- Kunsill Affarijiet Barranin
Kunsill Affarijiet Barranin (Kummerċ), 3 ta' Ġunju 2022
Riżultati ewlenin
Riforma tad-WTO u tħejjija tat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO
Il-ministri ddiskutew it-tħejjija tat-12-il konferenza ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (MC12), li ser issir f'Ġinevra mit-12 sal-15 ta' Ġunju 2022 fil-kuntest tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u tal-pandemija tal-COVID-19.
Il-ministri esprimew appoġġ ġenerali għal-linja ta' azzjoni proposta mill-Kummissjoni għat-12-il konferenza ministerjali, b'mod partikolari rigward l-eżiti previsti, bħal:
- dikjarazzjoni ministerjali dwar ir-rispons tad-WTO għall-isfidi għall-kummerċ dinji, fost l-oħrajn ir-riforma tal-organizzazzjoni, is-soluzzjoni tat-tilwim, l-iżvilupp u l-ambjent
- dikjarazzjoni dwar ir-rispons tad-WTO għall-pandemija, kif ukoll deċiżjoni dwar id-deroga mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS)
- deċiżjonijiet rigward is-sigurtà tal-ikel, flimkien ma' programmi ta' ħidma bil-ħsieb li jsir progress fuq it-13-il konferenza ministerjali dwar ir-riforma fl-agrikoltura
- il-konklużjoni tan-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd
- estensjoni tal-moratorju fuq il-kummerċ elettroniku sal-MC13
Il-ministri esprimew ukoll is-solidarjetà tagħhom mal-Ukrajna u t-tħassib tagħhom dwar l-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni Russa, bl-appoġġ tal-Belarussja, kontra l-Ukrajna fuq il-kummerċ dinji u r-riżultati futuri tal-MC12.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin (Kummerċ) ser jerġa’ jiltaqa’ f’Ġinevra fit-12 ta’ Ġunju fil-marġini tal-konferenza ministerjali tad-WTO, kif ukoll fi tmiemha.
Relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-istat attwali tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-iżviluppi reċenti, inkluż ir-riżultati tat-12-il laqgħa tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti (TTC), li saret fis-16 ta' Mejju f'Pariġi-Saclay, u l-prospetti għall-futur.
Il-ministri ssottolinjaw il-momentum pożittiv fir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti. Fir-rigward tal-iżviluppi reċenti, il-ministri enfasizzaw li l-konsegwenzi tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fuq is-sitwazzjoni ġeopolitika jagħmlu r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti saħansitra aktar importanti. F'dan il-kuntest, il-ministri esprimew ir-rieda tagħhom li jmexxu 'l quddiem programm trans-Atlantiku kostruttiv li jħares 'il quddiem.
Il-Kunsill laqa' l-ħidma tat-TTC bħala fattur importanti biex titrawwem kultura ta' kooperazzjoni b'rispett sħiħ tar-regolamentazzjoni awtonoma tal-UE u tal-Istati Uniti.
Il-ministri esprimew l-impenn tagħhom li jkomplu l-ħidma intensiva tagħhom, bil-ħsieb li jiksbu aktar riżultati konkreti sal-laqgħa li jmiss tat-TTC, li ser issir qabel tmiem is-sena.
Sabiex jinżamm il-momentum pożittiv attwali fir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali, il-ministri enfasizzaw l-importanza li titkompla l-ħidma fuq is-soluzzjoni definittiva tat-tilwim eżistenti (pereżempju fil-każ tas-sussidji tal-Airbus/Boeing u d-dazji fuq l-azzar u l-aluminju fit-"Taqsima 232") u li jiġi evitat li jitfaċċaw ostakli ġodda għall-kummerċ bilaterali.
Sabiex jinżamm il-momentum pożittiv attwali fir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali, il-ministri enfasizzaw l-importanza li titkompla l-ħidma fuq is-soluzzjoni finali tat-tilwim eżistenti (eż. is-sussidji tal-Airbus/Boeing u t-tariffi Ewropej tal-azzar u tal-aluminju taħt it-“Taqsima 232”) u li jiġi evitat li jitfaċċaw ostakli ġodda għall-kummerċ bilaterali.
Relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina
Il-ministri eżaminaw l-iżviluppi reċenti u l-orjentazzjonijiet ewlenin fir-relazzjonijiet kummerċjali maċ-Ċina, b'mod partikolari mil-lat tad-Djalogu Ekonomiku u Kummerċjali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina.
Il-ministri affermaw mill-ġdid il-konklużjonijiet tas-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tal-1 ta' April 2022, fejn l-UE enfasizzat il-ħtieġa li jiġi indirizzat tħassib li ilu jeżisti marbut mal-aċċess għas-suq u mal-kondizzjonijiet ta' investiment fiċ-Ċina, sabiex jiġu żgurati relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bilanċjati. Dakinhar, il-mexxejja tal-UE u taċ-Ċina inkarigaw ukoll lid-djalogu ekonomiku u kummerċjali ta' livell għoli biex isib modi konkreti għall-progress fuq dawn il-kwistjonijiet qabel is-sajf. Il-ministri ddiskutew ukoll l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment fiċ-Ċina, fost l-oħrajn il-miżuri koerċittivi kontra l-Litwanja.
Fl-aħħar nett, il-ministri nnotaw l-importanza ta' involviment qawwi maċ-Ċina, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE permezz ta' miżuri awtonomi.
Negozjati kummerċjali bilaterali
Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati bilaterali kummerċjali li għaddejjin, b'mod partikolari dawk ma' New Zealand, l-Awstralja, l-Indoneżja u l-Indja. Il-Kunsill iddiskuta wkoll is-sitwazzjoni attwali tal-ħidma dwar l-abbozz ta' ftehimiet mal-Messiku, iċ-Ċilì u l-Mercosur. Il-ħidma tal-Kunsill dwar dawn il-ftehimiet ser tkompli.
Il-Kunsill irrifletta dwar azzjonijiet konkreti biex jittejbu l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u l-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ. Il-ministri ssottolinjaw l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva ta' dawk il-ftehimiet kummerċjali kemm għan-negozji Ewropej kif ukoll għas-soċjetà ċivili. Huma kellhom ukoll skambju ta’ fehmiet dwar ir-rieżami li għaddej tal-approċċ tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli fi ftehimiet kummerċjali.
Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni il-punti li kienu fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #FAC
Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025