Skip to content

Protezzjoni ċivili tal-UE

Permezz tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili, kwalunkwe pajjiż fid-dinja jista' jitlob assistenza meta l-kapaċitajiet tiegħu ta' rispons għad-diżastri ma jkunux jistgħu jlaħħqu ma' emerġenza.

Xi tfisser protezzjoni ċivili?

Il-protezzjoni ċivili tinkludi miżuri preventivi biex jitnaqqas l-impatt ta' emerġenzi jew diżastri futuri u għajnuna mogħtija lil popolazzjonijiet fil-bżonn wara diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem.

Skont in-natura tad-diżastru, din l-għajnuna tista' tieħu forom differenti, bħal:

  • operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ
  • tifi tan-nar fil-foresti u fl-ibliet
  • persunal mediku fuq il-post
  • tagħmir mediku u mediċini
  • tisfija tal-ilma
  • kenn temporanju ta' emerġenza
  • ripatrijazzjoni sikura ta' ċittadini tal-UE

Il-pajjiżi li jintlaqtu minn diżastri fuq skala kbira spiss isibuha diffiċli ħafna u l-kapaċità ta' rispons tagħhom tkun limitata. Għalhekk huwa kruċjali li jkun hemm rispons ikkoordinat fil-livell tal-UE biex:

  • jiġi żgurat li l-għajnuna tingħata fejn tkun meħtieġa
  • tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi ta' sokkors

Kif jaħdem il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili

Il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili jikkoordina r-rispons għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fil-livell tal-UE. Għandu l-għan li:

  • irawwem kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili
  • iżid l-għarfien tal-pubbliku dwar id-diżastri u l-livell ta' tħejjija għalihom
  • jiffaċilita assistenza rapida, effettiva u kkoordinata lill-popolazzjonijiet milquta

Minbarra s-27 pajjiż tal-UE, ċerti pajjiżi mhux membri tal-UE jieħdu sehem fil-mekkaniżmu: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Iżlanda, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Moldova, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna.

Iċ-ċentru ta' koordinazzjoni tar-reazzjoni f'każ ta' emerġenza (ERCC) huwa l-qalba operattiva tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili. Dan jissorvelja l-ġrajjiet li jseħħu madwar id-dinja erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u jikkoordina l-isforzi tal-UE għar-rispons għad-diżastri.

Mapep satellitari prodotti mis-servizz ta' ġestjoni ta' emerġenzi ta' Copernicus jappoġġaw ukoll l-operazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili. L-informazzjoni ġeospazjali f'waqtha u preċiża pprovduta minn Copernicus hija utli għad-delineazzjoni taż-żoni affettwati u għall-ippjanar ta' operazzjonijiet ta' sokkors f'każ ta' diżastru.

Il-mekkaniżmu jinkludi riżerva Ewropea ta' protezzjoni ċivili. Din tikkonsisti fi grupp volontarju ta' assi riżervati minn qabel mill-istati membri biex jiġu skjerati b'mod immedjat ġewwa jew barra mill-UE.

Fl-2019, l-UE stabbiliet ir-riżerva tar-rescEU, li tinkludi:

  • flotta ta' ajruplani u ħelikopters għat-tifi tan-nar
  • ajruplani għall-evakwazzjoni medika
  • timijiet mediċi ta' emerġenza u sptarijiet fuq il-post
  • ħażna ta' tagħmir mediku u kapaċitajiet ta' laboratorji mobbli
  • kapaċitajiet ta' detezzjoni, dekontaminazzjoni u kumulazzjoni ta' riżerva bħala rispons għal inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari
  • refuġji temporanji
  • trasport u loġistika

Il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili jgħin ukoll jikkoordina l-attivitajiet ta' tħejjija għad-diżastri u l-prevenzjoni tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali u jikkontribwixxi għall-iskambju tal-aħjar prattiki.

Biex jiżgura rispons aħjar għall-isfidi futuri, f'Mejju 2021 il-Kunsill adotta regolament ġdid biex isaħħaħ il-mekkaniżmu.

Ir-regoli l-ġodda jagħtu lill-UE kapaċitajiet addizzjonali biex tirrispondi għal riskji ġodda fl-UE u lil hinn minnha u jagħtu spinta lir-riżerva tar-rescEU.

F'Novembru 2023, l-UE adottat deċiżjoni dwar il-finanzjament għall-ajruplani u l-ħelikopters tat-tifi tan-nar sa tmiem l-2027.

Żewġ nisa lebsin ġkieket blu qed iħarsu lejn xi mapep.
Iċ-ċentru ta' koordinazzjoni tar-reazzjoni f'każ ta' emerġenza (ERCC) tal-UE

Il-protezzjoni ċivili tal-UE fil-prattika

Kwalunkwe pajjiż fid-dinja – iżda anki n-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji tagħha, u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra – jista' jitlob lill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili għall-għajnuna, meta l-iskala ta' emerġenza tegħleb il-kapaċità tiegħu li jirreaġixxi waħdu.

