"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Proċeduri tal-artikolu 7

L-UE tista' tuża l-artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) biex tittratta ksur serju tal-valuri li fuqhom hija msejsa, inkluż id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali.

Kif jaħdem l-artikolu 7?

L-artikolu 7 TUE qiegħed hemm biex jintuża bħala l-aħħar għażla sabiex jitħarsu l-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE.

Bis-saħħa tiegħu d-drittijiet ta' sħubija fl-UE jistgħu jiġu sospiżi, inkluż id-drittijiet tal-vot fil-Kunsill tal-UE u l-Kunsill Ewropew, jekk pajjiż jikser b'mod serju u persistenti l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE. Dawk il-valuri huma deskritti fl-Artikolu 2 TUE. Huma jinkludu:

  • ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem
  • il-libertà
  • id-demokrazija
  • l-ugwaljanza
  • l-istat tad-dritt
  • ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi

Anke jekk stat membru jkun soġġett għal proċedura skont l-artikolu 7, l-obbligi tas-sħubija tiegħu jibqgħu vinkolanti.

Meta jista' jiġi attivat l-artikolu 7?

L-artikolu 7 jinkludi żewġ proċeduri biex jitħarsu l-valuri tal-UE.

Miżuri preventivi (l-artikolu 7(1))

L-artikolu 7(1) jista' jiġi attivat jekk ikun hemm riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri tal-UE. Dan jagħti bidu għal djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-istat membru sabiex jiġi indirizzat it-tħassib qabel ma l-kwistjoni tiġi eskalata.

Il-proċedura tibda bi proposta li ssir minn terz tal-istati membri tal-UE, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea. Imbagħad il-Kunsill jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Jekk erba' minn kull ħames membri tal-Kunsill jivvotaw favur, il-Kunsill jista' mbagħad jiddetermina li hemm riskju ċar ta' ksur serju tal-prinċipji fundamentali minn stat membru u jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.

Sanzjonijiet (l-artikolu 7(2))

Jekk stati membru jinstab li jkun qiegħed jikser b'mod serju u persistenti l-valuri tal-UE, l-artikolu 7(2) jippermetti azzjoni aktar qawwija, inkluż sanzjonijiet. Dan jista' jinvolvi s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot ta' stat membru fil-Kunsill, li jista' jkollha impatt sinifikanti fuq l-influwenza tiegħu fl-UE.

L-istadju tas-sanzjonijiet huwa meta jiġi involut il-Kunsill Ewropew. Il-proċedura tibda bi proposta li ssir minn terz tal-istati membri tal-UE jew mill-Kummissjoni. Imbagħad il-Kunsill Ewropew jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Dment li l-membri tal-Kunsill Ewropew jaqblu b'mod unanimu, il-Kunsill Ewropew jista' mbagħad jiddetermina li stat membru jkun qed jikser b'mod serju u persistenti l-valuri tal-UE.

Jekk dan iseħħ, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jissospendi wħud mid-drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-trattati għall-istat membru inkwistjoni, inkluż id-drittijiet tal-vot tiegħu. Dik id-deċiżjoni tittieħed b'maġġoranza kwalifikata.

L-artikolu 7 – x'seħħ s'issa

L-artikolu 7 evolva minn mindu nħoloq biex jindirizza diversi kriżijiet, filwaqt li jiżgura li jibqa' jiġi applikat kif xieraq u jibqa' rilevanti u flessibbli b'reazzjoni għal ċirkostanzi li dejjem jinbidlu.