Il-Faċilità għall-Ukrajna
Il-Faċilità għall-Ukrajna tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna biex jissaħħu l-istabbiltà makrofinanzjarja, l-irkupru u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż, l-amministrazzjoni pubblika tagħha tkompli taħdem u jiġu appoġġati l-isforzi tagħha ta' riforma.
X'inhi l-Faċilità għall-Ukrajna?
Il-Faċilità għall-Ukrajna hija strument li jippermetti lill-UE tipprovdi lill-Ukrajna b'aktar minn €50 biljun f'appoġġ finanzjarju stabbli u prevedibbli tul il-perjodu 2024-2027.
Il-faċilità għandha l-għan li tappoġġa:
- l-istabbiltà makrofinanzjarja, l-irkupru u l-modernizzazzjoni
- riformi
- servizzi pubbliċi mingħajr interruzzjoni
- is-soċjetà ċivili
- il-mobilizzazzjoni ta' investiment fis-settur privat
L-istabbiliment tal-Faċilità għall-Ukrajna fi Frar 2024 għal darb'oħra wera l-impenn tal-UE li tappoġġa lill-Ukrajna waqt li tiffaċċa l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja u fi triqitha lejn is-sħubija fl-UE.
Il-faċilità hija mfassla sabiex tkun strument flessibbli u koerenti adattat għall-isfidi mingħajr preċedent li jiġi appoġġat pajjiż li jinsab fi gwerra. Hija organizzata madwar tliet pilastri.
Pilastru 1: appoġġ finanzjarju dirett
Il-Pilastru 1 jipprovdi appoġġ finanzjarju dirett lill-Ukrajna għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tagħha, inkluż ir-riformi li beħsiebha tagħmel bħala parti mill-proċess ta' adeżjoni mal-UE.
Dan il-finanzjament jingħata bil-kundizzjoni li l-Ukrajna tissodisfa l-istadji importanti ta' riforma li jinsabu fil-Pjan għall-Ukrajna. Dan il-pilastru għandu pakkett ta' aktar minn €38 biljun.
Pilastru 2: qafas ta' investiment
Il-Pilastru 2 jipprovdi qafas biex jiġi attirat l-investiment pubbliku u privat għall-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.
Il-finanzjament jappoġġa, pereżempju, kumpaniji li lesti jinvestu fl-Ukrajna iżda li huma skoraġġuti minn riskji kbar u assigurazzjoni għalja. Dan il-pilastru għandu pakkett ta' aktar minn €p.6 biljun.
Pilastru 3: assistenza ta' qabel l-adeżjoni
Il-Pilastru 3 jintroduċi l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u miżuri oħra ta' appoġġ biex jgħin lill-Ukrajna tallinja mal-liġijiet tal-UE u twettaq ir-riformi meħtieġa fi triqitha lejn l-adeżjoni mal-UE.
L-assistenza teknika tingħata lill-awtoritajiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dan il-pilastru għandu pakkett ta' aktar minn €4 biljun.
X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-appoġġ?
Il-pagamenti taħt il-pilastru 1 isiru mill-UE hekk kif jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Pjan għall-Ukrajna ppreżentat mill-gvern Ukren f'Marzu 2024 u approvat mill-Kunsill f'Mejju 2024.
Il-pjan għall-Ukrajna jagħti l-pjan direzzjonali tal-Ukrajna għal:
- l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż
- ir-riformi li beħsiebha twettaq bħala parti mill-proċess ta' adeżjoni mal-UE
Minbarra li timplimenta dawn ir-riformi, sabiex tikseb l-appoġġ l-Ukrajna trid issostni l-mekkaniżmi demokratiċi, fosthom sistema parlamentari b'diversi partiti, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
Fil-Kunsill, il-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar ir-Rikostruzzjoni u l-Appoġġ għall-Ukrajna huwa inkarigat li jivvaluta l-progress tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tar-riformi, u anke li japprova l-iżborżi taħt il-Faċilità għall-Ukrajna.
X'inhu l-baġit totali tal-Faċilità għall-Ukrajna?
Il-baġit inizjali tal-faċilità kien ta' €50 biljun għall-perjodu mill-2024 sal-2027. Il-mexxejja tal-UE qablu dwar dan l-ammont fl-1 ta’ Frar 2024.
