill-bidu tal-invażjoni tar-Russja.
Il-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) ser tibda l-iskjerament mill-ġdid tagħha fi Kiev. Hija żviluppat żewġ fergħat ta' ħidma addizzjonali, relatati mal-appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra.
Bord ta' tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
Il-bord ta' tmexxija ministerjali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) ltaqa' qabel il-laqgħa tal-Kunsill.
Huwa ddiskuta l-analiżi "Scoping EU defence investment gaps" (Evalwazzjoni tad-diskrepanzi fl-investimenti fid-difiża tal-UE) li l-aġenzija pproduċiet kif mitlub mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fil-laqgħa informali tagħhom f'Versailles fl-10 u l-11 ta' Marzu 2022. Il-bord ta' tmexxija approva wkoll l-istabbiliment ta' Ċentru ta' Innovazzjoni fid-Difiża tal-UE (HEDI) fi ħdan l-EDA.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.