Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 20/11/2017, 20 ta' Novembru 2017

Riżultati ewlenin

Il-Kunsill beda t-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta' Diċembru billi ddiskuta aġenda proviżorja. F'dik il-laqgħa, il-mexxejja tal-UE mistennija jindirizzaw kwistjonijiet ta' difiża u jadottaw konklużjonijiet dwar il-kwistjonijiet soċjali, l-edukazzjoni u l-kultura. Fil-qafas tal-Aġenda tal-Mexxejja, il-Kapijiet ser ikollhom dibattitu tematiku dwar il-politika tal-migrazzjoni.

Il-Ministri ddiskutew ukoll l-istat tal-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru u b'mod partikolari l-finanzjament għat-taqsima tal-Afrika ta' Fuq tal-Fond Fiduċjarju tal-UE.

Bħala parti mill-proċess annwali tal-ippjanar leġislattiv, il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2018. Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru mistenni japprova dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġislattivi tal-UE għall-2018, li mbagħad ser tiġi ffirmata mill-presidenti tat-tliet istituzzjonijiet fil-marġini tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru.

Il-Kunsill ivvaluta l-progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet.

Bi tħejjija għas-Semestru Ewropew 2018, il-presidenza Estonjana flimkien mal-presidenza Bulgara li jmiss, ippreżentaw il-pjan direzzjonali tas-Semestru Ewropew għall-2018, li jistipula kif il-ħidma għall-bqija tal-2017 u fl-ewwel nofs tal-2018 ser titmexxa ’l quddiem.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar it-titjib taċ-ċibersigurtà fl-UE. ''Iċ-ċiberkriminalità u l-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi sponsorjati mill-istat huma waħda mill-akbar theddidiet globali għas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna. Diġà nitilfu madwar €400 biljun globalment kull sena minħabba attakki ċibernetiċi. Dan jissottolinja b'mod ċar il-ħtieġa li l-UE tuża l-għodod disponibbli biex iżżid l-istabilità fiċ-ċiberspazju u tirreaġixxi għal inċidenti ċibernetiċi fuq skala kbira. L-UE teħtieġ biss li tibqa' pass 'il quddiem,'' qal Matti Maasikas, il-Viċi Ministru tal-Estonja għall-Affarijiet Ewropej u president tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill. ''Iż-żieda fl-isforzi u l-investiment tagħna fiċ-ċibersigurtà hija prekondizzjoni għall-bini ta' suq uniku diġitali b'saħħtu u affidabbli għaċ-ċittadini tagħna,'' żied jgħid Maasikas.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar id-Diġitali għall-Iżvilupp. Dawn jirreferu għall-integrazzjoni tad-diġitalizzazzjoni fid-dimensjoni esterna, b'mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, peress li d-diġitalizzazzjoni toffri opportunitajiet ġodda għat-tkabbir fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. L-istati membri jistennew b’interess passi konkreti fl-implimentazzjoni tad-diġitalizzazzjoni għall-iżvilupp, inkluż permezz ta’ riżultati fil-kuntest tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-24 ta' Novembru u s-Summit UE-Afrika tad-29-30 ta’ Novembru.

Il-Kunsill adotta wkoll regolamenti li joħolqu sistema ta’ dħul/ħruġ biex tiġi rreġistrata informazzjoni b'rabta maċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen. "Is-sistema ta' dħul/ħruġ ser tgħin biex jitjiebu l-kontrolli tal-fruntieri esterni, jiġu identifikati aħjar il-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu," qal il-ministru għall-intern tal-Estonja Andres Anvelt.

Ċibersigurtà

Il-Kunsill mistenni jadotta wkoll, mingħajr diskussjoni, konklużjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025