Dan l-ammont qed jingħata kemm permezz ta' self (madwar €33 biljun) kif ukoll għotjiet (madwar €17 biljun).
F'Lulju 2026, il-Kunsill emenda l-Pjan għall-Ukrajna biex jinkludi €8.3 biljun addizzjonali f'finanzjament għall-2026, ipprovduti permezz tas-self ta' appoġġ għall-Ukrajna.
- Il-Kunsill jemenda l-Pjan għall-Ukrajna biex jirrifletti aktar minn €8 biljun f'finanzjament addizzjonali tal-Faċilità għall-Ukrajna għall-2026 (stqarrija għall-istampa, 30 ta' Lulju 2026)
- Self ta' appoġġ għall-Ukrajna
Kif jingħataw il-fondi?
Il-fondi taħt il-pilastru I huma pprovduti permezz ta’ għotjiet u self, abbażi tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna.
Il-ħlasijiet isiru fuq skeda fissa trimestrali, abbażi ta' talbiet għal pagament ippreżentati mill-Ukrajna u wara l-verifika mill-Kummissjoni Ewropea li l-kundizzjonalitajiet rilevanti twettqu b'mod sodisfaċenti. Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali.
Taħt il-pilastri II u III l-għotjiet disponibbli huma pprovduti fuq bażi ta' proġett.
Is-self huwa garantit permezz tar-riżorsi proprji tal-UE. L-għotjiet huma koperti permezz tar-riżerva għall-Ukrajna, strument speċjali propost fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).
Il-faċilità hija mgħammra b'qafas robust għall-awditjar u l-kontroll. Bord tal-awditjar indipendenti ddedikat jiskrutinizza l-użu tal-fondi.
Kontribuzzjonijiet ta’ donaturi oħra għall-faċilità
Il-Faċilità għall-Ukrajna tippermetti lill-istati membri tal-UE, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jikkontribwixxu fuq bażi volontarja. S’issa, ir-Renju Unit, in-Norveġja u l-Iżvezja taw kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji.
X'appoġġ tat l-UE s'issa?
S'issa ġew mobilizzati €43.3 biljun fit-tliet pilastri tal-Faċilità għall-Ukrajna.
Din iċ-ċifra tkopri aktar minn €32 biljun żborżati taħt il-pilastru 1, li jinkludu €6 biljun f’finanzjament tranżitorju, €1.89 biljun fi prefinanzjament, u tmien pagamenti regolari.
Għaliex strument ġdid?
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat danni għall-Ukrajna li jammontaw għal mijiet ta' biljuni ta' euro.
L-istima tal-ispejjeż tar-rikostruzzjoni tul l-għaxar snin li ġejjin tlaħħaq il-€500 biljun, bir-riżultat li jintilef l-aċċess għas-swieq finanzjarji u jkun hemm tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku, filwaqt li żdiedet sew in-nefqa pubblika biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja u biex tinżamm il-kontinwità tas-servizzi tal-istat.
Il-faċilità tagħti lill-UE strument legali unifikat li jiżgura approċċ konsistenti u trasparenti u rispons ta' politika koerenti u integrat għas-sitwazzjoni tal-Ukrajna. Il-faċilità tieħu post l-appoġġ preċedenti mogħti permezz tal-programm ta' assistenza makrofinanzjarja+ (AMF+) u l-istrument ta' viċinat, ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' kooperazzjoni internazzjonali (NDICI).
Fl-istess ħin, il-faċilità tagħmilha possibbli li l-isforzi ta' rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-Ukrajna jintrabtu mat-triq tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE.
Il-faċilità tipprovdi wkoll perspettiva ċara ta' nofs it-terminu, b'finanzjament prevedibbli. Il-prevedibbiltà hija essenzjali biex l-istat Ukren jibqa’ jiffunzjona u jippjana b’mod effettiv waqt żmien ta' gwerra. Huwa importanti wkoll għas-sħab internazzjonali u donaturi oħra.
Ara wkoll
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna
Assistenza finanzjarja tal-UE lill-Ukrajna
Appoġġ militari tal-UE għall-Ukrajna
L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Ottubru 2026