Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali (Koeżjoni), 18 ta' Ġunju 2024

Riżultati ewlenin

Il-politika ta' koeżjoni u l-aġenda strateġika tal-UE 2024-2029

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-aġenda strateġika tal-UE għall-2024-2029, li mistennija tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2024.

Il-politika ta' koeżjoni kellha rwol importanti biex tgħin lill-UE tilħaq l-objettivi strateġiċi tagħha matul is-snin, permezz ta' investimenti li kkontribwew għall-kompetittività, l-inklużjoni soċjali, it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u t-trasformazzjoni industrijali fir-reġjuni tal-UE. Kif imfakkar fir-rapport ta' Enrico Letta "More than a market", saħħet ukoll is-suq uniku u żgurat li r-reġjuni kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu.

Il-ministri ddiskutew kif jista' jiġi żgurat li l-politika ta' koeżjoni tista' tkompli tikkontribwixxi għall-objettivi strateġiċi tal-UE fil-futur u kif jista' jiġi żgurat li r-reġjuni kollha, bl-ispeċifiċitajiet u d-differenzi tagħhom, ikunu jistgħu jipparteċipaw f'dan il-proċess.

Matul id-dibattitu, il-kelliema qajmu diversi modi kif il-politika ta' koeżjoni, bin-natura fit-tul tagħha, tista' tkompli tindirizza l-isfidi strateġiċi li qed tiffaċċa l-Ewropa. Huma enfasizzaw li ser ikun importanti li jitkompla l-investiment f'miżuri strutturali li jappoġġaw il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, u li jiġu appoġġati r-reġjuni fil-kuntest tal-bidliet demografiċi u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Xi kelliema enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li r-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant jiġu appoġġati fil-kuntest mibdul tas-sigurtà, kif ukoll ir-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u t-tkabbir tal-UE.

Il-ministri saħqu wkoll li, filwaqt li tikkontribwixxi għall-objettivi strateġiċi tal-UE, il-politika ta' koeżjoni għandha tkompli tissodisfa l-objettiv primarju tagħha skont it-Trattati li tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni. Biex jintlaħaq dan l-għan, huma qiesu li huwa kruċjali li jiġi żgurat li r-reġjuni kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-objettivi strateġiċi tal-UE fuq bażi ugwali u jibbenefikaw minn dan il-proċess.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-disa' Rapport ta' Koeżjoni

Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-disa' Rapport dwar il-Koeżjoni, ippubblikat fis-27 ta' Marzu 2024.

Ir-rapport jivvaluta s-sitwazzjoni attwali tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE abbażi ta' firxa wiesgħa ta' indikaturi. Jenfasizza konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq notevoli f'ħafna partijiet tal-UE matul dawn l-aħħar deċennji, filwaqt li jindika wkoll diversi disparitajiet u sfidi li fadal.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jieħu nota tas-sejbiet tad-disa' Rapport ta' Koeżjoni u jfakkar fid-diversi sfidi strutturali u emerġenti li jeħtieġ li jiġu indirizzati, filwaqt li jiġi evitat it-twessigħ tad-disparitajiet madwar l-UE. Sfidi bħal dawn jinkludu t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, il-ħtieġa għall-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-UE fil-kuntest tal-kompetizzjoni globali, kif ukoll l-instabbiltà ġeopolitika fil-fruntieri esterni tal-UE. Il-Kunsill jesprimi tħassib partikolari dwar l-isfidi demografiċi u d-disparitajiet soċjoekonomiċi kbar li fadal fil-livell sottonazzjonali, fejn ħafna reġjuni jiffaċċjaw staġnar ekonomiku u nases tal-iżvilupp. Jenfasizza wkoll l-implikazzjonijiet għall-politika ta' koeżjoni minn kwalunkwe tkabbir futur.

F'dan l-isfond, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi xierqa biex tipprovdi appoġġ imfassal apposta għar-reġjuni wara l-2027 biex jiġu ġestiti b'suċċess dawk l-isfidi, b'enfasi speċjali fuq l-isfidi ekoloġiċi, diġitali, industrijali u demografiċi u l-livelli differenti ta' żvilupp soċjoekonomiku.

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid ukoll diversi prinċipji ewlenin li għandhom jiġu ppreservati fil-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' wara l-2027, bħall-ġestjoni kondiviża, il-governanza f'diversi livelli, approċċ ibbażat fuq il-post u l-prinċipju tas-sħubija. Huwa jissottolinja wkoll il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata aktar l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u li ssir enfasi fuq il-governanza tajba u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jiġi żgurat li tkun tista' tilħaq l-objettivi tagħha bl-aħjar mod.

Affarijiet oħra

Taħt "affarijiet oħra", iċ-Ċekja infurmat lill-ministri dwar id-dikjarazzjoni konġunta tal-14 ta' Mejju 2024 dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni, maqbula minn 11-il ministru responsabbli għall-politika ta' koeżjoni fil-laqgħa tagħhom fi Praga.

Iċ-Ċekja u s-Slovakkja infurmaw ukoll lill-ministri dwar id-"Dikjarazzjoni ta' Karlovy Vary"dwar l-appoġġ futur għat-tranżizzjoni tar-reġjuni tal-faħam, iffirmata minn rappreżentanti minn 11-il stat membru tal-UE fid-Djalogu Politiku Annwali għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni fis-27 u t-28 ta' Ġunju 2023 f'Karlovy Vary, iċ-Ċekja.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025