"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 21 ta' Ottubru 2025

Riżultati ewlenin

Il-ministri responsabbli għall-affarijiet Ewropej komplew it-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2025 billi ddiskutew l-abbozz ta' konklużjonijiet. Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028-2034 il-ġdid, ħa nota ta' rapport ta' progress dwar is-simplifikazzjoni u kellu d-disa' seduta ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ungerija.

Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka

Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għandu jippermetti li l-prijoritajiet strateġiċi tagħna jiġu konkretizzati. Neħtieġu qafas finanzjarju li jkun aktar sempliċi, aktar reattiv u li jħalli aktar impatt, jekk irridu UE b'saħħitha, reżiljenti u kompetittiva fil-futur. Id-diskussjoni tal-lum fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali timmarka pass importanti lejn it-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea fil-QFP li jmiss. Id-djalogu kostruttiv tagħna jagħtini kuraġġ u nistenna b'interess li nkomplu d-diskussjonijiet tagħna fil-Kunsilli tal-Affarijiet Ġenerali f'Novembru u Diċembru.

Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka

Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka

Tħejjija tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru

Il-Kunsill kompla t-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2025 billi ddiskuta l-abbozz ta' konklużjonijiet. Il-mexxejja mistennija jiddiskutu:

  • il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna,
  • l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani b'enfasi fuq Gaża,
  • id-difiża u s-sigurtà tal-Ewropa,
  • il-kompetittività u t-tranżizzjoni doppja,
  • l-akkomodazzjoni, u
  • il-migrazzjoni.

Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028-2034

Il-Kunsill kellu t-tieni dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-QFP tal-UE għall-2028-2034.

Abbażi ta' nota tal-presidenza, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet orizzontali, bħall-governanza, il-prevedibbiltà, l-impatt u l-kapaċità ta' rispons tal-QFP li jmiss. Iddiskutew ukoll l-"Intestatura 2" tal-qafas li - permezz ta' inizjattivi bħal Fond Ewropew għall-Kompetittività ġdid u l-programm Orizzont Ewropa - għandu l-għan li jixpruna l-prosperità permezz tal-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE.

Id-dibattitu ser jinforma l-ewwel kaxxa ta' negozjar, id-dokument li għandu l-għan li jidentifika elementi għall-konsiderazzjoni politika u jiffaċilita d-diskussjoni tagħhom mill-mexxejja tal-UE. Il-presidenza Daniża biħsiebha tressaq din l-ewwel kaxxa ta' negozjar mingħajr numri qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2025.

Simplifikazzjoni

Il-Kunsill ħa nota ta' rapport ta' progress dwar il-pakketti leġiżlattivi ta' simplifikazzjoni omnibus. Bħala segwitu għas-sejħa tal-mexxejja tal-UE, il-Kummissjoni ressqet diversi pakketti "Omnibus", bl-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni eżistenti f'diversi oqsma: ir-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u r-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta, ċerti programmi ta' investiment tal-UE, il-miżuri ta' simplifikazzjoni għall-agrikoltura, il-kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja u d-diġitalizzazzjoni, id-difiża, u s-sustanzi kimiċi.

L-aġenda ta' simplifikazzjoni hija prijorità ewlenija għall-Kunsill. Wara l-impetu mill-presidenza Pollakka, il-presidenza Daniża ser tkompli tittratta l-proposti ta' simplifikazzjoni omnibus attwali kollha bħala prijorità u ser tavvanza l-eżami tagħhom, it-tħejjija ta' mandati ta' negozjar u n-negozjati mal-Parlament Ewropew b'ritmu mgħaġġel.

Seduta ta' smigħ tal-Artikolu 7 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ungerija

Bħala parti mill-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE, il-Kunsill organizza d-disa' seduta ta' smigħ tal-Ungerija bħala parti minn din il-proċedura. Hija kopriet il-kwistjonijiet kollha li tqajmu mill-proposta raġunata tal-Parlament Ewropew ta' Settembru 2018, li tat bidu għall-proċedura. L-għan kien li l-Kunsill jingħata stampa aġġornata tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ungerija.

L-iskambji ffukaw b'mod partikolari fuq il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali u l-kontrolli u l-bilanċi, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-miżuri kontra l-korruzzjoni, il-protezzjoni tal-ispazju ċiviku, il-pluraliżmu tal-media, il-libertà ta' għaqda u l-protezzjoni tad-drittijiet LGBTIQ+ fl-Ungerija.

Tarka Ewropea għad-Demokrazija

Waqt ikla ta' ħidma, il-ministri kellhom skambju estensiv ta' fehmiet li jipprovdi kontribut għall-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar Tarka Ewropea għad-Demokrazija.

Affarijiet oħra

Il-ministru Awstrijak u s-segretarju tal-istat Sloven għall-affarijiet Ewropej infurmaw lill-Kunsill dwar iż-żjara reċenti tagħhom fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Id-delegazzjoni Netherlandiża ssottolinjat l-importanza tar-rispett għall-primazija tad-dritt tal-UE u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini kollha.

Id-delegazzjoni Franċiża infurmat lill-Kunsill dwar ir-rispett u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni Ewropea, inkluż permezz tal-finanzjament tal-UE.

Punti oħra

Il-Kunsill adotta, bħala punt mingħajr diskussjoni, deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiffirma l-ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fi programmi tal-Unjoni.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 22 ta' Ottubru 2025