Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 26 ta' Jannar 2026

Riżultati ewlenin

Il-ministri responsabbli għall-affarijiet Ewropej semgħu preżentazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-presidenza Ċiprijotta għal dan is-semestru. Fil-kuntest tad-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt, il-Kunsill kellu diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Estonja, id-Danimarka, il-Greċja u Spanja u skambju ta' fehmiet dwar it-Tarka Ewropea għad-Demokrazija.

<p>Marilena Raouna, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta' Ċipru</p>

F'din l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali taħt il-presidenza Ċiprijotta, kelli l-opportunità li nippreżenta l-prijoritajiet tagħna għas-semestru li ġej. F'ambjent ġeopolitiku eċċezzjonalment diffiċli, ser naħdmu biex nagħmlu avvanz fl-awtonomija strateġika tal-UE u nsaħħu r-rwol tagħha fix-xena dinjija, b'enfasi ċara fuq is-sigurtà, il-prontezza tad-difiża, il-kompetittività, u l-koeżjoni soċjali.

L-eżerċizzju tal-lum dwar l-istat tad-dritt afferma mill-ġdid l-impenn tagħna għal Unjoni awtonoma msejsa fuq valuri kondiviżi - waħda li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura. Il-progress fuq il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, naturalment, ser jibqa' fil-quċċata tal-aġenda tagħna. It-tkabbir, is-simplifikazzjoni, l-istat tad-dritt u l-valuri demokratiċi, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, ser ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin indirizzati fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali.

<p>Marilena Raouna, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta' Ċipru</p>

Marilena Raouna, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta' Ċipru

Prijoritajiet tal-presidenza

Il-Kunsill sema' preżentazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-presidenza Ċiprijotta għall-mandat tagħha u l-ministri kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

Bil-motto "Unjoni awtonoma - miftuħa għad-dinja", il-presidenza Ċiprijotta ser taħdem biex tiżgura li l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE bħalissa jinbidlu f'opportunitajiet u li l-ambizzjoni tal-UE titqabbel ma' azzjoni u riżultati tanġibbli, fuq il-bażi tal-prijoritajiet li ġejjin:

  • l-awtonomija permezz tas-sigurtà, il-prontezza u t-tħejjija tad-difiża
  • l-awtonomija permezz tal-kompetittività
  • Unjoni awtonoma, miftuħa għad-dinja
  • Unjoni awtonoma ta' valuri li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura
  • baġit fit-tul għal Unjoni awtonoma

Fir-rigward tal-konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, il-ħidma ser tikkonċentra fuq l-iżgurar ta' baġit tal-UE bbilanċjat u orjentat lejn il-ġejjieni, il-progress fl-aġenda ta' simplifikazzjoni tal-UE, id-difiża u l-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-Unjoni, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, it-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew u t-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika, it-twettiq ta' progress konkret fuq il-proċess tat-tkabbir, it-tkomplija tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-EFTA u sħab oħra tal-Punent tal-Ewropa li mhumiex fl-UE.

Djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt

Fil-kuntest tad-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt, il-ministri kellhom diskussjoni speċifika għall-pajjiżi li tiffoka fuq is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Estonja, id-Danimarka, il-Greċja u Spanja.

Dan kien l-ewwel ċiklu ta' diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi din is-sena. Għal kull pajjiż, il-Kummissjoni l-ewwel ippreżentat is-sejbiet ewlenin tal-kapitolu speċifiku għall-pajjiż rispettiv fir-rapport tagħha tal-2025 dwar l-istat tad-dritt. Id-delegazzjonijiet ikkonċernati mbagħad ippreżentaw żviluppi nazzjonali ewlenin u aspetti partikolari tal-qafas nazzjonali tal-istat tad-dritt tagħhom. Dan kien segwit minn sensiela ta' kummenti u mistoqsijiet li fihom delegazzjonijiet oħra qasmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tagħhom dwar l-iżviluppi msemmija. Wara dan, id-delegazzjoni li s-sitwazzjoni tagħha kienet qed tiġi diskussa kellha l-opportunità li tippreżenta kummenti addizzjonali.

Tarka Ewropea għad-Demokrazija

Waqt ikla ta' ħidma, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar it-Tarka Ewropea għad-Demokrazija. Flimkien ma' strateġija tal-UE għas-soċjetà ċivili, it-Tarka għad-Demokrazija tifforma parti minn "Pakkett dwar id-Demokrazija" ppreżentat mill-Kummissjoni fit-12 ta' Novembru 2025. L-azzjonijiet imħabbra fl-inizjattiva għandhom jiġu implimentati gradwalment sal-2027.

L-għan tat-Tarka għad-Demokrazija huwa li tipprovdi approċċ strateġiku għas-salvagwardja, it-tisħiħ u l-promozzjoni tad-demokrazija fit-tul. L-azzjonijiet proposti huma miġburin fi tliet oqsma: it-tisħiħ tal-għarfien tas-sitwazzjoni u l-appoġġ tal-kapaċità ta' rispons għas-salvagwardja tal-integrità tal-ispazju tal-informazzjoni; it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, elezzjonijiet ħielsa u ġusti u media ħielsa u t-titjib tar-reżiljenza tas-soċjetà u l-involviment taċ-ċittadini. Barra minn hekk, l-inizjattiva tipproponi Ċentru Ewropew ġdid għar-Reżiljenza Demokratika u tirreferi għall-finanzjament tal-UE għal "investiment fid-demokrazija" bħala parti mill-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għall-2028-2034.

F'dan il-kuntest u fuq il-bażi ta' nota ta' gwida mill-Presidenza, il-ministri ddiskutew suġġetti u azzjonijiet li l-presidenza għandha tagħtihom prijorità meta timxi 'l quddiem fil-ħidma fil-Kunsill fuq l-implimentazzjoni tat-Tarka Ewropea għad-Demokrazija u b'mod aktar wiesa' għat-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika.

Punti oħrajn

Id-delegazzjoni Franċiża u dik Portugiża għarrfu lill-Kunsill dwar l-importanza tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE filwaqt li d-delegazzjoni Spanjola tat informazzjoni dwar l-istrateġija makroreġjonali tal-UE għall-Atlantiku.

Il-Kunsill adotta, mingħajr diskussjoni, ir-regolament dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet Russi kemm tal-gass mill-pipelines kif ukoll tal-gass naturali likwifikat (LNG) fl-UE, l-hekk imsejjaħ regolament "REPowerEU". Ir-regoli l-ġodda jinkludu wkoll miżuri dwar il-monitoraġġ effettiv u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija. Ir-regolament huwa pass importanti biex jintlaħaq l-objettiv tar-REPowerEU li tintemm id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija Russa.

Waqt kolazzjon informali, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-simplifikazzjoni u r-regolamentazzjoni aħjar mal-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew, is-Sur Bernd Lange.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Marzu 2026