Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 17 ta' Novembru 2025

Riżultati ewlenin

Il-ministri responsabbli għall-affarijiet Ewropej bdew it-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2025 billi ddiskutew l-abbozz ta' aġenda annotata tiegħu. Il-Kunsill iddiskuta l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028-2034 il-ġdid u ħa nota tas-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-Kummissjoni ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-2026, u l-ministri kellhom skambju ta' fehmiet. Fil-kuntest tad-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt, il-Kunsill kellu diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Irlanda u l-Ġermanja.

<p>Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka</p>

Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss irid ikun aktar sempliċi, aktar flessibbli u aktar effettiv jekk irridu niżguraw Ewropa aktar b'saħħitha u aktar kompetittiva. Id-diskussjoni tal-lum fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali mmarkat pass ewlieni biex jiġu indirizzati sfidi nazzjonali u reġjonali speċifiċi fil-QFP li jmiss. Id-djalogu kostruttiv tagħna jagħtini kuraġġ u nistenna b'interess li nkomplu d-dibattitu tagħna fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali li jmiss f'Diċembru.

<p>Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka</p>

Marie Bjerre, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tad-Danimarka

Tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta' Diċembru

Il-Kunsill beda t-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2025 b'diskussjoni dwar abbozz ta' aġenda annotata. Il-mexxejja mistennija jiddiskutu:

  • l-Ukrajna
  • il-Lvant Nofsani
  • il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss
  • it-tkabbir
  • il-migrazzjoni
  • il-ġeoekonomija u l-kompetittività

Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028-2034

Il-Kunsill kellu t-tielet dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-QFP tal-UE għall-2028-2034.

Abbażi ta' nota tal-presidenza, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet relatati mal-"Intestatura 1" proposta tal-qafas li għandha l-għan, permezz ta' fond iddedikat, li tappoġġa l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura, iż-żoni rurali u marittimi, il-prosperità u s-sigurtà fl-UE. Il-finanzjament ikun sostnut minn pjanijiet ta' sħubija nazzjonali u reġjonali (PSNR) imħejjija mill-istati membri nfushom, b'kont meħud tal-isfidi nazzjonali u reġjonali speċifiċi tagħhom.

Fost perspettivi oħra, il-ministri ddiskutew kif l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali jistgħu jiġu involuti b'mod xieraq fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-PSNR futuri u kif l-appoġġ għall-politiki li jirriżultaw mill-obbligi tat-Trattat jista' jingħata viżibbiltà akbar fil-qafas tal-Pjanijiet filwaqt li tiġi ppreservata l-ambizzjoni ġenerali tas-simplifikazzjoni u l-aġilità fil-finanzjament.

Id-dibattitu ser jinforma l-ewwel kaxxa ta' negozjar, id-dokument li għandu l-għan li jidentifika elementi għall-konsiderazzjoni politika u jiffaċilita d-diskussjoni tagħhom mill-mexxejja tal-UE. Il-presidenza Daniża biħsiebha tressaq din l-ewwel kaxxa ta' negozjar mingħajr numri qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2025.

Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit

Il-Kunsill ħa nota tas-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit. Fis-summit tad-19 ta' Mejju, il-mexxejja tal-UE u tar-Renju Unit impenjaw ruħhom għal aġenda mġedda biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f'diversi oqsma.

Illum, il-Kummissjoni aġġornat lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet eżistenti u l-iżviluppi ta' wara s-summit. Il-ministri laqgħu l-fatt li issa jistgħu jibdew in-negozjati dwar żona sanitarja u fitosanitarja komuni (ftehim SPS), kif ukoll dwar ftehim biex jiġu konnessi s-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra bejn l-UE u r-Renju Unit (ftehim ta' kollegament tal-ETS). Fl-iskambju ta' fehmiet li rriżulta, bosta ministri ssottolinjaw li għall-UE, fi prinċipju, ir-relazzjonijiet jistgħu jissaħħu biss abbażi ta' implimentazzjoni sħiħa, leali u f'waqtha tal-ftehimiet eżistenti: il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Programmazzjoni leġiżlattiva

Il-Kummissjoni ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-2026 u l-ministri kellhom skambju ta' fehmiet. Din kienet opportunità għall-Kunsill biex jidentifika oqsma ta' politika ewlenin u proposti leġiżlattivi li għandhom jiġu inklużi fid-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2026 u jenfasizza dawk il-proposti li għandhom jingħataw prijorità. Il-ministri esprimew ukoll il-fehmiet tagħhom dwar l-irtirar propost ta' proposti leġiżlattivi. Wara din id-diskussjoni, it-tliet istituzzjonijiet huma mistennija jaqblu dwar id-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE sal-aħħar ta' din is-sena.

Djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt

Fil-kuntest tad-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt, il-ministri kellhom diskussjoni speċifika għall-pajjiż li tiffoka fuq is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Irlanda u l-Ġermanja.

Dan kien it-tielet ċiklu ta' diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi din is-sena. Għal kull pajjiż, il-Kummissjoni l-ewwel ippreżentat is-sejbiet ewlenin tal-kapitolu speċifiku għall-pajjiż rispettiv fir-rapport tagħha tal-2025 dwar l-istat tad-dritt. Id-delegazzjonijiet ikkonċernati imbagħad ippreżentaw żviluppi nazzjonali ewlenin u aspetti partikolari tal-qafas nazzjonali tal-istat tad-dritt tagħhom. Dan kien segwit minn sensiela ta' kummenti u mistoqsijiet li fihom delegazzjonijiet oħra qasmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tagħhom dwar l-iżviluppi msemmija. Wara dan, id-delegazzjoni li s-sitwazzjoni tagħha kienet qed tiġi diskussa kellha l-opportunità li tippreżenta kummenti addizzjonali.

Affarijiet oħra

Il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill dwar il-proposta tagħha għal "pakkett dwar id-demokrazija", inkluż it-Tarka Ewropea għad-Demokrazija u l-istrateġija tal-UE għas-soċjetà ċivili, li ġiet ippreżentata fit-12 ta' Novembru 2025.

Id-delegazzjoni Franċiża, Ġermaniża u Pollakka infurmaw lill-Kunsill dwar l-inizjattiva "Tarka tal-Informazzjoni" mnedija b'mod konġunt mix-xandara internazzjonali pubbliċi tagħhom bl-għan li jiġġieldu d-diżinformazzjoni barra mill-pajjiż.

Id-delegazzjoni Litwana infurmat lill-Kunsill dwar l-attakki ibridi reċenti mill-Belarussja.

Id-delegazzjoni Ungeriża ġibdet l-attenzjoni tal-Kunsill dwar l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu.

Punti oħra

Il-Kunsill adotta, mingħajr diskussjoni, l-atti leġiżlattivi li ġejjin:

  • regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej
  • ir-regolament ta' posponiment dwar il-prodotti kimiċi, bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv “Omnibus VI” tal-Kummissjoni
  • regolament dwar ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża
  • regolament dwar il-proċeduri ta' infurzar tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar id-direttiva dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi (ADR).

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 19 ta' Novembru 2025