Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 07-08/10/2019, 7 u 8 ta' Ottubru 2019

Riżultati ewlenin

Affarijiet interni, it-Tlieta 8 ta' Ottubru 2019

Il-futur tas-sigurtà interna

Il-ministri ddiskutew l-isfidi u l-opportunitajiet li toffri t-teknoloġija ġdida fil-qasam tas-sigurtà interna. Huma nnutaw li hemm bżonn ta' approċċ proattiv li jippermetti lill-awtoritajiet jirrispettaw il-liġi filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu l-privatezza u d-drittijiet fundamentali. Il-ministri esprimew l-appoġġ ġenerali tagħhom għall-ħolqien ta' laboratorju ta' innovazzjoni fil-Europol li jista' jaġixxi bħala monitor tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda u jixpruna l-innovazzjoni. Huma ddiskutew il-kompiti u l-prijoritajiet possibbli għal dan il-laboratorju l-ġdid, kif ukoll dawk li għandhom jiġu involuti.

Il-ministri eżaminaw ukoll ir-rabtiet bejn it-theddid ibridu u s-sigurtà interna. Id-diskussjoni ffokat b'mod partikolari fuq kif l-UE tista' tappoġġa aħjar lill-istati membri fid-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu minn perspettiva ta' sigurtà interna. Il-ministri ddiskutew ukoll liema aġenziji u mekkaniżmi tal-UE jistgħu jkunu rilevanti għal din il-ħidma.

Maria Ohisalo, Ministru għall-Intern tal-Finlandja
Il-bidliet fis-soċjetajiet tagħna jistgħu jagħmlu ħajjitna aktar faċli, iżda jippermettu wkoll lill-kriminali jsibu modi ġodda biex iwettqu atti kriminali. Aħna determinati li naħdmu flimkien biex niżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jirreaġixxu għal theddid ġdid. Li nkunu minn ta' quddiem nett fl-iżvilupp teknoloġiku u li jkollna l-għodda t-tajba biex nirrispondu għal theddid ibridu ġdid u kumpless huwa importanti għalina lkoll.
Maria Ohisalo, Ministru għall-Intern tal-Finlandja
Maria Ohisalo, Ministru għall-Intern tal-Finlandja

Estremiżmu vjolenti u terroriżmu tal-lemin

Il-ministri għall-affarijiet interni kellhom dibattitu dwar l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu tal-lemin. Huma approvaw il-ħtieġa ta' aktar ħidma fuq il-kwistjonijiet li ġejjin:

  • il-ħolqien ta' ħarsa ġenerali aħjar lejn is-sitwazzjoni tal-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu tal-lemin
  • it-tkomplija tal-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta' prattiki tajbin dwar kif jistgħu jissaħħu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-indirizzar tal-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu
  • l-indirizzar tal-firxa ta' kontenut estremist tal-lemin illegali online u offline
  • il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ewlenin

Migrazzjoni

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni. Huma ħadu l-opportunità biex ipinġu stampa ġenerali tas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fl-UE fir-rotot kollha, b'fokus partikolari fuq iż-żieda fil-wasliet fil-Lvant tal-Mediterran u d-dikjarazzjoni reċenti bejn Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Malta dwar l-arranġamenti temporanji għall-iżbark.

Punti ewlenin mill-Kunsill Affarijiet Interni tat-8 ta' Ottubru 2019, li sar il-Lussemburgu

Ġustizzja, it-Tnejn 7 ta' Ottubru 2019

Drittijiet fundamentali

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-konklużjonijiet jaffermaw mill-ġdid li l-Unjoni hija bbażata fuq valuri komuni bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn id-drittijiet huma aspett fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jridu jiġu rispettati b'mod sħiħ mill-istati membri kollha u mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Azzjoni tal-UE kontra l-korruzzjoni

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet, f'sessjoni pubblika, dwar l-azzjoni tal-UE kontra l-korruzzjoni. Maġġoranza kbira tal-ministri appoġġaw il-prinċipju ta' strateġija jew pjan ta azzjoni komprensiv ġdid tal-UE li jkun jeħtieġ li jiffoka fuq oqsma fejn il-ħidma tal-UE tista' ġġib valur miżjud. Ser jiġu eżaminati wkoll is-sinerġiji possibbli ma' strumenti internazzjonali eżistenti. Fl-aħħar nett, il-presidenza kkonkludiet li hemm maġġoranza ċara li tappoġġa li l-UE ssir membru sħiħ tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO).

Anna-Maja Henriksson, Ministru għall-Ġustizzja tal-Finlandja
Il-korruzzjoni taffettwa lill-istati membri kollha, għalkemm fi gradi differenti. Il-korruzzjoni mifruxa ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt. Hija tostakola wkoll it-tkabbir ekonomiku. Hija sfida li għandna niffaċċaw flimkien, sfida fejn l-UE għandha tmexxi bl-eżempju.
Anna-Maja Henriksson, Ministru għall-Ġustizzja tal-Finlandja
Anna-Maja Henriksson, Ministru għall-Ġustizzja tal-Finlandja

Il-Eurojust

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Eurojust. Huwa enfasizza l-importanza tal-aġenzija fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u enfasizza l-importanza tagħha bħala struttura kooperattiva mal-istati membri kif ukoll ma' korpi oħra bħall-Europol u l-uffiċċju futur tal-prosekutur pubbliku Ewropew (UPPE).

Il-Kunsill fakkar ukoll li l-Eurojust għandha tingħata riżorsi adegwati biex tiffaċċa sfidi ġodda ppreżentati mill-iżviluppi teknoloġiċi u t-theddid li jirriżulta mill-ambjent ta' sigurtà li qed jevolvi.

Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem - KEDB

Il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li taderixxi għall-KEDB. Il-ministri qablu ma' direttivi ta' negozjati supplimentari sabiex il-Kummissjoni tkun lesta biex terġa' tibda n-negozjati mal-Kunsill tal-Ewropa fil-futur qrib.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tagħlaq 10 snin

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025