Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali (Koeżjoni), 30 ta' Novembru 2023

Riżultati prinċipali

Il-futur tal-politika ta' koeżjoni

Il-Kunsill mistenni japprova konklużjonijiet dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni.

Il-konklużjonijiet jistipulaw l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-prospettiva tal-politika ta' koeżjoni ladarba l-qafas finanzjarju pluriennali attwali jasal fi tmiemufl-2027, inkluż il-karatteristiċi ewlenin tiegħu li għandhom jinżammu u jiġu żviluppati fil-futur.

Dawn ser iservu ta' bażi għal diskussjonijiet dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni fis-snin li ġejjin u bil-ħsieb tal-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-qafas leġiżlattiv għall-politika ta' koeżjoni wara l-2027.

Il-politika ta' koeżjoni u l-awtonomija strateġika

Il-ministri ddiskutew kif il-politika ta' koeżjoni tista' tikkontribwixxi għall-kisba tal-awtonomija strateġika Ewropea.

Id-diversi sfidi ġeopolitiċi, teknoloġiċi u ambjentali ġodda enfasizzaw il-ħtieġa li jitnaqqsu d-dipendenzi tal-UE f'oqsma bħall-enerġija, il-provvisti tas-saħħa, it-teknoloġiji diġitali jew l-ikel, biex tiġi appoġġata l-kompetittività ta' kumpaniji kbar tal-UE f'setturi strateġiċi, u biex tiġi miġġielda r-rilokazzjoni tagħhom barra mill-UE.

Matul id-dibattitu, il-ministri saħqu fuq l-importanza li jiġu indirizzati dawn l-isfidi, inkluż billi jiġu appoġġati kumpaniji kbar tal-UE f'setturi strateġiċi, filwaqt li esprimew diversi fehmiet dwar ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni f'dan ir-rigward.

Xi kelliema indikaw modi differenti li bihom il-politika ta' koeżjoni diġà qed tappoġġa l-kompetittività tal-UE permezz tal-investimenti tagħha orjentati lejn il-futur u l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti. Diversi ministri enfasizzaw l-importanza li jinżamm l-appoġġ għall-SMEs u li tiġi appoġġata l-katina tal-valur kollha, biex l-ekosistema kollha tan-negozju ssir aktar kompetittiva. L-importanza li jiġu żguratikundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq uniku tqajmet ukoll diversi drabi.

Kien hemm qbil ġenerali li l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni għall-objettivi ta' awtonomija strateġika tal-UE għandu jibqa' kompatibbli mal-għan ewlieni tal-politika li tappoġġa żvilupp reġjonali armonjuż madwar l-UE, b'enfasi fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni individwali.

Perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020

Il-ministri ddiskutew ukoll liema miżuri jistgħu jittieħdu biex jgħinu biex jiżdied l-assorbiment tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni fil-perjodu 2014-2020, li kien ta' 84% fl-aħħar ta' Ottubru 2023.

Il-pass tal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej f'dan il-perjodu kien affettwat ħafna mill-pandemija tal-COVID-19, mill-gwerra fl-Ukrajna u miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Ġew introdotti diversi emendi leġiżlattivi biex jirrispondu għal dawn il-kriżijiet, inkluż bidliet fir-regoli ta' eliġibbiltà u ta' implimentazzjoni.

Matul id-diskussjoni, il-ministri qajmu diversi miżuri li jistgħu jittieħdu biex tiżdied ir-rata ta' assorbiment u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet maniġerjali, bħall-għoti ta' aktar żmien għall-għeluq ta' dan il-perjodu ta' programmazzjoni, filwaqt li indikaw ukoll l-urġenza li tittieħed deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fid-dawl tal-iskadenzi għall-għeluq li ġejjin.

Affarijiet oħra

Taħt "affarijiet oħra", il-presidenza enfasizzat ukoll ir-rilevanza għall-koeżjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE, li ġew approvati fl-20 ta' Novembru.

Il-konklużjonijiet jipprovdu gwida politika lill-Kummissjoni u lill-istati membri dwar l-azzjonijiet futuri tagħhom b'appoġġ għal dawn iż-żoni, li jkopru aktar minn 80% tat-territorju tal-UE.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025