"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Ġenerali, 16 ta' Settembru 2025
Riżultati ewlenin
Il-ministri responsabbli għall-affarijiet Ewropej bdew it-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2025 billi ddiskutew abbozz ta' aġenda annotata. Il-Kummissjoni ppreżentat ittra ta' intenzjoni bi tħejjija għall-programm ta' ħidma tagħha għall-2026 li dwarha l-ministri kellhom skambju ta' fehmiet.
Bħala parti mid-djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt, il-ministri ddiskutew l-iżviluppi ġenerali dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-UE u kellhom skambju ta' fehmiet dwar ix-xejra ġenerali tal-istat tad-dritt f'diversi pajjiżi kandidati, jiġifieri l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, u s-Serbja.
Fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, it-tkabbir tal-UE huwa prijorità ewlenija. L-istat tad-dritt jibqa' kundizzjoni fundamentali għas-sħubija fl-UE bħala parti mill-kriterji ta' Copenhagen li l-membri l-ġodda kollha jridu jissodisfaw. Id-diskussjoni fil-Kunsill tal-lum mal-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja timmarka l-importanza li l-pajjiżi kandidati jiġu inklużi fid-djalogu tagħna. Dan juri għal darb'oħra li l-UE tieħu l-kwistjonijiet tal-istat tad-dritt bis-serjetà kollha. L-istat tad-dritt mhuwiex biss xi ħaġa għall-proċess ta' adeżjoni. Huwa valur fundamentali u determinanti, meta tkun membru tal-UE.
Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka
Tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta' Ottubru
Il-Kunsill beda jħejji l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2025 billi ddiskuta l-abbozz ta' aġenda annotata, li jinkludi:
il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani b'enfasi fuq Gaża
id-difiża u s-sigurtà Ewropej
il-kompetittività u t-tranżizzjoni doppja
l-akkomodazzjoni, u
il-migrazzjoni
Il-ħidma preparatorja ser tkompli fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali li jmiss fil-21 ta' Ottubru 2025.
Programmazzjoni leġiżlattiva
Il-Kummissjoni ppreżentat l-ittra ta' intenzjoni tagħha tal-10 ta' Settembru 2025, ippubblikata wara d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni. Fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-inizjattivi ta' importanza politika kbira għas-sena li ġejja, qabel l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma tagħha għall-2026. Il-Kummissjoni ppreżentat il-prijoritajiet ewlenin li ġejjin għas-sena li ġejja:
pjan ġdid għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa
era ġdida għad-difiża u s-sigurtà Ewropej
l-appoġġ lin-nies, it-tisħiħ tas-soċjetajiet tagħna u tal-mudell soċjali tagħna
insostnu l-kwalità tal-ħajja tagħna: is-sigurtà tal-ikel, l-ilma u n-natura
nipproteġu d-demokrazija u niddefendu l-valuri tagħna
Ewropa globali: nisfruttaw is-setgħa u s-sħubijiet tagħna
Din il-preżentazzjoni kienet segwita minn skambju ta' fehmiet fost il-ministri. Il-presidenza ser tiġbor fil-qosor dan l-iskambju f'ittra lill-presidenttal-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Kummissjoni l-fehmiet tal-ministri dwar il-prijoritajiet u l-inizjattivi previsti. Il-programm ta' ħidma għall-2026 ser jiġi ppreżentat lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali (KAĠ) fis-17 ta' Novembru 2025.
It-tliet istituzzjonijiet imbagħad ser jaħdmu għat-tħejjija tad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2026, li għandha tiġi approvata mill-KAĠ fis-16 ta' Diċembru 2025 u tiġi ffirmata fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru.
Bħala parti mid-djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt, il-ministri kellhom diskussjoni orizzontali dwar l-iżviluppi ġenerali relatati mal-istat tad-dritt fl-UE. Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2025 dwar l-istat tad-dritt ippubblikat fit-8 ta' Lulju 2025.
