Skip to content

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna: il-ġlieda kontra l-impunità

L-UE ħadet għadd ta' miżuri biex tappoġġa l-prosekuzzjoni tad-delitti internazzjonali li r-Russja wettqet fl-Ukrajna u kontriha, u biex tiżgura li l-Ukrajna u l-poplu tagħha jirċievu kumpens għad-danni kkawżat mill-gwerra.

Inżommu lir-Russja responsabbli

Mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bosta rapporti kredibbli ddokumentaw it-twettiq ta' delitti internazzjonali ewlenin u delitti atroċi fl-Ukrajna – delitti li għadhom għaddejjin sal-lum.

Id-delitti internazzjonali ewlenin u d-delitti atroċi huma l-aktar ksur serju tad-dritt internazzjonali. Jinkludu delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti ta' aggressjoni.

L-UE u l-istati membri tagħha huma impenjati bis-sħiħ li jiżguraw li dawn l-atroċitajiet gravi kollha mwettqa mir-Russja fl-Ukrajna u kontriha ma jitħallewx mingħajr piena.

Personifikazzjoni tal-ġustizzja, u martell ta' mħallef.

Delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna

Biex tappoġġa l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqin mir-Russja, l-UE ħadet għadd ta' miżuri, inkluż ir-riferiment tar-Russja quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali f'Marzu 2022 u l-istabbiliment ta':

  • skwadra ta' investigazzjoni konġunta fi ħdan l-Eurojust (Marzu 2022)
  • il-ġbir ta' data dwar delitti tal-gwerra fi ħdan l-Europol (Marzu 2022)
  • il-missjoni konsultattiva tal-UE fl-Ukrajna (April 2022)
  • bażi tad-data ta' evidenza dwar id-delitti fl-Eurojust (Frar 2023)
  • taskforce fi ħdan l-Europol biex tgħin fl-identifikazzjoni ta' persuni suspettati (Settembru 2023)

Qorti Kriminali Internazzjonali

F'Marzu 2022, l-istati membri kollha tal-UE, flimkien ma' pajjiżi sħab oħra, iddeċidew li b'mod kollettiv jirreferu s-sitwazzjoni fl-Ukrajna quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI). Minbarra l-investigazzjoni mill-prosekutur tal-QKI, il-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna wkoll fetħet investigazzjoni, kif għamlu wkoll l-awtoritajiet f'diversi stati membri.

L-UE appoġġat il-kapaċitajiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali b'€7.25 miljun.

Eurojust

F'Marzu 2022, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) appoġġat l-istabbiliment ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta fir-rigward tal-allegati delitti mwettqa fl-Ukrajna. L-iskwadra ta' investigazzjoni għandha l-għan li ttejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet kompetenti involuti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti internazzjonali ewlenin fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali.

Attwalment hija magħmula mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Ukrajna, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja. L-Eurojust, l-Europol u l-QKI jipparteċipaw ukoll fil-ħidma tal-iskwadra ta' investigazzjoni.

Biex jappoġġa l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti internazzjonali ewlenin imwettqa fl-Ukrajna, f'Mejju 2022, il-Kunsill adotta regoli ġodda li jagħmlu lill-Eurojust ċentru għall-ġbir, l-analiżi u l-kondiviżjoni tal-evidenza. Taħt dan il-qafas il-ġdid, l-Eurojust tista':

  • taħżen u tippreserva evidenza relatata ma' delitti tal-gwerra, inkluż immaġnijiet satellitari, ritratti, vidjos, reġistrazzjonijiet awdjo, profili tad-DNA u marki tas-swaba'
  • tipproċessa u tanalizza din l-evidenza u taqsamha mal-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti

F'dan il-kuntest, l-Eurojust stabbiliet il-bażi ta' data ta' evidenza dwar delitti internazzjonali ewlenin fi Frar 2023. Din l-għodda mfassla apposta tippermetti lill-Eurojust tappoġġa lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fl-identifikazzjoni ta' investigazzjonijiet paralleli u fil-koordinazzjoni ta' evidenza ta' delitti internazzjonali ewlenin li tista' tkun kruċjali għall-investigazzjonijiet tagħhom.

Europol

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) bdiet tiġbor data rilevanti fir-rigward tad-delitti tal-gwerra minn diversi sorsi (infurzar tal-liġi, NGOs u sorsi miftuħa) f'Marzu 2022 biex tappoġġa l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta' atroċitajiet imwettqa fl-Ukrajna.

L-aġenzija appoġġat ukoll it-tnedija ta' taskforce f'Settembru 2023 biex tgħin fl-identifikazzjoni ta' persuni suspettati u l-involviment tagħhom f'delitti internazzjonali ewlenin u delitti atroċi mwettqa fl-Ukrajna permezz tal-ġbir u l-analiżi ta' intelligence minn sorsi miftuħa.

Missjoni ta' konsulenza tal-UE għall-Ukrajna

F'April 2022, il-Kunsill emenda l-mandat tal-missjoni konsultattiva tal-UE fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) sabiex tkun tista' tappoġġa l-isforzi fir-rigward tar-responsabbiltà. EUAM Ukraine issa tipprovdi pariri strateġiċi u taħriġ lill-awtoritajiet Ukreni dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti internazzjonali.

