"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Barranin (Difiża), 19 ta' Novembru 2024
Riżultati ewlenin
Ippermettuli nagħti ħarsa lejn dak li wettaqna matul dawn l-aħħar ħames snin.
L-ewwel nett, daħħalna fis-seħħ il-Faċilità Ewropea għall-Paċi. U permezz tagħha, ipprovdejna appoġġ mhux biss lill-Ukrajna, iżda lil aktar minn 20 pajjiż madwar id-dinja. […] It-tieni nett, qbilna dwar il-Boxxla Strateġika. [...] Din ġiet approvata bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin li r-Russja nediet l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. Dak iż-żmien, ħadd ma kien qed jitkellem dwar is-sigurtà u d-difiża. Kienet l-ewwel darba li nedejna l-idea li s-sigurtà u d-difiża kellhom ikunu fuq quddiem nett fl-aġenda tal-UE. It-tielet, saħħaħna l-kapaċitajiet tagħna dwar it-theddid ċibernetiku u ibridu. Tejjibna l-kapaċitajiet tad-difiża tagħna u saħħaħna l-industrija Ewropea tad-difiża.
Flimkien mal-Kummissarju Breton, ippubblikajna l-Istrateġija Industrijali Ewropea tad-Difiża, u poġġejna l-industrija tad-difiża bħala prijorità fl-iżvilupp tas-setturi industrijali. Nedejna missjonijiet u operazzjonijiet importanti għall-ġestjoni tal-kriżijiet fil-Baħar l-Aħmar, fil-Mediterran, fil-Mozambique, fil-Moldova u fl-Armenja u ħarriġna madwar 70 000 suldat Ukren. Id-Danimarka abbandunat in-nonparteċipazzjoni tagħha fid-difiża u ngħaqdet mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Sħab ġodda minn barra l-UE qed ifittxu li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Appoġġ tal-UE għall-Ukrajna
Il-Kunsill Affarijiet Barranin, fil-konfigurazzjoni tiegħu tad-Difiża, iddiskuta l-appoġġ militari tal-UE għall-Ukrajna.
Wara d-diskussjoni interna tal-UE-27, il-Ministri għad-Difiża tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte, li ngħaqad personalment għall-ewwel darba, mal-Ministru għad-Difiża tal-Ukrajna, Rustem Umerov, u mal-konsulent għall-President Zelenskyy dwar l-Affarijiet Strateġiċi, Alexander Kamyshin, permezz ta' vidjokonferenza.
Id-destin tal-Ukreni ser jiddetermina d-destin tal-Unjoni Ewropea. U jekk Putin jirnexxi fl-Ukrajna, ser inħallsu kont għoli ħafna - ogħla minn kwalunkwe tip ta' appoġġ militari li nistgħu nipprovdu llum.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Matul id-diskussjoni r-Rappreżentant Għoli enfasizza li l-appoġġ militari mill-UE u l-istati membri tagħha issa laħaq aktar minn €45 biljun, u li l-UE kważi laħqet l-objettiv li tikkonsenja miljun balla ta' munizzjon tal-artillerija lill-Ukrajna.
Il-Ministri għad-Difiża tal-UE semmew il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, l-użu tat-tieni segment tal-hekk imsejħa profitti mhux mistennija (jiġifieri profitti netti li jirriżultaw minn dħul mhux mistenni u straordinarju li jakkumula għad-depożitorji ċentrali tat-titoli fl-UE, bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE), u l-appoġġ kontinwu għat-taħriġ permezz tal-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine).
Stat ta' tħejjija u preparazzjoni fir-rigward tad-difiża
Il-Kunsill kellu diskussjoni dwar l-istat ta' tħejjija u preparazzjoni fir-rigward tad-difiża, fl-isfond tar-rapport "Strengthening Europe's civil and military preparedness and readiness" ippreżentat fit-30 ta' Ottubru minn Sauli Niinistö – eks President tar-Repubblika tal-Finlandja u Konsulent Speċjali għall-President tal-Kummissjoni Ewropea – li attenda l-laqgħa tal-Kunsill għal skambju ta' fehmiet mal-Ministri għad-Difiża tal-UE.
Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza li jeħtieġ li l-UE tonfoq aktar, tonfoq aħjar u tonfoq ukoll b'mod aktar Ewropew. Enfasizza wkoll li l-Bank Ewropew tal-Investiment jista' jkollu rwol kruċjali fl-appoġġ tal-inizjattivi tad-difiża, u li huwa imperattiv li l-UE timplimenta l-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea mingħajr dewmien, u tadotta l-Programmgħall-Industrija tad-Difiża Ewropea sa nofs l-2025.
Fid-diskussjoni li segwiet, il-Ministri għad-Difiża tal-UE rrieżaminaw l-isforzi tagħhom biex isaħħu t-tħejjija tal-UE għad-difiża u l-preparazzjoni ġenerali kontra l-kriżijiet.
Id-diskussjoni ministerjali ser tikkontribwixxi għat-tħejjijiet għall-White Paper li jmiss dwar il-futur tad-Difiża Ewropea.
Konklużjonijiet tal-Kunsill
Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar ir-rieżami strateġiku tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO).
Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
Il-Ministri għad-Difiża tal-UE ltaqgħu fil-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), ippresedut mir-Rappreżentant Għoli Borrell fil-kapaċità tiegħu bħala Kap tal-Aġenzija.
Minbarra l-baġit ġenerali tal-EDA għall-2025, it-tabella tal-persunal, u l-qafas ta' ppjanar ta' tliet snin, il-ministri approvaw ir-rapport tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) tal-2024, li jippreżenta s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin abbażi ta' analiżi tal-infiq għad-difiża u l-pjanijiet ta' difiża tal-istati membri, inkluż l-allinjament tagħhom mal-prijoritajiet tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE għall-2023.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.