Id-dibattitu kopra erba' oqsma relatati mal-istat tad-dritt: is-sistemi ġudizzjarji, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu u l-libertà tal-media, u kwistjonijiet istituzzjonali oħra relatati mal-kontrokontrolli.
Matul id-diskussjoni, il-ministri laqgħu l-progress ġenerali fit-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, kif ukoll l-integrazzjoni ta' valutazzjoni strutturata tal-impatt tal-istat tad-dritt fuq is-suq uniku fir-rapport ta' din is-sena.
Huma laqgħu wkoll – għat-tieni sena konsekuttiva – l-inklużjoni tal-erba' pajjiżi kandidati fir-rapport tal-2025. Il-ministri tennew l-appoġġ tagħhom għall-eżerċizzju bħala għodda utli biex tiggwida r-riformi nazzjonali u qiesu li huwa importanti li jitkompla d-djalogu b'rispett sħiħ għall-prinċipji tal-oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-istati membri kollha.
Il-Kunsill mistenni jorganizza diskussjoni speċifika għall-pajjiż fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali f'Novembru, li tiffoka fuq il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja u l-Irlanda.
Għat-tieni sena konsekuttiva, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ix-xejra ġenerali tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f'erba' pajjiżi kandidati, jiġifieri l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, u s-Serbja. Il-ministri mill-pajjiżi kkonċernati ħadu sehem ukoll fid-diskussjoni.
L-istat tad-dritt għandu rwol ċentrali fil-proċess tat-tkabbir bħala kundizzjoni fundamentali għas-sħubija fl-UE. L-inklużjoni tal-pajjiżi kandidati fir-rapport dwar l-istat tad-dritt għandha l-għan li tpoġġihom fuq l-istess livell mal-istati membri u tipprovdi pjattaforma addizzjonali biex tappoġġa l-isforzi ta' riforma u l-proċess ta' adeżjoni tagħhom.
F'dan l-isfond, il-ministri kellhom skambju wiesa' ta' fehmiet dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt ma' dawn il-pajjiżi kandidati. Id-diskussjoni ffukat fuq xejriet ġenerali fl-erba' oqsma relatati mal-istat tad-dritt u ma nħarġet l-ebda konklużjoni formali wara d-dibattitu. Id-diskussjonijiet dwar l-istat tad-dritt fil-pajjiżi kandidati individwali ser ikomplu jsiru fil-qafas tal-proċess tat-tkabbir.
Il-Kunsill ħa nota tal-informazzjoni pprovduta mid-delegazzjoni Franċiża dwar il-proposta li jmiss tal-Kummissjoni rigward it-tarka tad-demokrazija tal-UE. Id-delegazzjoni Franċiża ssottolinjat li din l-inizjattiva għandha:
issaħħaħ b'mod sinifikanti r-reżiljenza tas-soċjetà ċivili kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni billi tippromwovi t-tixrid ta' informazzjoni affidabbli, pluralistika u ta' kwalità għolja, u
tiggarantixxi l-integrità tal-proċessi demokratiċi tal-UE, b'mod partikolari billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-servizzi diġitali.
Id-delegazzjoni Pollakka infurmat ukoll lill-Kunsill dwar il-ksur tal-ispazju tal-ajru Pollakk mid-droni Russi fil-lejl tad-9 u l-10 ta' Settembru, kif ukoll ir-reazzjoni tal-forzi militari Pollakki u alleati.
Punti oħra
Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar it-tranżizzjoni gradwali ta' persuni spostati Ukreni minn protezzjoni temporanja għal statusijiet ta' residenza oħrajn, meta l-kundizzjonijiet jippermettu. Tipproponi wkoll azzjoni biex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni tar-refuġjati Ukreni fis-soċjetà Ukrena.
B'din ir-rakkomandazzjoni, l-UE qed tħejji għal approċċ koordinat għal meta l-kundizzjonijiet fl-Ukrajna jwasslu għat-tneħħija gradwali tal-istatus ta' protezzjoni temporanja.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.