Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 19/11/2019, 19 ta' Novembru 2019

Riżultati ewlenin

It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-UE

Il-Kunsill irrieżamina d-djalogu annwali tiegħu dwar l-istat tad-dritt u ddiskuta sett ta' konklużjonijiet dwar il-kwistjoni. Fin-nuqqas ta' kunsens dwar it-test, il-presidenza ddeċidiet li toħroġ konklużjonijiet tal-presidenza. Hija kkonkludiet li t-test kien appoġġat jew ma kienx ikkontestat minn 26 delegazzjoni.

Il-konklużjonijiet jissuġġerixxu li d-diskussjonijiet tematiċi attwali li jiffurmaw parti mid-djalogu tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt jiġu żviluppati f'dibattitu annwali aktar ġenerali dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-UE, li jkopri l-istati membri kollha u li jirrifletti xejriet pożittivi u negattivi. L-istati membri li jappoġġaw il-konklużjonijiet jaqblu wkoll li dan ir-rendikont annwali jista' juża r-rapporti annwali l-ġodda tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt, filwaqt li jistiednu lill-Kummissjoni biex tinvolvi mill-qrib lill-istati membri fit-tħejjija tagħhom.

Il-Kunsill kellu wkoll skambju ta' fehmiet ma' Michael O'Flaherty, Direttur tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, dwar ir-rabtiet bejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

Is-Sur O'Flaherty saħaq li d-drittijiet fundamentali huma parti integrali tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea u li l-azzjonijiet kollha f'dan il-qasam għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza, sabiex jiġu żgurati l-oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament indaqs tal-istati membri kollha.

Tytti Tuppurainen, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tal-Finlandja
L-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija huma indiviżibbli. Ma jistax ikun hemm waħda minnhom mingħajr l-oħrajn. Bħala presidenza tal-Kunsill, qed nagħmlu l-almu tagħna biex nippreservaw u nsaħħu din il-bażi ta' valur komuni. X'jista' jkun aktar importanti minn dan? Il-konklużjonijiet tal-presidenza ġew appoġġati minn maġġoranza kbira ta' stati membri. Nittamaw u fiduċjużi li ser iservu ta' gwida siewja għal aktar ħidma.
Tytti Tuppurainen, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tal-Finlandja
Tytti Tuppurainen, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tal-Finlandja

Tkabbir

Il-Kunsill iddiskuta wkoll is-sitwazzjoni dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni wara l-Kunsill Ewropew ta' Ottubru.

Id-diskussjoni ffokat fuq modi possibbli biex tiġi ffaċilitata d-diskussjoni li jmiss fil-Kunsill Ewropew meta dan jerġa' lura għall-kwistjoni tat-tkabbir ir-rebbiegħa li ġejja.

Fi tmiem id-diskussjoni l-presidenza ħadet nota tal-impenn kondiviż tal-istati membri għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent u għall-impenn kontinwu mar-reġjun. Il-presidenza nnutat ukoll fehim komuni tal-utilità li tiġi eżaminata l-effettività tal-proċess ta' negozjati tal-adeżjoni, u ta' aktar aġġornamenti dwar il-progress tar-riformi.

Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss

Il-Kunsill evalwa l-ħidma fuq il-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027. Il-presidenza indikat li qed tippjana li tippreżenta l-Kaxxa ta' Negozjar sħiħa b'ċifri fl-aħħar ta' Novembru għall-istadju finali tan-negozjati. Fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali f'Diċembru, il-ministri ser ikollhom dibattitu dwar il-Kaxxa ta' Negozjar qabel il-Kunsill Ewropew.

Kunsill Ewropew ta' Diċembru

Il-ministri bdew it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-12 u t-13 ta' Diċembru billi eżaminaw abbozz ta' aġenda annotata.

F'konformità mal-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju, il-Kunsill Ewropew mistenni jerġa' lura għall-kwistjoni tat-tibdil fil-klima f'Diċembru . Il-mexxejja ser jiffokaw b'mod partikolari fuq il-mira li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050. L-għan huwa li tiġi ffinalizzata l-gwida għall-adozzjoni u l-preżentazzjoni tal-istrateġija fit-tul tal-UE għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima kmieni fl-2020.

Il-mexxejja mistennija wkoll ikollhom diskussjoni sostanzjali dwar il-QFP li jmiss wara l-preżentazzjoni mill-presidenza ta' Kaxxa ta' Negozjar biċ-ċifri.

Fid-dawl ta' dak li jkun għaddej, il-Kunsill Ewropew jista' jindirizza kwistjonijiet speċifiċi ta' politika barranija.

Oċeani u ibħra

Il-Kunsill adotta mingħajr diskussjoni konklużjonijiet dwar l-oċeani u l-ibħra, filwaqt li enfasizza li t-tibdil fil-klima huwa theddida diretta u eżistenzjali għall-ħajja fl-oċeani u fl-ibħra globalment. Il-konklużjonijiet jappellaw għal aktar azzjoni ta' politika fil-livelli kollha ta' governanza biex jiġu protetti l-ekosistemi tal-baħar u dawk kostali.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025