"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 19/02/2019, 19 ta' Frar 2019

Riżultati ewlenin

Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss

Il-presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali dwar id-diskussjonijiet dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2021-2027 u stabbilixxiet il-programm ta’ ħidma proviżorju sa April. Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar l-organizzazzjoni tal-ħidma li trid titwettaq.

L-objettiv kondiviż huwa li l-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju jiġi pprovdut b'abbozz simplifikat tal-Kaxxa ta’ Negozjar, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim fil-Kunsill Ewropew fil-ħarifa tal-2019.

L-abbozz tal-Kaxxa ta' Negozjar jiġbor flimkien dawk l-elementi li huma l-aktar probabbli li jirrikjedu gwida politika mill-mexxejja tal-UE bil-ħsieb li l-Kunsill jilħaq il-pożizzjoni tiegħu. Din hija għodda biex jiġu strutturati u ffaċilitati n-negozjati dwar il-QFP. L-abbozz tal-Kaxxa ta' Negozjar jiġi kontinwament diskuss u aġġornat meta jkun meħtieġ, hekk kif in-negozjati jimxu ‘l quddiem.

Qed naħdmu b’mod intensiv biex niżguraw li n-negozjati importanti dwar il-QFP li jmiss qed jagħmlu progress tajjeb. Id-diskussjoni tal-lum tatna l-feedback li neħtieġu biex inkomplu din il-ħidma u biex niżguraw li l-mexxejja tagħna ser ikollhom bażi tajba għad-diskussjonijiet tagħhom dwar l-aktar kwistjonijiet importanti f’Ġunju. George Ciamba, Ministru Delegat għall-Affarijiet Ewropej tar-Rumanija

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu

Il-Kunsill beda t-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropewtal-21 u t-22 ta' Marzu billi ddiskuta abbozz ta' aġenda annotata.

Fil-laqgħa tagħhom f’Marzu, il-mexxejja tal-UE ser jiffokaw fuq is-suġġetti li ġejjin:

  • Impjiegi, tkabbir u kompetittività: ser jiddiskutu l-iżvilupp futur tas-Suq Uniku, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-politika industrijali u l-politika diġitali Ewropea bi tħejjija għall-Aġenda Strateġika li jmiss; mistennija wkoll jindirizzaw il-prijoritajiet għas-Semestru Ewropew 2019 u japprovaw ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro
  • Tibdil fil-klima: ser jipprovdu gwida dwar id-direzzjoni ġenerali u l-prijoritajiet politiċi fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tippreżenta strateġija fit-tul sal-2020 f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi
  • Relazzjonijiet esterni: ser iħejju s-summit bejn l-UE u ċ-Ċina li ser isir fid-9 ta' April 2019 u jiddiskutu suġġetti oħrajn ta' politika barranija fid-dawl tal-ġrajjiet kurrenti
  • Punti oħrajn: ser jirrieżaminaw ukoll il-progress li sar biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u l-ħtieġa li tiġi protetta l-integrità demokratika tal-elezzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali madwar l-UE

Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030

Il-Kunsill kellu skambju ta’ fehmiet dwar il-passi li għandhom jittieħdu biex jiżguraw Ewropa sostenibbli sal-2030. Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030”, li ġie ppreżentat fit-30 ta’ Jannar.

Il-ministri ddiskutew il-faċilitaturi ċentrali għat-tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli u esprimew il-fehmiet tagħhom dwar it-tliet xenarji ppreżentati mill-Kummissjoni fid-dokument ta’ riflessjoni tagħha. Huma enfasizzaw l-importanza li tittieħed azzjoni biex jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli fil-livell domestiku, reġjonali u globali b’mod koerenti sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni fil-livell tal-UE tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Id-diskussjoni ser isservi bħala kontribut għat-tħejjija tal-konklużjonijiet tal-Kunsill, li jkun fihom ir-rispons tal-Kunsill għad-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni u jikkontribwixxu għat-tħejjija tas-sessjonijiet tal-Forum Politiku ta’ Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li għandu jsir f’Lulju u Settembru 2019.

Huwa importanti għall-UE li tistabbilixxi l-passi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Irridu nqisu l-impatt globali tal-politiki domestiċi tal-UE. Id-diskussjoni tal-lum kienet pass importanti f’dik id-direzzjoni. Taħt il-presidenza tagħna ser inkomplu naħdmu b’mod intensiv fuq din il-kwistjoni. George Ciamba, Ministru Delegat għall-Affarijiet Ewropej tar-Rumanija

Proċedimenti skont l-Artikolu 7

Dwar il-Polonja, l-istati membri qiesu li l-bidliet leġislattivi reċenti li jikkonċernaw il-liġi tal-Qorti Suprema kienu żvilupp pożittiv u ħeġġu lill-awtoritajiet Pollakki biex jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti mqajma mill-Kummissjoni.

Dwar l-Ungerija, l-istati membri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar is-sitwazzjoni attwali.

Il-Kunsill ser jerġa’ lura għaż-żewġ proċeduri tal-Artikolu 7(1) TUE, b’kont meħud tal-fehmiet espressi mill-istati membri.

Elezzjonijiet liberi u ġusti

Il-Kunsill adotta, mingħajr diskussjoni, konklużjonijiet dwar l-iżgurar ta' elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti.

Il-konklużjonijiet ikopru għadd ta’ azzjonijiet mhux leġislattivi li għandhom jittieħdu sabiex jiġu indirizzati l-kampanji ta’ diżinformazzjoni minn ġewwa u barra l-UE u tiżdied iċ-ċibersigurtà fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2019.

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Iżvizzera

Il-Kunsill adotta, mingħajr diskussjoni, konklużjonijiet dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Konfederazzjoni Żvizzera.

Il-konklużjonijiet jivvalutaw l-evoluzzjoni u l-istat ġenerali tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Konfederazzjoni Żvizzera wara l-adozzjoni tal-konklużjonijiet preċedenti dwar il-kwistjoni fi Frar 2017.

Punti ewlenin mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali li sar fi Brussell fid-19 ta' Frar 2019.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025