Wara talba ta' pajjiż għall-assistenza, l-ERCC jikkoordina u jimmobilizza l-assistenza jew l-għarfien espert offrut mill-istati membri.

Mill-2001 sa issa, il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili ġie attivat aktar minn 770 darba ġewwa u barra mill-UE.

L-attivazzjonijiet reċenti jinkludu:

  • il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna
  • il-kunflitt fil-Lvant Nofsani
  • in-nirien fil-foresti u għargħar fl-Ewropa
  • it-terremot fit-Turkija u s-Sirja fl-2023
  • l-emerġenza fil-qasam tas-saħħa tal-COVID-19 fl-2020-2022
  • ir-ripatrijazzjonijiet mill-Afganistan fl-2021
Żewġt irġiel jieħdu kaxxa mmarkata bil-bandiera tal-UE minn ġo ajruplan.
Konsenja ta' tagħmir mediku matul il-pandemija tal-COVID-19.

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

B'rispons għall-aggressjoni militari tar-Russja, l-UE qed tikkoordina l-akbar operazzjoni tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili li qatt saret.

Il-pajjiżi kollha tal-UE, kif ukoll l-Iżlanda, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Moldova, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija, qed jipprovdu assistenza materjali lill-Ukrajna, inkluż:

  • provvisti mediċi
  • ġeneraturi tal-elettriku
  • oġġetti ta' kenn u lbies protettiv
  • tagħmir għat-tifi tan-nar
  • pompi tal-ikel u tal-ilma

L-UE stabbiliet ċentri loġistiċi fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja biex tgħaddi oġġetti lejn l-Ukrajna b'mod aktar effiċjenti.

Minħabba l-ħtieġa enormi ta' provvisti mediċi fl-Ukrajna, l-UE applikat ir-riżervi strateġiċi tagħha tar-rescEU. L-UE qed tikkoordina wkoll l-evakwazzjonijiet mediċi ta' pazjenti Ukreni fi bżonn urġenti ta' trattament u fetħet ċentru mediku ddedikat f'Rzeszów (il-Polonja).

L-emerġenza fil-qasam tas-saħħa tal-COVID-19

Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-UE għenet biex tikkoordina u tiffinanzja l-konsenja ta' tagħmir mediku u oġġetti relatati madwar l-Ewropa u d-dinja.

Il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili ġie attivat 260 darba bejn l-2020 u l-2022 minħabba l-emerġenza fil-qasam tas-saħħa tal-COVID-19 – l-ogħla għadd ta' attivazzjonijiet fl-istorja tal-mekkaniżmu.

L-assistenza pprovduta kienet tinkludi:

  • donazzjonijiet ta' tagħmir protettiv bħal maskri, ingwanti, ġagagi u goggles
  • timijiet mediċi u tagħmir mediku
  • tilqim
  • trattament transfruntier ta' pazjenti
  • ripatrijazzjoni ta' ċittadini tal-UE maqbuda barra minn pajjiżhom

Protezzjoni ċivili u tibdil fil-klima

Avvenimenti estremi tat-temp li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima qed isiru aktar frekwenti, intensi u persistenti.

Huwa għalhekk li, f'Marzu 2022, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw għall-adattament ulterjuri tas-sistemi tal-protezzjoni ċivili għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, fir-rigward ta' prevenzjoni, tħejjija, rispons u rkupru.

F'dan il-kuntest, l-istati membri huma mħeġġa:

  • jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni
  • jiżguraw id-disponibbiltà ta' kapaċitajiet suffiċjenti fil-livell nazzjonali
  • jappoġġaw it-tħejjija tal-popolazzjoni

Dawn il-konklużjonijiet huma pass importanti fid-direzzjoni tat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE.

Illustrazzjonijiet li juru t-tisħin globali u l-flus
It-tibdil fil-klima jiswa l-flus u l-ħajjiet (Infografika)

It-tibdil fil-klima jiswa l-flus u l-ħajjiet (Infografika)

Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni Ċivili

Fil-Kunsill, il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni Ċivili (PROCIV) huwa l-korp responsabbli biex jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni ċivili, bħal:

  • proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni
  • konklużjonijiet tal-Kunsill dwar temi speċifiċi
  • kontributi għal negozjati f'fora internazzjonali

Fil-grupp isiru wkoll diskussjonijiet strateġiċi u skambji dwar temi partikolari. Il-grupp ta' ħidma huwa ppresedut mill-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill, li tħejji l-programm ta' ħidma.

L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Awwissu 2025