EUAM Ukraine tagħti wkoll fondi u tagħmir lill-awtoritajiet Ukreni biex tiffaċilita l-isforzi tagħhom. Il-missjoni tikkoordina mal-QKI u mal-Eurojust, kif ukoll mal-istati membri li jaġixxu b'appoġġ dirett għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti internazzjonali.

Delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna

Biex tappoġġa l-prosekuzzjoni tad-delitt ta' aggressjoni tar-Russja, l-UE approvat l-istabbiliment tat-Tribunal Speċjali għad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna u nediet iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta' Aggressjoni fl-Ukrajna.

Delitt ta' aggressjoni huwa delitt imwettaq mit-tmexxija politika u militari ta' pajjiż kontra s-sovranità, l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' pajjiż ieħor.

Id-delitti ta' aggressjoni jinkludu l-invażjoni, l-okkupazzjoni militari, l-annessjoni bl-użu tal-forza, il-bumbardament u l-imblokk tal-portijiet. Billi r-Russja mhijiex stat parti għall-Istatut ta' Ruma tal-QKI, il-Qorti ma għandhiex ġuriżdizzjoni fuq id-delitt ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

Tribunal Speċjali għad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna

Fid-9 ta' Mejju 2025, l-UE, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Ukrajna u koalizzjoni internazzjonali ta' stati approvaw l-istabbiliment tat-Tribunal Speċjali għad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Fil-15 ta' Mejju 2026, l-UE ngħaqdet mal-ftehim parzjali estiż tat-Tribunal Speċjali għad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna, id-dokument li jistipula l-arranġamenti istituzzjonali, finanzjarji u amministrattivi stabbiliti għat-tribunal speċjali. Wara din id-deċiżjoni, l-istati u l-organizzazzjonijiet parteċipanti ser ikunu jistgħu jirratifikaw il-konvenzjoni li ser tistabbilixxi uffiċjalment it-tribunal speċjali. L-UE qed tappoġġa finanzjarjament l-istabbiliment tat-tribunal speċjali b'€10 miljun.

It-tribunal, ladarba jiġi stabbilit fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, ser ikollu s-setgħa jinvestiga, iressaq għall-prosekuzzjoni u jipproċessa lil mexxejja politiċi u militari Russi responsabbli għad-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta' Aggressjoni fl-Ukrajna

L-Eurojust tospita wkoll iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta' Aggressjoni fl-Ukrajna, li ġie stabbiliti f'Lulju 2023.

Iċ-ċentru għandu l-għan li jappoġġa u jikkoordina l-investigazzjonijiet nazzjonali dwar id-delitt ta' aggressjoni relatat mal-gwerra fl-Ukrajna u jiffaċilita l-bini tal-każijiet għal kwalunkwe proċess futur, inkluż dawk quddiem it-Tribunal Speċjali għad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Ħlas għad-dannu magħmul

L-UE hija impenjata li tiżgura li l-Ukrajna u l-poplu tagħha jirċievu kumpens sħiħ għad-danni kkawżati mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. Għal dan l-għan, l-UE ssieħbet fir-Reġistru tad-Danni għall-Ukrajna u ffirmat il-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna.

Ir-Reġistru tad-Danni għall-Ukrajna

Ir-Reġistru tad-Danni għall-Ukrajna, stabbilit f'Mejju 2023 fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, jirreġistra talbiet eliġibbli għal kumpens għal dannu, telf jew korriment li jirriżultaw mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ir-reġistru fetaħ l-applikazzjonijiet f'April 2024.

L-Unjoni Ewropea u 44 stat issieħbu fir-reġistru.

Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna

Fis-16 ta' Diċembru 2025, l-UE, flimkien ma' 35 pajjiż, iffirmat il-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna.

Fil-15 ta' Mejju 2026, l-UE rratifikat il-konvenzjoni, u saret membru fundatur. Il-Kummissjoni għat-Talbiet ser tiġi stabbilita fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u ser tibda l-ħidma tagħha wara li tkun ġabret 25 ratifika b'kontribuzzjonijiet finanzjarji suffiċjenti. L-UE qed tappoġġa l-istabbiliment tal-Kummissjoni għat-Talbiet b'massimu ta' €1 miljun.

Ladarba tiġi stabbilita, il-Kummissjoni għat-Talbiet ser teżamina u tivvaluta talbiet eliġibbli, u tiddeċiedi dwarhom, u tiddetermina l-ammont ta' kumpens għal dannu, telf jew korriment ikkawżat minn atti internazzjonalment illeċiti mwettqa mir-Russja fl-Ukrajna jew kontriha.

Miżuri oħra tal-UE biex tiġi appoġġata l-Ukrajna

Ikklikkja l-links għal aktar informazzjoni dwar l-assistenza tal-UE lill-Ukrajna.

Ara wkoll

Mappa stilizzata tal-Ukrajna sovrapposta bil-kuluri tal-bandiera Ukrena. Fuq il-lemin hemm l-istilel tal-bandiera tal-UE.
Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna

Id iżżomm ġirasol.
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Collage li jinkludi dixx tas-satellita, id mgħollija mdawra bl-istilel tal-bandiera tal-UE u bastiment kbir tal-merkanzija.
Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna: sanzjonijiet tal-UE

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna: sanzjonijiet tal-UE

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Mejju 2026