Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 17 ta' Marzu 2026

Riżultati ewlenin

Il-ministri responsabbli għall-affarijiet Ewropej komplew it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu billi ddiskutew abbozz ta' konklużjonijiet, kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-aspetti ta' governanza tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2028-2034 li jmiss u ffukaw fuq is-Semestru Ewropew 2026.

<p>Marilena Raouna, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta' Ċipru</p>

Fit-tħejjija għall-Kunsill Ewropew aktar tard din il-ġimgħa, u fl-isfond ta' sfidi ġeopolitiċi sinifikanti, il-presidenza Ċiprijotta qed iżżid l-isforzi tagħha biex tavvanza Ewropa aktar kompetittiva b'baġit fit-tul tal-UE li jkun adattat għall-futur. Aħna nibqgħu ffukati u orjentati lejn ir-riżultati fil-ħidma favur Unjoni aktar b'saħħitha u aktar reżiljenti, li kapaċi taġixxi b'mod awtonomu filwaqt li tibqa' miftuħa għad-dinja.

<p>Marilena Raouna, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta' Ċipru</p>

Marilena Raouna, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta' Ċipru

Tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta' Marzu

Il-Kunsill kompla t-tħejjijiet għal-laqgħa ta' Marzu tal-Kunsill Ewropew billi ddiskuta l-abbozz ta' konklużjonijiet. Il-mexxejja mistennija jiddiskutu:

  • il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
  • l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani
  • il-kompetittività u s-suq intern
  • il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028-2034 li jmiss
  • id-difiża u s-sigurtà Ewropea
  • il-migrazzjoni
  • il-multilateraliżmu

Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP)

F'seduta pubblika, il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-QFP 2028-2034 li jmiss b'enfasi fuq l-aspetti ta' governanza. Il-QFP huwa l-baġit fit-tul tal-UE, li jkopri perjodu ta' seba' snin.

Mill-preżentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni f'Lulju u Settembru 2025, kompliet il-ħidma fil-Kunsill kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku bil-ħsieb li jintlaħaq qbil unanimu bejn l-istati membri sa tmiem l-2026. Il-proposti tal-Kummissjoni ressqu struttura aktar simplifikata minn dik li kien hemm f'oqfsa preċedenti, b'għadd imnaqqas ta' intestaturi u programmi. L-istruttura proposta tipprevedi wkoll flessibbiltà mtejba fil-programmi tal-QFP u bejniethom permezz ta' mekkaniżmi bħal possibbiltajiet ta' riprogrammazzjoni, buffers finanzjarji, strumenti speċjali u żieda fil-marġnijiet mhux allokati.

Għalhekk, dibattitu dwar il-governanza kien partikolarment f'waqtu minħabba li l-istati membri jidhru li attwalment jaqblu dwar il-ħtieġa ta' flessibbiltà fil-QFP li jmiss, filwaqt li tiġi żgurata prevedibbiltà adegwata għal investimenti fit-tul. Matul id-diskussjoni, u abbażi ta' nota ta' gwida mill-presidenza, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-arranġamenti ta' governanza li jappartjenu għat-tliet fondi ewlenin taħt il-QFP li jmiss – jiġifieri, il-Pjanijiet ta' Sħubija Nazzjonali u Reġjonali, il-fond Ewropew għall-kompetittività, u l-istrument Ewropa Globali.

Separatament, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-QFP li jmiss mal-membri tal-Parlament Ewropew waqt ikla informali fil-marġini tal-Kunsill.

Semestru Ewropew

Il-ministri jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar rapport ta' sinteżi dwar il-kontributi tal-Kunsill fir-rigward tas-Semestru Ewropew 2026 u l-presidenza ppreżentat pjan direzzjonali aġġornat. Il-Kunsill qabel ukoll li jibgħat abbozz ta' rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro lill-Kunsill Ewropew għall-approvazzjoni.

Punti oħra

Id-delegazzjoni Franċiża qajmet l-importanza tar-riżorsi proprji ġodda fil-QFP li jmiss, filwaqt li d-delegazzjoni Spanjola infurmat lill-Kunsill dwar proġett pilota dwar is-sistema ta' verifika tal-età diġitali.

Matul laqgħat informali konsekuttivi waqt il-kolazzjon, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-isforzi ta' riforma u integrazzjoni, evalwaw ir-riżultati miksuba s'issa u qasmu riflessjonijiet dwar il-passi li jmiss mal-Viċi Prim Ministru tal-Ukrajna, Taras Kachka, u l-Viċi Prim Ministru tal-Moldova, Cristina Gherasimov.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill qabel, mingħajr diskussjoni, dwar deċiżjoni li temenda l-att elettorali Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett. L-emenda tintroduċi l-possibbiltà ta' votazzjoni bi prokura fis-sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew, li tappoġġa l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi tippermetti lill-membri jeżerċitaw bis-sħiħ il-mandati tagħhom fil-perjodi immedjatament qabel u wara t-twellid.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 18 ta' Marzu 2026