Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 18 ta' Marzu 2014

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ser jiffoka fuq l-Ukraina, il-kompetittività tal-industrija u l-enerġija

Il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-18 ta' Marzu kkonċentrat fuq it-tħejjija tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li jmiss, jiġifieri fl-20-21 ta' Marzu.

Spinta lit-tkabbir ekonomiku permezz tal-kompetittività tal-industrija

Il-fokus prinċipali, minbarra d-diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, ser ikun fuq l-ekonomija, inkluż it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi. "It-tisħiħ tal-kompetittività industrijali bħala prekondizzjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi hija prijorità ewlenija għall-Presidenza Griega u għas-soċjetajiet Ewropej kollha", qal Evangelos Venizelos, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Greċja.

Il-klima u l-enerġija ser jiġu diskussi b'rabta mal-kompetittività tal-industrija. Il-Kunsill ser jeżamina kif jistgħu jiġu implimentati politiki li jipprovdu prezzijiet tal-enerġija abbordabbli biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea u sostenn għat-tkabbir ekonomiku. Jeħtieġ li jiġu indirizzati d-differenzi fil-prezzijiet tal-enerġija meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-pajjiżi Ewropej. Il-Kunsill ser jiddiskuti wkoll dwar kif jistgħu jiġu żgurati s-sigurtà u d-diversità tal-enerġija u dwar kif tista' titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi terzi.

Il-Kunsill Ewropew ser ukoll jikkonkludi l-ewwel fażi tas-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu ta' nofs sena tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika bejn l-Istati Membri.

Mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni

Abbażi tal-ħidma mwettqa fil-Kunsill u t-trilogi mal-Parlament Ewropew, il-mexxejja ser jevalwaw ir-riżultati tal-ħidma leġislattiva u l-Konferenza Intergovernattiva.

Taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil

Il-Kunsill jistenna li l-mexxejja tal-UE jappellaw għall-adozzjoni ta' direttiva biex jissaħħu r-regoli tal-UE dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa.

Relazzjonijiet UE-Afrika

Il-Ministri ddiskutew ukoll it-tħejjija għas-summit UE-Afrika li jmiss, fejn il-Kunsill jixtieq li l-mexxejja jiffukaw fuq il-paċi u s-sigurtà.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Matul l-ikla ta' nofsinhar, il-Ministri kellhom skambju ta' fehmiet mal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Semestru Ewropew

Il-Ministri approvaw ukoll ir-rapport ta' sintesi tal-Presidenza dwar is-Semestru Ewropew 2014 stabbilit abbażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT). L-istħarriġ jiddeskrivi l-prijoritajiet ekonomiċi ġenerali tal-UE għas-sena li jmiss u, b'mod aktar ġenerali, jagħti indikazzjoni dwar liema azzjoni hi meħtieġa biex tiġi implimentata l-istrateġija Ewropa 2020.

Mekkaniżmu tal-istat tad-dritt

Viviane Reding, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, introduċiet inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni li tissalvagwardja l-istat tad-dritt fit-28 stat membru. L-inizjattiva għandha l-għan li tissalvagwardja aħjar il-valuri fundamentali tal-Unjoni, għall-protezzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fil-livell nazzjonali fl-Unjoni.

Hija tistabbilixxi għodda ta' twissija bikrija għall-prevenzjoni taż-żieda fil-ksur tal-liġi tal-UE u l-applikazzjoni tal-hekk imsejħa proċedura tal-Artikolu 7 skont it-Trattat ta' Lisbona, li tippermetti s-sospensjoni tad-drittijiet ta' votazzjoni tal-Istati Membri fil-Kunsill.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025